Ir-rapport Annwali tal-Ombudsman għall-2017 li kien ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa hu inkwetanti. F’partijiet minnu, nazzarda ngħid li hu ukoll tal-biża’. L-Ombudsman jikkummenta fit-tul dwar “in-nuqqas tal-amministrazzjoni li tipprovdi informazzjoni”.
Josserva żewġ tendenzi ġenerali.
L-ewwel tendenza hi li diversi Dipartimenti tal-Gvern u Ministeri qed isibuha bi tqil biex jiżvelaw informazzjoni importanti. Il-kliem li l-Ombudsman juża’: “Sfortunatament l-amministrazzjoni pubblika – u dan jinkludi ukoll awtoritajiet pubbliċi – jidher li addottaw attitudni ġeneralment negattiva dwar l-obbligu li tkun żvelata informazzjoni u d-dritt taċ-ċittadin li jinżamm infurmat. Uħud marru fl-estrem li anke qed jirrifjutaw li jipprovdu kemm informazzjoni importanti kif ukoll imformazzjoni vitali li l-pubbliku hu ntitolat għaliha minħabba li din tikkonċerna setturi importanti tal-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż.”
It-tieni tendenza hi agħar: diversi ftehimiet li daħal għalihom il-Gvern fihom klawsola li tobbliga li jinżamm is-skiet dwar il-kontenut tal-ftehim. Dak li hu magħruf bħala “non-disclosure clause”. L-Ombudsman jgħidilna li issa hawn “żvilupp riċenti u Inkwetanti permezz ta’ attentat biex jiġi assigurat skiet totali hi l-prattika li torbot lil dawk li magħhom l-amministrazzjoni pubblika jkollha rabta kuntrattwali biex ma tiżvelax informazzjoni fil-kuntratti infushom mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritá pubblika.”
Issa fir-realtá, din il-prattika ma ġietx addottata f’daqqa waħda fl-2017. Kien hemm okkazjonijiet fil-passat meta l-Gvern rabat lil oħrajn inkella aċċetta li jintrabat hu stess li ma tkunx żvelata informazzjoni. Jidher imma li din il-prattika qed iżżid fil-frekwenza. Mhux biss il-kuntratt ta’ Henley and Partners dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza li fih dawn il-provedimenti imma ukoll il-kuntratt dwar il-privatizzazzjoni tal-lotteriji pubbliċi mal-Maltco kif ukoll il-ftehim dwar il-privatizzazzjoni parzjali tas-sistema tas-saħħa mal-Vitals Healthcare inkella l-ftehim mal-Electrogas dwar il-qalba għall-gass tal-impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara.
Kif jista’ jkun li gvern jippretendi li jkun trasparenti u kontabbli meta juża’ jew jippermetti l-użu ta’ strateġiji bħal dawn li jostakolaw li tkun żvelata l-informazzjoni?
L-Ombudsman hu korrett li jipponta subgħajh lejn dan in-nuqqas bażiku ta’ servizz pubbliku li jridha ta’ wieħed ġust, effiċjenti, trasparenti u kontabbli. Jiena naħseb li dan hu daqstant importanti li jimmerita diskussjoni fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali – jekk din xi darba issir. Forsi wasal iż-żmien li tkun il-Kostituzzjoni innifisha li tillimita b’mod strett lill-amministrazzjoni pubblika milli tibqa’ tillimita l-aċċess għall-informazzjoni b’dan il-mod.
Hu meħtieġ li jkollna s-salvagwardji kontra dan l-abbuż sfaċċat li qiegħed jostakola l-aċċess għall-informazzjoni li għandha f’idejha l-amministrazzjoni pubblika. Is-salvagwardji jistgħu jinkludu l-possibilitá ta’ reviżjoni amministrattiva immedjata li tikkanċella l-ostaklu għall-aċċess kif ukoll passi biex dawk responsabbli biex jostakolaw dan l-aċċess għall-informazzjoni mingħajr raġuni valida ma jitħallewx iktar jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ uffiċċju pubbliku.
L-Ombudsman jispjega fir-rapport tiegħu li l-liġi tagħti lill-uffiċċju tiegħu l-għodda meħtieġa biex ikollu aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġ ħalli “jmexxi l-investigazzjonijiet dwar l-ilmenti li jkunu waslu” avolja din l-informazzjoni xi drabi tingħata b’mod imqanżaħ. Iżda l-Ombudsman iqis li għandu jiġbed l-attenzjoni għal tlett ċirkustanzi partikolari “li juru kif ir-rispons negattiv tal-awtoritajiet pubbliċi meta dawn jintalbu informazzjoni qed ixekkel l-Ombudsman u lill-Kummissarji fl-uffiċċju tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom”.
L-ewwel kaz jirrigwarda l-Armata. Ir-rifjut tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtá Nazzjonali li jgħaddi l-files kollha dwar l-eżerċizzji ta’ promozzjonijiet għall-għola gradi fl-Armata issolva biss wara d-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Appell f’Ottubru 2016 liema deċiżjoni ikkonfermat li Ombudsman kellu l-obbligu li jinvestiga l-ilmenti li rċieva.
It-tieni kaz jirrigwarda ir-rifjut tal-Ministeru tas-Saħħa li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissarju għas-Saħħa biex dan jipprovdi il-ftehim sħiħ ma’ Vitals Healthcare dwar il-privatizzazzjoni ta’ sptarijiet f’Malta u Għawdex li kien meħtieġ fl-investigazzjoni dwar jekk l-interessi tal-pazjenti u l-istaff (mediku) kienux adegwatament imħarsa.
It-tielet kaz hu dwar l-ilmenti kontinwa tal-Kummissarji fl-uffiċċju tal-Ombudsman (Saħħa, Ippjanar/Ambjent u Edukazzjoni) dwar id-dewmien li qed jirriżulta f’investigazzjonijiet li jkunu jeħtieġu konklużjoni immedjata. Dan minħabba n-nuqqas tas-settur pubbliku li jagħti tweġiba għat-talbiet diversi għal informazzjoni.
L-obbligu tal-amministrazzjoni pubblika li tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u d-dritt taċ-ċittadin li jkun infurmat huma bażiċi f’soċjetá demokratika. Attentati biex dan l-aċċess taċ-ċittadin għall-informazzjoni jkun imblukkat b’dan il-mod jimmina l-proċess demokratiku u dan billi ċ-ċittadin qed ikun ostakolat milli jifforma opinjoni fuq kif qed ikun amministrat l-istat. Dan qiegħed ukoll jostakola lil dawk l-istituzzjonijiet fid-dmir li jiddefendu ċ-ċittadin komuni milli jagħmlu xogħolhom.
F’isem Alternattiva Demokratika jiena nirringrazzja lill- Ombudsman talli qed ikun daqstant ċar fid-difiża tiegħu ta’ dak li hu bażiku f’soċjetá demokratika kif ukoll talli qed isemma’ leħnu b’vuċi ċara kontra dan l-abbuż ta’ poter.
Ippubblikat f’Illum Il-Ħadd : 10 ta’ Ġunju 2018