Qed isiru diversi laqgħat minn esponenti tal-Gvern mal-korpi kostitwiti bl-iskop li jiddiskutu miżuri li għandhom ikunu kkunsidrati fil-Budget li ġej, ġimgħatejn oħra.
F’laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu l-bieraħ mal-MHRA (l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti) il-Prim Ministru hu rappurtat mill-Malta Independent li qal li ma jistax ikollok lukanda ta’ sitt stilel imbagħad ambjent ta’ tlett stilel madwarha.
Inews ikkwota lill-Prim Ministru jgħid hekk: “meta jiżdiedu t-turisti donnu ż-żibel ma jinġabarx u din issa se tkun fuq l-aġenda”.
Billi kellu lil Winston Zahra (President tal-MHRA) quddiemu, u lil Edward Zammit Lewis Ministru tat-Turiżmu ħdejh kien ikun għaqli kieku l-Prim Ministru staqsihom ftit biex jgħidulu x’jagħmlu r-ristoranti bl-iskart li jiġġeneraw, primarjament fiż-żoni turistiċi.
Seta staqsihom jekk hux veru li dawn fil-liċenzja tagħhom li toħrog l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) għandhom kundizzjoni li teħtieġilhom li jkollhom kuntratt ma’ operatur privat tal-iskart (li jħallsuh huma) li jieħu ħsieb jiġbor l-iskart li huma jkunu ġġeneraw u jiddisponi minnu.
Dan l-obbligu li għandhom is-sidien tar-restoranti qiegħed jiġi onorat?
Il-Ministru tat-Turiżmu naħseb li jaf li l-MTA f’diversi lokalitajiet m’hiex tinforza din il-kundizzjoni tal-liċenzja. Minflok l-iskart iġġenerat qed jispiċċa fit-toroq, piz żejjed fuq il-Kunsilli Lokali. Tajjeb hekk Joseph? Dan m’huwiex servizz ta’ tlett stilel mis-settur privat. Għax l-anqas jikkwalifika għal stilla waħda.
Joseph jekk irid jista’ jdur dawra għall-għarrieda u jkun jista’ jara b’għajnejh. Forsi l-ħmar ma jibqax iwaħħal f’dembu. Imbagħad naraw min jara l-istilel.
Għax qabel ma jigglorifika lis-settur privat ikun aħjar kieku Joseph jara li dawn jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom.