M’għandekx għalfejn tagħżel bejniethom

 

 

Meta tiġi biex tivvota, nhar is-Sibt, mgħandekx għalfejn tagħżel bejniethom.

Mhux importanti min hu l-iżjed jew l-inqas korrott.

Mhux importanti min hu l-iżjed jew l-inqas inkompetenti.

Mhux importanti min hu imċappas l-iktar jew l-inqas.

Mhux importanti min kellu jirreżenja, imma ma rreżenjax fuq iżżewġ naħat.

 

Il-każ tal-Panama Papers u l-kumpaniji ta Konrad Mizzi u Keith Schembri hu wieħed ta gravitá kbira. Daqskemm huma gravi l-allegazzjonijiet dwar is-sid ta Egrant Inc. u l-flus li waslu mingħand il-familja ta Aliyev fil-kontijiet fil-Bank Pilatus.

Mhux gravi ħafna ukoll il-fatt li Claudio Grech, l-Onorevoli tal-Partit Nazzjonalista nesa jekk qattx iltaqa ma George Farrugia, dak tal-iskandlu tażżejt?

Mhux gravi ukoll kif Beppe Fenech Adami spiċċa Direttur tal-Capital One Investment Limited u ma kien jaf xejn dwar it-taħwid li qed jirriżulta dwar din l-istess kumpanija?

U xi ngħidu għar-rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar il-qaddis miexi fl-art Jason Azzopardi?

U l-villa ODZ li Toni Bezzina ried jibni fl-istess ħin li kien qed jikteb il-politika ambjentali tal-PN?

It-tnejn jgħidu kif għandhom qalbhom ġunġliena għall-ambjent.

Imma t-tnejn iridu l-mina bejn Malta u Għawdex.

It-tnejn iridu l-korsa tat-tlielaq tal-karozzi.

It-tnejn jilgħaqu l-kaċċaturi u n-nassaba.

It-tnejn jappoġġaw il-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa (Armier, Little Armier u Torri l-Abjad).

Xhemm xtagħżel bejniethom?

Wara kollox mgħandekx għalfejn tagħżel bejniethom!

Il-Partit Nazzjonalista u l-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa

Armier ittra

 

Il-partiti politiċi fil-Parlament ħafna drabi ma jieħdux pjaċir jiftakru jew tfakkarhom fil-passat tagħhom. Jgħidulna biex il-passat inħalluh għax huma jridu jħarsu l-quddiem.

Hu obbligu tagħna li niftakru il-passat ukoll. Mhux biss għax il-passat hu l-mera tal-futur, imma, iktar minn hekk għax min il-bieraħ xejn ma ddejjaq jarmi l-prinċipji l-baħar, xejn m’hu ser jerġa’ jaħsibha biex għada (jekk ikollu l-opportunità) jerġa’ jagħmel l-istess.

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet Simon Busuttil, il-Kap tal-Opposizzjoni, waqt id-diskussjoni organizzata mill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja offra l-kooperazzjoni tal-Partit Nazzjonalista lill-Gvern biex jitneħħew l-irregolaritajiet tal-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Dam jaħsibha 25 sena l-Partit Nazzjonalista. Kellu iċ-ċans kollu tad-dinja biex mhux biss jitkellem kontra l-irregolaritajiet tal-bini, imma seta ukoll ineħħihom. Imma sfortunatament fis-siegħa tal-prova il-PN beża’ milli jimxi sewwa. Fis-siegħa tal-prova, l-PN l-prinċipji rmiehom il-baħar, għax beża’ li jitlef il-voti.

Tista’ allura teħodhom bis-serjetà meta jitkellmu b’dan il-mod? Donnhom għadhom jaħsbu li jistgħu jibqgħu jgħaddu n-nies biż-żmien.

Kellna ex-Ministru li xi snin ilu kiteb fil-gazzetti li hu (fil-bidu tas-snin 90) kien ressaq quddiem il-Kabinett proposta biex il-boathouses illegali fl-Aħrax tal-Mellieħa jitneħħew. Imma l-Kabinett dakinnhar ma qabilx.

