Passaporti għall-bejgħ u Cecilia Malmström

Tajikistan_PassportMalta golden passport 1

Il-Gvern irid ibiegħ il-passaporti. Passaport ta’ Malta mingħand Joseph Muscat jiġi jiswa’ €650,000. Magħhom trid iżżid €25,000 għal passport ieħor għall-mara u €25,000 għal kull wieħed mit-tfal.

Għadu mhux magħruf jekk hemmx discount għal min jixtri passaport għal iktar minn mara waħda.

Ġie ippubblikat abbożż ta’ liġi biex jemenda il-liġi taċ-ċittadinanza.

Saret ukoll laqgħa immexxija minn Joe Vella Bonnici ex-kandidat tal-Labour li ser ikun inkarigat mill-aġenzija ġdida Identity Malta. Il-laqgħa kienet indirizzata mill-konsulenti Ingliżi tal-Gvern Henley & Partners. Imma qed jingħad li din il-laqgħa spiċċat bil-banda b’Vella Bonnici u dawk li kellu quddiemu jgħajjtu b’ħanġra daqshiex.

Qed jinkitbu ħafna artikli u bosta kummenti dwar din il-politika ġdida ta’ kif il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat ser ibiegħ il-passaporti. Ġiet deskritta bħala politika friska u moderna li tikkuntrasta mal-politika preistorika li kellna sal-lum.

Qiegħed jingħad li dawn il-passaporti m’humiex ser jingħataw bl-addoċċ. Il-Gvern għandu target li matul is-sena finanzjarja li ġejja jdaħħal €30 miljun mill-bejgħ ta’ dawn il-passaporti. Dan ifisser li qed jippjana għal madwar 40 applikazzjoni li skond kemm ikun hemm persuni dipendenti jew assoċjati mal-applikanti jista’  jfisser il-ħruġ ta’ madwar 200 passaport.

Intqal ukoll li l-applikazzjonijiet ser ikunu mgħarbla sewwa u ser ikun hemm attenzjoni speċjali biex ma jkunx hemm karattri dubjużi li jingħataw dawn il-passaporti. Imma mbagħad qalulna ukoll li l-ismijiet ta’ dawk li ser jingħataw dawn il-passaporti ser jibqgħu sigrieti. Dik l-informazzjoni skond il-Gvern għandha tkun kunfidenzjali magħrufa biss bejn il-Gvern u min jiffirma iċ-ċekkijiet għal dawk it-€30 miljun.

L-impressjoni li qed tingħata hi li l-filosofija bażika ser tkun li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Triq li twassal sar-Repubblika ta’ Malta li jekk għandek il-flus tiftaħlek il-bibien beraħ. Dan huwa l-mod modern ta’ kif titkabbar l-ekonomija. Min-naħa l-oħra għandna diġa l-assigurazzjoni li l-Gvern ser joqgħod ultra-attent biex ma jkunx hemm karattri dubjużi li jakkwistaw dan il-passaport.

Ngħid jiena kif nistgħu nieħdu dan il-Gvern bis-serjeta’ jekk fost il-persuni li għażel bħala l-konsulenti tiegħu hemm ċerta Shiv Nair. Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Gvern [jekk nemmnu dak li qed jgħidu] jfissru li l-Gvern ta’ Muscat mhux kapaċi jagħmel il-vetting neċessarju għax ġiet ippubblikat l-informazzjoni dwar dan Shiv Nair li jnisslu suspetti serji: informazzjoni li din il-persuna qegħda fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba frodi.

Dawn l-affarijiet kollha juru x’tip ta’ nies jistgħu jixtru l-passaport Malti. Juru ukoll għaliex kollox ser jibqa’ mistur.

Il-messaġġ li Muscat qiegħed jagħti huwa preċiżament dan: jekk għandek il-flus tikkonfondi xejn, anke jekk ħadd ma jridek . Malta taħt Joseph Muscat toffrilek kenn. L-aqwa li tiffirma dak iċ-ċekk.

Imma l-messaġġ ikompli li jekk m’għandekx flus Malta m’għandniex post għalik. F’dak il-każ ċempel lil Cecilia Malmström il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropeja.

Pajjiżna jixraqlu aħjar.