Ħadd qatt ma kellu l-illużjoni li Keith Schembri l-Kasco u Konrad Mizzi, l-Ministru bla portafoll, kienu qed jagħmlu użu mill-kumpaniji tagħhom Hearnville Inc. u Tillgate Inc. fil-Panama biex iġemmgħu is-santi jew id-domni.
Il-loġika u s-sens komun dejjem wasslu għal konklużjoni waħda: ħasil ta’ flus. Imma s’issa provi qatt ma kien hemm.
Kif dejjem għidna, d-dnub ma jorqodx u jekk hemm provi xi ħin jew ieħor dawn hemm ċans tajjeb li jitfaċċaw.
Ikun ferm aħjar, jekk hemm il-provi, li dawn jagħmlu apoloġija pubblika u jmorru jistaħbew fejn ma jarahom ħadd. Illum qabel għada. Jistgħu jekk iridu jieħu magħhom ukoll lil sid l-Egrant Inc., it-tielet kumpanija.
Wara sena sħiħa ta’ ċaħdiet ilkoll nittamaw li ma ndumux ma nkunu nafu l-fatti vera.