Huwa konvenjenti għall-PN li issa jitkellem kontra l-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa. Meta seta mhux biss jitkellem imma seta ukoll jieħu passi wasal għal ftehim magħhom bħalma għamel lejlet l-elezzjoni tal-2003. Dakinnhar għall-PN il-voti kienu iktar importanti mill-prinċipju li jimxi sewwa.

Minkejja dan kollu huwa ta’ sodisfazzjoni għal Alternattiva Demokratika li wara li ilha snin twal tikkampanja kontra l-bini illegali tal-boathouses fl-Aħrax tal-Mellieħa (Ramlet il-Qortin, l-Armier, Little Armier u t-Torri l-Abjad) issa anke l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li kkonvinċa ruħu li ma jistax u m’ghandux jibqa’ jappoġġa dawn il-ħniżrijiet.

Ikun tajjeb, kieku l-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil jiddisassoċja ruħu mill-ftehim li kien għamel il-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni tal-2003 ma dawk li qegħdin fil-boathouses. Dak il-ftehim, tajjeb li niftakru, kien jipprovdi biex 26 ettaru (260,000 m2) ta’ art tal-Gvern fl-Aħrax tal-Mellieħa jgħaddu għand il-kumpanija Armier Developments Limited għal 65 sena (bi ħlas ta’ €366,000 fis-sena) biex ikunu żviluppati boathouses ġodda.

Hi ħasra li l-PN dam 25 sena biex fetaħ għajnjejh u ra d-dawl. Li fetaħom ftit snin ilu kien jagħmel ftit ġid. Issa sfortunatament il-ħsara laħaq għamilha.

Hu għalhekk li din il-konverżjoni ambjentali tal-Partit Nazzjonalista ma tikkonvinċi lil ħadd. Għax hi biss għal konvenjenza.

Kummentarju li xxandar fuq l-RTK it-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2015

L-Aħrax tal-Mellieħa: tagħna lkoll?

 

 

Id-diskussjoni ta’ hawn fuq saret qabel l-elezzjoni tal-2013.

Il-bieraħ waqt id-diskussjoni li ġiet organizzata mill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja dwar l-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si Simon Busuttil ammetta li l-PN fil-Gvern għamel l-iżbalji dwar il-boathouses tal-Armier. Offra l-kooperazzjoni tal-Opposizzjoni lill-Gvern biex dawn l-illegalitajiet jitneħħew.

Joseph Muscat qal li ma jridx jibda mill-Armier. Iżda minn każijiet ferm iktar gravi.

Bdew jiċċaqalqu t-tnejn li huma. Forsi l-ewwel pass għaqli jkun li kemm il-PN kif ukoll il-PL iħassru kull ftehim li għandhom ma’ dawk li bnew il-boathouses.

Anke l-Knisja hemm bżonn li tieħu posizzjoni. S’issa l-illegalitajiet ġew imbierka mill-Knisja li torganizza attivitajiet reliġjużi fl-Aħrax tal-Mellieħa.

L-Aħrax tal-Mellieħa jixraqlu jkun tagħna lkoll.

 

Il-kumpens ta’ Chris Said

Chris Said et

 

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qalilna li l-PN irid kumpens għall-każini politiċi propjeta’ tal-Gvern li l-Labour għandu iktar mill-PN. Iħoss li l-PN ġie diskriminat.

Ġdida din! Waħda isbaħ mill-oħra!

Liċċittadin li jħallas it-taxxi, Chris Said is-Segretarju Ġenerali tal-PN, irid jagħtih daqqa doppja. L-ewwel daqqa billi ittieħdet propjeta’ pubblika għall-każini meta dan ma kellux isir. Issa jrid illi jsir bilanċ tal-abbuż!

Dan jaf x’inhu jgħid jew?

Naħseb li kien ikun aħjar kieku Chris Said u l-PN jgħiduna x’kumpens ser iħallsu huma lill-poplu Malti talli għal 25 sena sħaħ il-PN baqa’ iċċassata quddiem il-boathouses (li qatt ma raw dgħajjes) ġol-Aħrax tal-Mellieħa.

Għal 25 sena sħaħ il-Partit Nazzjonalista kien kompliċi ma dawk li ħadu l-art u bnew bla permess bil-konsegwenza li ċaħħdu lill-eluf ta’ Maltin kull sena milli jgawdu parti mill-kosta.

