Il-Midalji u ż-żoni riżervati

Independence medals 50

Mela issa għandna ukoll il-midalja tal-Indipendenza. Ingħatat lil kull min kien Prim Ministru jew President tar-Repubblika mill-Indipendenza lil hawn. Fil-kaz ta’ min miet jidher li attendew il-qraba.

Interessanti ħafna li Dr Yana Bland-Mintoff irċeviet il-midalja għan-nom ta’ missierha, meta hu fatt magħruf li missierha l-Perit Dom Mintoff ma tantx kellu grazzja ma dawn it-tip ta’ ċerimonji.

Karmenu Mifsud Bonnici ma attendiex għaċ-ċerimonja u sal-ħin li qed nikteb ma hemm l-ebda spjegazzjoni pubblika għal dan.

Jiena mhux se noqgħod nikkummenta fuq min kien ħaqqu jieħu l-midalja u min ma kienx ħaqqu għax għalija dawn affarijiet taż-żuffjett. Uħud m’għandix idea x’kontribut taw għall-iżvilupp tal-pajjiż, inkluż min iddeċieda li jagħti l-midalja lilu nnifsu.

Wara kollox il-mekkaniżmu mħaddem hu l-istess wieħed li fil-passat ma iddejjaqx jagħti midalji lil persuni bħal Gaddafi, Caucescu, Kim Il Sung u oħrajn. Meta tisma’ dawn l-ismijiet  u forsi oħrajn ukoll ma tantx ikollok impressjoni tajba tas-sistema tal-unuri tar-Repubblika ta’ Malta.

Imma hu tal-mistħija li l-Kabinett iddeċieda li politiċi biss taw kontribut għall-iżvilupp ta’ Malta bħala nazzjon matul dawn il-50 sena.  Dan il-fatt waħdu hu biżżejjed biex din l-għotja ta’ midalji nħares lejha bi stmerrija. Għax f’din iċ-ċerimonja ingħatat bis-sieq is-soċjeta’ ċivili li tat kontribut enormi matul dawn l-aħħar ħamsin sena biex pajjiżna hu dak li hu.

Sadanittant uħud qed jipprotestaw li għar-riċeviment tas-Sibt fil-Barrakka ta’ Fuq kien hemm żewġ tipi ta’ mistednin: il-mistedin ordinarji u dawk speċjali: l-VVIP. Proċedura li qalu kienet iddettata mill-ħtiġijiet tas-sigurta tal-Prinċep William.

Minn Alternattiva Demokratika kien mistieden Arnold Cassola li qiegħed jitbaqbaq li l-anqas pass biex jidħol il-Belt ma tawh! Nieħu pjaċir li jiena ma kontx mistieden għax probabbilment li l-anqas kont immur.