Juncker taħt il-lenti tal-Ħodor

four_pillar-sustainable  development

Il-bieraħ Alternattiva Demokratika ippubblikat ittra li Rebecca Harms u Philippe Lamberts mexxejja konġunti tal-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew bagħtu lil Jean Claude Juncker il-President elett tal-Kummissjoni Ewropeja.

F’din l-ittra li l-oriġinal tagħha jista’ jinqara hawn Harms u Lamberts qed jilmentaw li fit-tqassim tar-responsabbiltajiet lill-Kummissarji l-ġodda Juncker injora l-fatt li t-trattat Ewropew fl-artiklu 3.3 tiegħu ipoġġi bħala mira ċara tal-Unjoni Ewropeja li din taħdem favur l-iżvilupp sostenibbli.

Dan l-obbligu, jemfasizzaw Harms u Lamberts mhux rifless fir-responsabbiltajiet tal-Viċi Presidenti u l-anqas fl-ittri tal-ħatra tal-Kummissarji differenti.

L-emfasi fuq it-tnaqqis tar-regolamentazzjoni flimkien mal-fatt li ingħaqdu flmkien responsabbiltajiet ta’ dawk li sal-lum kienu dikasteri differenti huwa ferm inkwetanti. L-Ambjent ingħaqad mas-Sajd u l-Politika Marittima filwaqt li l-Enerġija u l-Azzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima inġabru ukoll fir-responsabbiltajiet ta’ Kummissarju wieħed. Dan kollu flimkien iwassal għat-tħassib fundat li l-importanza għal azzjoni ambjentali ser tkun imdgħajfa filwaqt li l-ħidma dwar l-impatti klimatiċi ser tonqos drastikament.

Dan kollu hu konfermat ukoll miċ-ċaqlieq ta’ numru ta’ responsabbiltajiet li sal-lum kienu meqjusa bħala primarjament responsabbiltajiet ambjentali li issa ġew assenjati f’direttorati ġenerali oħra.

Fid-dawl ta’ dan il-Ħodor ħeġġew lil Jean-Claude Juncker biex jagħmel tibdil fir-responsabbiltajiet tal-Kummissarji u dan billi :

l-ewwel: jassenja r-responsabbilta għall-iżvilupp sostenibbli lil wieħed mill-Viċi Presidenti,

it-tieni: jissepara mill-ġdid ir-responsabbilta għall-klima minn dik għall-enerġija u dik għall-ambjent mis-sajd u l-politika marittima,

it-tielet: jirrevedi l-ittri tal-ħatra ta’ numru ta’ kummissarji ewlenin billi jagħti importanza u prijorita’ lis-sostenibilita kif ukoll lill-użu għaqli tar-riżorsi naturali u lill-bijodiversita,

ir-raba’ jirrevedi ċ–ċaqlieq ta’ responsabbiltajiet li tneħħew mid-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent.

Fl-ittra tagħhom Harms u Lamberts jemfasizzaw li huwa obbligu tal-Parlament li jassugura illi l-interessi taċ-ċittadini Ewropej ikunu imħarsa huwa u jsir l-iskrutinju u l-ħatra tal-Kummissjoni. It-tibdil li dwaru l-Ħodor qed jinsistu huwa fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u għaldaqstant il-Ħodor jidhrilhom illi jekk dan it-tibdil ma jseħħx huwa impossibli għalihom li jagħtu appoġġ lill-Kummissjoni l-ġdida.

Diġa kien hemm reazzjonijiet għal dan kemm minn Martin Schultz President tal-Parlament Ewropew kif ukoll minn Juncker innifsu.

Schultz irreaġixxa limitatament għall-punt dwar l-iżvilupp sostenibbli. Il-bieraħ stess ENDS Europe irrappurtat lil Schultz hekk : New Commission needs sustainability Vice President.

Schultz jidhirlu li hu żball da parti ta’ Juncker li ħalla barra responsabbilta għall-iżvilupp sostenibbli mir-responsabbiltajiet tal-Viċi Presidenti.

Min-naħa l-oħra Juncker isostni kemm il-ġabra flimkien ta’ responsabbiltajiet tal-ambjent, sajd u politika marittima kif ukoll dawk dwar il-klima u l-enerġija. Min-naħa l-oħra jsostni ukoll li r-responsabbilta’ dwar l-iżvilupp sostenibbli hi tal-Kummissarji kollha.

 

Din hi l-kritika kostruttiva li qed jagħmlu l-Ħodor fil-Parlament Ewropew. Mhiex kritika indirizzat lejn xi pajjiż jew lejn xi Kummissarju partikolari. Dawk qed isiru ukoll minn ħaddieħor u huma motivati minn diversi raġunijiet.

Nistennew u naraw kif ser jiżviluppaw is-seduti pubbliċi li fihom, min-nhar it-Tnejn il-Kummissarji l-ġodda ser ikunu skrutinati dwar il-kompetenzi tagħhom.

Id-diskussjoni tkompli.

The Greens write to Juncker: Sustainability in the New European Commission

EGP.p1

EGP.p2