Dan hu l-kumpens li Chris Said is-Segretarju Ġenerali tal-PN messu jitkellem dwaru!

Fir-Repubblika tal-Aħrax tal-Mellieħa

Armier shanty town

 

Fir-Repubblika ta’ l-Aħrax tal-Mellieħa s’issa ingħata l-messaġġ li hemm liġijiet differenti mill-bqija ta’ Malta.

Filwaqt li f’Malta ma tistax tapplika għal meter tal-elettriku (jew tal-ilma) jekk il-bini fejn tkun trid tistalla l-meter ikollu xi illegalita, dan ma japplikax fir-Repubblika tal-Aħrax tal-Mellieħa. Sa issa min abbuża fl-Aħrax tal-Mellieħa ġie ippremjat. Gvern immexxi mill-PN li kontinwament fittex l-iskużi ħalli jiġġustifika li ma jagħmel xejn.

Fl-Aħrax tal-Mellieħa il-parti l-kbira tal-art hi tal-Gvern u għaldaqstant m’huwiex aċċettabbli li l-awtoritajiet għamlu 25 sena jħarsu ċċassati lejn min abbuża fid-dawl tax-xemx.

Kull ftehim li jista’ jasal għalih il-Gvern ma dawk il-persuni li bnew jew qed jokkupaw il-kmamar illegali fl-Aħrax tal-Mellieħa ikun premju lil min abbuża u jwassal il-messaġġ li l-liġi f’dan il-pajjiż mhiex l-istess għal kulħadd. Mhux aċċettabbli li jingħata l-messaġġ li fl-Aħrax tal-Mellieħa għandhom Repubblika għalihom fejn is-saltna tad-dritt (rule of law) dabet u sparixxiet.

L-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa li hi okkupata mill-kmamar illegali u li jsejħu boathouses (bla dgħajjes) għandha tirritorna lura f’idejn l-istat biex titgawda minn kulħadd. Għax id-dritt tal-aċċess għall-kosta hu ta’ kulħadd u m’għandux ikun limitat għal dawk li kkapparraw l-art.

Fl-Aħrax tal-Mellieħa għandhom bżonn jifhmu ukoll li min jikser il-liġi għandu jbaxxi rasu u jsofri l-konsegwenzi ta’ egħmilu. Flok l-iSmart meters il-Gvern għandu jibgħat il-gafef biex ikaxkar u jwarrab l-illegalitajiet. Jekk dan ma jsirx mingħajr iktar dewmien ħadd m’għandu jippretendi li f’setturi oħra u f’lokalitajiet oħra ma jkunx hemm min jippretendi li hu ukoll jagħmel li jrid.

F’Malta, Repubblika waħda fejn il-liġi hi l-istess għal kulħadd, hi biżżejjed.

 

ippubblikat fuq iNews illum l-Erbgħa 29 t’Ottubru 2014

Garanzija biex min seraq, igawdi dak li seraq

Bajja 2.2003 GPullicino jiltaqa' mal-Assocjazzjoni

Fir-ritratt ta’ hawn fuq li hu meħud minn Il-Bajja No.2 ta’ April 2003 jidher George Pullicino, dakinnhar Segretarju Parlamentari, jippoża mal-kumitat inkarigat mill-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa wara waħda mil-laqgħat fejn min seraq l-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa ingħata l-appoġġ mill-politiċi li huma eletti fil-Parlament.

Id-dibattitu fil-pajjiż dwar il-kmamar tal-Aħrax tal-Mellieħa kif ukoll (ftit inqas) dwar dawk fil-Bajja ta’ San Tumas ilu għaddej. Min hu kontra, min hu favur u min jiġi jaqa’ u jqum.

Il-każ huwa wieħed li jattakka s-soċjeta demokratika fl-egħruq tagħha. Għax il-messaġġ ċar li ilu jidwi hu li quddiem il-liġi m’aħniex kollha xorta. Fl-Aħrax tal-Mellieħa (L-Armier, Little Armier, it-Torri l-Abjad) u fil-Bajja ta’ San Tumas il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt (r-Rule of Law) idub u jisparixxi.

