Is-sospensjoni ta’ Victor Vella: editur tal-Orizzont u tat-Torċa

Is-sospensjoni ta’ Victor Vella minn editur ta’ L-Orizzont u it-Torċa hi ta’ tħassib. Mhux biss għax tikkonċerna ġurnalist ewlieni fil-pajjiż, imma ukoll minħabba is-segretezza li hemm dwar x’inhuma r-raġunijiet li wasslu għal dan il-pass.

Qed jingħad li s-sospensjoni seħħet bħala riżultat tal-pressjoni dwar il-linja editorjali mħaddna mill-gazzetti immexxija minn Vella, liema pressjoni jidher li saret mill-Gvern Laburista immexxi minn Robert Abela. Il-Gvern ta’ Abela qed jingħad li nsista li tinbidel il-linja editorjali progressiva ta’ Vella li kienet qed tesponi każi soċjali diversi. Il-Gvern ta’ Abela, jingħad li kien qed jilmenta li l-linja editorjali ta’ Vella kienet qed toskurah.

Il-GWU, sid il-gazzetta ċaħdet dan kollu. Anzi, qalet li hi qed tiddefendi lill-istess Vella quddiem il-Management tal-Union Print li tmexxi l-gazzetti!

Dan kollu jiena ma nifhmux, għax il-Union Print hi tal-General Workers Union stess u fil-fatt Victor Carachi, president tal-GWU hu l-uniku Direttur reġistrat tal-Union Print kif jidher fl-informazzjoni li hemm aċċessibli fir-reġistru tal-kumpaniji.

Il-GWU għandha ħafna x’tirrispondi dwar dan kollu.

L-ispjuni boloh ta’ Tonio Fenech

spys

 

It-Torċa tal-lum irrappurtat storja dwar numru ta’ uffiċjali pubbliċi mlaħħqa li kienu qed jgħaddu informazzjoni lil Tonio Fenech, ex-Ministru tal-Finanzi. Billi kienu msieħba f’google group dawn kienu jiddiskutu bejniethom issues kurrenti hekk kif jinqalgħu w jgħaddu informazzjoni sensittiva lil Tonio Fenech xi kultant ankè qabel ma jkun jaf biha l-Gvern stess.

Għal Tonio Fenech bla dubju kienet scoop għax kien ikun armat b’informazzjoni biex ikun jista’ jitkellem “in real time” imma għas-servizz pubbliku hi daqqa ta’ ħarta.

Għax is-servizz pubbliku mhux qiegħed hemm biex jivvantaġġa lil xi partit politiku imma biex imexxi u jagħti servizz lill-pajjiż kollu.  Għalhekk ngħidu li l-lealtà tas-servizz pubbliku hi waħda lejn il-Gvern tal-ġurnata li jiddetermina d-direzzjoni. Is-servizz pubbliku imbagħad jimplimenta.

L-artiklu fit-Torċa jidentifika uħud minn dawn l-uffiċjali pubbliċi b’isimhom. Qegħdin fost oħrajn fil-Bank Ċentrali, l-MFSA (Malta Financial Services Authority), u fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Dan hu ħażin, avolja mhux l–ewwel darba li ġara.  Kien hemm indikazzjonijiet fil-passat  li dan ġara. Id-differenza issa hi li qed jingħad li dawn inqabdu “red-handed”, jiġifieri li hemm il-provi. Probabbilment li l-provi huma ta’ natura teknika u jinvolvu traċċi elettroniċi tal-emails mibgħuta, kif fil-fatt ġie ippubblikat fit-Torċa.

Dawn sfortunatament huma l-konsegwenzi tar-rwol tal-politika partiġġjana fis-serviżż pubbliku li timmanifesta ruħha ukoll fil-parti l-kbira tal-ħatriet li saru u jsiru prinċipalment fil-gradi l-għoljin. Mhux kaz ta’ Nazzjonalisti kontra Laburisti jew ta’ Laburisti kontra Nazzjonalisti, iżda hi ferm iktar ikkumplikata minn hekk. L-abbuż bl-impiegi pubbliċi imsejħa “position of trust” hi parti importanti  mill-problema. Il-mod kif ġew ittrattati s-Segretarji Permanenti immedjatament wara l-elezzjoni hi aspett ieħor tal-problema.

