Il-kredibilità tal-PN dwar l-ambjent

credibility

Illum ġiet fi tmiemha l-konvenzjoni tal-PN dwar l-ambjent.

Ma nafx kif uħud bħal George Pullicino ma stħawx ikunu hemm. Bosta minn dawk li bħal Pullicino kienu l-kawża tal-ħsara ambjentali, sfortunatament   għadhom mas-saqajn.

Kif rappurtat fl-istampa, naħseb li l-iktar kumment bis-sens f’din il-konvenzjoni kien dak ta’ Antoine Vella li emfasizza li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun lest li jitlef il-voti jekk inhu konvint li jeħtieġ li jieħu posizzjoni ta’ prinċipju favur l-ambjent.

M’għandix dubju, imma, li l-PN għandu idea differenti minn din: minkejja dak li għamel  fil-passat bi ħsara ambjentali, jaħseb li jista’ jibqa’ jlablab, u qiesu ma ġara xejn.

Il-PN, għall-konvenjenza tkellem kontra l-iżvilupp li l-Gvern qed jipproponi fiż-Żonqor, imma fl-istess ħin hu favur li tinbena l-korsa tat-tlielaq tal-karozzi li ser tibla iktar minn miljun metru kwadru ta’ art ODZ.

Il-konsistenza qatt ma kienet xi karatteristika tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk m’għandux kredibiltà dwar l-ambjent.

Il-PN u Anġelik f’Borġ in-Nadur

Angelik-Caruana

Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess diffiċli. Irid jipprova jikkonvinċi lilu innifsu u lill-oħrajn li nidem mill-ħsara kbira li għamel lill-ambjent tul il-25 sena (jew kważi) li għamel fil-Gvern.

Sal-lum, id-difiża tal-PN dejjem kienet li ħaddieħor għamel (u għadu jagħmel) ħafna agħar minn hekk. Imma dak l-argument (anke jekk għandu mill-verita) ma kkonvinċa lil ħadd.

Issa ser jorganizzaw Konvenzjoni “Idea Ambjent” biex jisimgħu ftit.

Li tisma’ hu dejjem tajjeb. Hu dejjem pass il-quddiem. Għax dejjem hemm iċ-ċans li titgħallem ftit.

Imma inti u tipprova tifhem u titgħallem ikollok bżonn tiftakar ukoll dak li għamilt diġa b’mod partikolari kif dan jikkuntrasta ma dak li qed tgħid illum.

Jiena nieħu pjaċir li l-PN qed jgħid li għandu jagħti iktar kaz tal-ambjent għax ifisser li l-ħidma ta’ Alternattiva Demokratika qed tagħti ħafna iktar frott milli jidher mad-daqqa t’għajn. Imma sfortunatament mhux l-ewwel darba li ntqal dan il-kliem. Intqal ħafna drabi oħra biex jimpressjona. Għax mir-retorika l-PN qatt ma kien nieqes.

Tiftakru id-diskors mit-Tron li kien qara l-President Eddie Fenech Adami f’Mejju 2008 fejn kien qal li l-Gvern (immexxi mill-PN) ser ipoġġi l-iżvilupp sostenibbli bħala l-pedament tal-ħidma kollha tiegħu? Kien qal hekk :

“ ……………. il-Gvern qiegħed jipproponi li jimplimenta programm politiku li jkollu l-iżvilupp sostenibbli bħala l-fus ċentrali li madwaru jdur kollox.

Għall-Gvern, it-tħaddim tal-proġett ta’ żvilupp sostenibbli hu proposta ta’ għażla fondamentali mill-poplu Malti u Għawdxi.  Hija għażla konxja li f’kull deċiżjoni ma nqisux biss l-interessi immedjati tagħna, iżda wkoll dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri.”

L-anqas laħqet nixfet il-linka fuq il-karta tad-diskors mit-tron li l-PN beda proċess biex il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli tispiċċa. Il-Kummissjoni kienet il-fus li fuqu u permezz tiegħu kienet qed tkun implimentata l-iktar parti importanti tal-proċess tal-żvilupp sostenibbli: id-demokratizzazzjoni tiegħu. Il-PN wara li ma ħallihiex tiltaqa’ għal ħames snin sħaħ xolja din il-Kummissjoni.

Komplejna pass pass bil-ħsara ambjentali ma tispiċċa qatt, li dwarha ktibt diversi drabi fuq dan il-blogg.

Il-PN, jgħidulna, irid jibda paġna ġdida. Għandu kull dritt li jagħmel dan, imma l-paġni l-oħra, irid u ma jridx ser jibqgħu hemm. Kull waħda minnhom tfakkarna u tikkuntrasta mal-fantasiji li qed jipprietka l-PN illum.

Għax jekk ninsew il-bieraħ, il-prietki tal-PN tal-lum ikunu qieshom il-prietki ta’ Anġelik f’Borġ in-Nadur: il-ħrejjef ta’ min irid ibella r-ross bil-labra.