Min seraq l-art, bniha bla permess u anke seraq l-elettriku ser ikun ippremjat.

Alternattiva Demokratika biss tkellmet ċar kontra dan l-abbuż. Ftehemu kemm mal-Partit Laburista kif ukoll mal-Partit Nazzjonalista. Fil-Gvern għal 25 sena l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jerfa’ subgħajh biex iġib sens ta’ ordni. Ipprova darba l-Perit Michael Falzon meta kien Ministru tal-Ippjanar u l-Kabinett bagħtu jixxejjer! Falzon riċentement kiteb fil-gazzetti li dakinnhar tgħallem li l-voti huma iktar importanti mill-prinċipji!

Waqt li l-Perit Michael Falzon ried iwaqqa’ dak li kien illegali, Ministri oħrajn ftehmu ma min b’mod sfaċċat u fid-dawl tax-xemx sfida l-liġi. Dawn dejjem irraġunaw li bl-appoġġ tal-PN u l-PL ħadd ma jista’ għalihom! Fl-aħħar jidher li ser jirnexxilhom.

Il-PN irnexxilu jipproteġihom għal 25 sena sħaħ. Fil-futur qarib il-Labour fil-Gvern jidher li ser jissiġilla din l-sfida kbira għall-liġi u l-ordni fil-pajjiż.

Messaġġ ċar li l-Labour Party ta’ Malta qed jagħti (bl-appoġġ tal-PN). Il-Labour fil-Gvern jiggarantilek li tgawdi dak li sraqt.

Il-lejla fuq Times Talk niddiskuti dan is-suġġett mal-preżentaturi Mark Micallef u Herman Grech u mistednin mill-partiti politiċi l-oħra.

lokalitajiet minn fejn joriginaw dawk li ghandhom il-boathouses f'idejhom 2010

Il-lista ta’ hawn fuq hi estratt minn Il-Bajja Nru 30 ta’ April 2010 u turi l-lokalitajiet fejn joqgħodu dawk li għandhom il-boathouses f’idejhom.

Terrimoti, tsunami, u l-protezzjoni ċivili f’Malta

times.tsunami.010914

Il-bieraħ il-gazzetti online kellhom storja komuni. F’riċerka li saret bejn akkademiċi mill-Universita’ ta’ Portsmouth flimkien ma akkademiċi md-Dipartiment tal-Ġografija tal-Universita’ ta’ Malta ikkonkludew li fil-passat imbiegħed Malta kienet soġġetta għall-effett ta’ tsunami, riżultat ta’ terrimoti li seħħew madwarna.

Mewġ ta’ mhux inqas minn 4 metri għoli jidher li ħalla effett f’żoni sa 20 metru il-fuq mil-livell tal-baħar. Mewġ b’veloċita’ ikbar minn 30 kilometru fis-siegħa ikaxkar kull ma jsib quddiemu.

Jidher li r-riċerka indikat il-kosta li tħares lejn il-grigal (North-East) bħala li l-iktar li kienet effettwata: mill-Aħrax tal-Mellieħa sa Marsakala u possibilment Marsaxlokk u Birżebbuga ukoll. Għawdex hemm Marsalforn,

Issa l-kosta ta’ Malta b’faċċata tħares lejn il-grigal hi l-iktar populata, bil-bini jasal kważi sal-baħar. Hi ukoll iż-żona li fiħa l-parti l-kbira tal-infrastruttura turistika kif ukoll il-power station ta’ Delimara.

Li Malta hi esposta għal dan il-periklu naturali mhux xi ħaġa li nafuha illum. Imma li illum hemm dan l-istudju konkluż forsi jkun hemm ftit min jiftaħ għajnejh dwar il-ħtieġa li nifhmu illi d-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili jeħtieġ iktar riżorsi u nies imħarrġa biex il-pajjiż ikunu ippreparat għal dan il-periklu naturali. Periklu li jista’ jkun fuqna fil-qrib, u jista’ jkun fuqna fil-bogħod. M’hu magħruf minn ħadd il-meta. Imma jiġi meta jiġi, bħala pajjiż s’issa m’aħniex ippreparati.

 

Ara ukoll fuq dan il-blog

29 t’April 2013: Malta u l-iżbroff tal-vulkan Marsilii.