Leisure Clothing: każ ta’ protezzjoni?

Leisure Clothing QualityLeisure Clothing products

Qed jissemmew diversi ismijiet ta’ persuni Maltin li kienu b’xi mod involuti fl-operat jew fir-rappresentanza tal-Kumpanija Ċiniża tat-tessuti.

Il-kummenti jsegwu pattern kostanti. Qed jissemmew persuni Laburisti (l-parti l-kbira magħrufa) bħala persuni viċin il-management (jew li għal xi żmien kienu parti mill-management innifsu) tal-kumpanija Leisure Clothing. S’issa issemma ukoll persuna waħda (ex-Ministru mill-PN) bħala li allegatament akkomoda x-xewqat jew il-ħtiġijiet tal-kumpanija.

Fid-dawl ta’ dan hu faċli li jinftehmu l-attitudnijiet ta’ uħud, kemm favur kif ukoll kontra dak li hu rappurtat li qiegħed jiġri fil-Leisure Clothing.

Huma interessanti ukoll il-kummenti ta’ uħud dwar osservazzjonijiet li għamlu tant snin ilu u li dwarhom issa ħassew li setgħu jitkellmu wara snin kbar ta’ silenzju.

Il-mistoqsija li spiss qed nisma’ hi : għaliex issa ħarġu fil-beraħ dawn l-affarijiet? Jekk numru ta’ snin ilu kien hemm min jaf bihom u ma ħarġux dan ma jfissirx li dakinnhar kien hemm xi ħadd li kellu s-setgħa li jagħti l-protezzjoni?

Issa jiena ma nemminx li persuna waħda tista’iżżomm dawn l-affarijiet mistura għal snin kbar. L-anqas numru ta’ persuni ma naħseb li jirnexxilhom iżommu storja bħal din mistura għal numru ta’ snin. L-anqas f’pajjiż totalitarju m’hu possibli li dan iseħħ għal tul ta’ żmien mingħajr ma jkun jaf bih ħadd.

Dan kollu jfisser li l-istorja hi ħafna iktar ikkumplikata milli wieħed jaħseb.

L-iskandlu tal-Leisure Clothing: meta l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi raqad.

sleeping beauty

 

Norman Vella, fil-blog tiegħu Mill-Venda, kiteb artiklu intitolat : L-iskandlu Leisure Clothing: Fil-GWU kien hemm min ilu jaf (30 t’Ottubru). Skond Norman Vella “xi snin ilu ġurnalist tal-gazzetta L-Orizzont kien beda jinvestiga l-abbuż tal-ħaddiema Ażjatiċi fil-fabbrika tal-Leisure Clothing. Dak iż-żmien fil-Gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista.”

L-emfasi ta’ Norman Vella fl-artiklu tiegħu hi li Tony Zarb tal-GWU jekk irid jista’ jkollu l-informazzjoni kollha mingħand il-ġurnalisti tal-Union Press. Hemm ukoll l-issue taċ-ċensura tal-ġurnalisti tal-Union Press mit-tmexxija tal-GWU.

Norman Vella fl-artiklu dwar l-abbużi fil-Leisure Clothing imkien ma jgħidilna għalfejn raqad il-Gvern tal-Lawrence Gonzi.

Kif inhu possibli li dakinnhar, ħlief il-ġurnalisti tal-GWU (li ġew iċċensurati) ħadd ma nduna b’xejn? Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi : kien rieqed u ma nduna b’xejn jew għalaq għajnejh? Liema minnhom?

Forsi l-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon ikun jista’ jagħtina risposta. Jista’ jintervista lill-Ministri tax-Xogħol kollha li kellna tul is-snin li l-Leisure Clothing ilha topera f’Malta (mis-snin 80). Għaliex ħadd ma induna b’xejn tul dawn is-snin kollha?

F’wieħed mill-artikli ippubblikati fin-Nazzjon, Joe Mikallef qalilna li fl-2007 kien hemm investigazzjoni dwar il-Leisure Clothing liema investigazzjoni ma sabet xejn. Ikun interessanti li jkun eżaminat jekk dik l-investigazzjoni kienitx waħda li saret bis-serjeta’.  Jew forsi l-abbużi żviluppaw wara l-2007?

Issa naraw ftit jekk il-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon hux ser jgħidilna ftit dwar dan ukoll.

50 flixkun ilma

50 water bottles

 

In-Nazzjon tal-bieraħ tikkwota email ta’ ex-Ministru tas-snin tmenin li għandu rabtiet kbar maċ-Ċina. Fiha tfakkar lil min irċeviha biex ma jinsiex il-50 flixkun tal-ilma: “Don’t forget to bring me 50 bottles of water.”

Min irċieva l-email kien jaf li l-ex Ministru mhux fliexken tal-ilma ried iżda li jitħallas tal-visa li kiseb għaċ-Ċiniż li rċieva l-email.

Din hi parti mir-racket li qed tinkixef in konnessjoni mal-Leisure Clothing, il-kumpanija tat-tessuti tal-Gvern Ċiniż f’Malta.

Il-ġurnalist Joe Mikallef ma jgħidilniex jekk din l-attivita’ ġratx qabel Marzu 2013 jew wara inkella li ilha żmien u baqgħet għaddejja qiesha m’hu xejn. Dettall importanti li ma naħsibx li qabeż lil Joe Mikallef. Imma forsi fiċ-ċirkustanzi  u għal raġunijiet politiċi kien jaqbel għan-Nazzjon li jitħalla barra. Għax aktar m’hu qed jgħaddi żmien jidher li kien hemm bosta persuni viċini taż-żewġ partiti l-kbar li kellhom iktar minn idea dwar x’inhu jiġri. Għal min kien qed iħawwad dan kien insurance biex jassigura li t-taħwida ddum u tinħaleb sew. Għalhekk forsi l-awtoritajiet setgħu jagħlqu għajnejhom għal snin twal.