Sfortunatament, dawn l-affarijiet ikomplu. L-ispjuni ta’ Tonio Fenech kienu l-boloh li nqabdu. Il-problema l-kbira huma dawk li għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva ħafna jużawha kif jaqblilhom u ma jinqabdu qatt. Kien hemm minnhom qabel Marzu 2013 u jkun hemm oħrajn li jagħmluha issa.

Fis-settur pubbliku ukoll, dak li tiżra’ taħsad.

Spekulazzjoni dwar Alternattiva Demokratika

 May 2011. divorce referendum result

Hi normali li fejn l-informazzjoni tkun ftit nieqsa l-media tispekula dwar x’jista’ jkun qiegħed jiġri. Dan tagħmlu biex twassal ritratt tas-sitwazzjoni kif tkun qed tarah hi dak il-ħin.

Hekk qed tagħmel parti mill-media dal-għodu dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika.

Fit-Torċa hemm artiklu interessanti ta’ Mark Camilleri intitolat Il-bidla u ċ-ċaqlieq ideoloġiku. Hu analiżi tas-sitwazzjoni attwali kif ukoll tal-mixja ta’ Alternattiva Demokratika tul dawn l-aħħar ħames snin. Ir-riflessjonijiet tiegħu huma validi u xejn ma jdejquni. Jistimulaw id-diskussjoni.

Hemm imbagħad artiklu fil-Malta Today intitolat Briguglio decapitates himself after internal criticism. Dan l-artiklu m’huwiex iffirmat. Jieħu spunti selettivi minn diskussjoni interna f’Alternattiva Demokratika u jibni storja fuq dan. L-inċens ma jonqosx. Jikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ Michael Briguglio li jwarrab tidher mgħaġġla.

M’għandix dubju li l-awtur ta’ dan l-artiklu jifhem li partit politiku li fih m’hemmx diskussjoni ħajja (u jekk meħtieġ ukoll imqanqla) jkun partit mejjet. Id-dibattitu intern hu pre-rekwizit essenzjali għall-ħidma politika. Fortunatament f’Alternattiva Demokratika matul dawn il-ħames snin kien hemm diskussjoni ħajja u kontinwa.

Hemm imbagħad fil-Malta Today ukoll il-kumment ta’ Salvu Balzan fil-paġna tiegħu. Kumment dwari li donnu pprogrammat li jidher fil-Malta Today kull darba li jkun hemm il-kariga ta’ Chairman ta’ Alternattiva Demokratika battala. Għal darba oħra Salvu jibbottja li jekk jiena nieħu t-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika wara Michael Briguglio dan ikun diżastru madornali.

Hemm imbagħad kumment fil-paġna 7 tal-gazzetta l-Illum iffirmata mill-korrispondent li jiddeskrivi lilu innifsu bħala Il-poodle. Dawn l-osservazzjonijiet huma deskritti b’dan il-mod “Ġabra ta’ osservazzjonijiet bażati fuq il-veritajiet li qatt ma joħorġu għax hekk iridu”.

Mela Il-poodle jgħid ukoll li jiena irrid immexxi l-Ħodor. Jagħti ukoll ftit tal-kulur. Jgħid li fl-1996 meta kont għadni attiv fil-PN kont mort għand Austin Gatt flimkien ma George Pullicino u tlabtu (lill-Austin Gatt) biex jirreżenja.

Issa li kieku fl-1996 tlabt lil Austin Gatt biex jirreżenja ma kontx ser nistħi ngħid li għamilt hekk. Imma sfortunatament dan m’għamiltux.

Dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika naħseb li f’dan l-istadju ħadd għadu ma jaf xejn għax ħlief għal Michael Briguglio jidher li ħadd għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni. Naħseb li jkun għaqli iżda li jkun hemm ħafna demm ġdid.