X’imkien darba, żmien ilu, kont qrajt li l-korruzzjoni kellha tinqered bl-egħruq u x-xniexel. Jidher ċar li meta l-egħruq ikunu fil-fond ma jinqerdux, iżda jkunu jeħtieġu ħafna iktar ilma: mhux inqas minn 50 flixkun.

 

Esaġerazzjoni jew l-awtoritajiet mixtrija ? Il-każ tal-fabbrika taċ-Ċiniżi .

Leisure Clothing.Bulebel

 

L-istorja dwar il-fabbrika taċ-Ċiniżi qed tiżviluppa ftit ftit.

Il-Leisure Clothing hi kumpanija tat-tessuti tal-istat Ċiniż. Jidher li ilha topera Malta mis-snin 80. Hemm madwar 260 ħaddiem ażjatiku (prinċipalment Ċiniżi) jaħdmu fiha.

Jidher li saret investigazzjoni fl-2007 li qed jingħad li ma sabet xejn ħażin fil-fabbrika. In-Nazzjon f’dawn il-ġranet irrappurtat li l-ħaddiema barranin tal-Leisure Clothing qed jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena u li l-awtoritajiet mhux biss qed jagħlqu għajnejhom imma ukoll li kien hemm pressjoni politika biex investigazzjoni li kienet għaddejja titwaqqaf. Qed jingħad ukoll li dawn  il-ħaddiema qed joqgħodu ġo Ħal-Far u li meta ġew Malta d-diriġenti tal-fabbrika ħadulhom il-passaporti u dokumenti ta’ identifikazzjoni biex ma jkunux jistgħu jaħarbu minn Malta.

Minkejja dak li qalet in-Nazzjon, il-Pulizija sadanittant għadhom għaddejjin bl-investigazzjoni tagħhom fejn skond rapporti diversi l-management tal-kumpanija nġabar biex jgħin f’dawn l-investigazzjonijiet.

L-Ambaxxatur Ċiniż fi stqarrija qal li ma jaf xejn.

Tony Zarb tal-General Workers Union qal li hu jikkummenta meta tkun konkluża l-investigazzjoni li qed tagħmel il-GWU dwar il-każ.

Issemmew ukoll xi persuni prominenti bħala li b’xi mod setgħu kienu involuti. Dan ikompli jħawwad l-imħuħ kif ukoll jitfa dell kbir fuq l-awtoritajiet tal-pajjiż.

Dan kollu jwassal għal diversi mistoqsijiet inevitabbli.

Kif inhu possibli li jseħħu dawn l-affarijiet taħt għajnejn kulħadd u donnu li għal żmien twil ma jinduna ħadd?

Fid-dawl ta’ din l-ewwel mistoqsija hi inevitabbli t-tieni waħda: min kien qed jipproteġi lil min? It-tielet mistoqsija hi ukoll waħda loġika: min hu wara din l-operazzjoni kollha?

Il-gazzetti u l-media soċjali qed jippruvaw iwieġbu (kulhadd bil-mod tiegħu) dawn il-mistoqsijiet, u oħrajn. Huwa importanti ħafna iżda li nkunu nafu l-fatti kollha u dan malajr kemm jista’ jkun.

Kulħadd huwa interessat li jkun jaf jekk kienx hemm xi ħadd fl-awtorita’ li nxtara kif ukoll jekk hemmx Maltin involuti f’din l-operazzjoni u jekk dan hu l-każ min huma.

Sadanittant għadni kif qrajt xi kummenti ta’ ħaddiema Maltin fil-fabbrika li qalu li quddiemhom il-ħaddiema Ċiniżi qatt ma kienu trattati ħażin.

Imma kif ġustament ikkummenta Norman Vella fuq il-blog tiegħu, l-istorja tinten sewwa. Għax biex iġġib il-barranin jaħdmu fuq linja ta’ produzzjoni li biex tkun kompetittiva tirrikjedi pagi baxxi, (tant li l-fabbriki Maltin tat-tessuti għalqu kollha) bilfors kien hemm l-intenzjoni ta’ ħlas ta’ pagi miżeri. Kif jgħid Norman Vella : kemm taħsbuna boloħ?

Irridu nistennew biex naraw eżattament x’ġara. Jekk huwiex każ ivvintat jew rappurtaġġ esaġerat, inkella jekk hux każ ta’ abbuż li nżamm mistur sa issa minħabba li nxtraw l-awtoritajiet.

M’hemmx wisq x’tagħżel: jew waħda inkella l-oħra.

Bħal  dejjem il-qasba ma iċċaqċaqx għalxejn. Niftakru kif bdiet l-istorja: ħaddiema Ċinizi tal-fabbrika Leisure Clothing nqabdu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta jippruvaw jaħarbu b’passaporti foloz. Meta interrogawhom il-Pulizija ħarġet din l-istorja kollha.

Dan kollu jwassalni biex nikkonkludi li probabbilment hemm l-abbużi, li dawn ilhom għaddejjin u li xi ħadd għamel ħiltu biex jostor dak li ġara. Għalfejn?

Dalwaqt nisimgħu l-kor ikanta: “mhux jien”.