Il-Milied it-Tajjeb

Illum, Jum il-Milied, hu Jum is-Solidarjetà. Fi ftit kliem hu żmien fejn infittxu iktar mis-soltu li nagħtu l-għajnuna lil min jeħtieġa.

Mhux biss lil ta’ madwarna, imma iktar lil hinn ukoll.

Dan hu is-sinifikat ta’ riflessjoni fuq il-ġrajjiet ta’ 2000 sena ilu meta Betlehem kienet full-up, ma kienx hemm post għal min kellu bżonn saqaf sigur fuq rasu.

Fost affarijiet oħra l-Milied it-Tajjeb ifisser li Malta mhiex bħal Betlehem ta’ 2000 sena ilu, mhiex full-up. Dejjem hemm spazju fejn ngħinu lil min jeħtieġ.

Awguri ghal Milied hieni u sena mimilja risq.

Fil-festa tal-Milied: l-ipokrezija madwarna

Għal uħud il-ġranet tal-Milied huma festa ta’ rigali u divertiment. Bonanza ta’ kummerċ.

Imma forsi hemm min hu konxju li l-Milied li nikkommemoraw ukoll bil-presepju hu ukoll okkazjoni ta’ reflessjoni dwar l-għar ta’ Betlehem: dwar kif u għaliex bnedmin iwarrbu u jistmerru lill-oħrajn.

Il-Milied hu ukoll il-festa tar-refuġjati u tal-immigranti madwarna maħrubin minn pajjiżhom għal elf raġuni: persekuzzjoni, faqar, tiftix ta’ ħajja aħjar.

Il-presepju hu xbieha ta’ familja li m’għandiex saqaf fuq rasha u sabitu fi stalla qalb l-annimali. L-istatwi fil-presepju huma riflessjoni ta’ din ir-realtà li għadha magħna u tibqa’ minkejja kull progress li niftaħru bih.

F’dawn il-ġranet tal-Milied aħna u nosservaw il-biżibilju presepji fil-gżejjer Maltin ikun tajjeb jekk nirriflettu ftit kif naħsbuha fuq ir-refuġjati u l-immigranti fostna.

Il-Milied it-tajjeb.

Il-Milied it-tajjeb

Nawgura l-Milied it-tajjeb lil kulħadd. Nawgura li l-ispirtu tal-Milied idum iktar minn 24 siegħa u li dan jinfirex matul is-sena kollha.

Il-Milied għandu jfisser sliem u solidarjetà, li lkoll ngħixu bħal aħwa.

Għalhekk nawguralkom li l-valuri tal-Milied inġorruhom magħna matul is-sena kollha, matul kull wieħed mit-365 jum tas-sena 2018.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd: kemm lil dawk ta’ rieda tajba kif ukoll li dawk li m’għandhomx rieda tajba. Għax dawk ta’ bla rieda tajba huma l-iktar li-għandhom ħtiega li jiddakkru mill-ispirtu tal-Milied.

Deheb, inċens u birra

beer

Is-sinifikat tal-Milied inbidel drastikament tul is-snin. Minn festa reliġjuża assoċjata mal-paċi u s-solidarjetá, illum il-ġurnata, donnu li iktar assumiet tifsira ta xalar, divertiment u rigali. Mhux għal kulħadd.

Anke jekk il-paċi u s-solidarjetá mhumiex xi monopolju reliġjuż. Hemm mumenti fejn is-sinifikat tas-solidarjetá jidwi, imma sfortunatament jgħaddu l-festi u ftit jew wisq jintesa. Sa sena oħra.

Flok id-deheb, l-inċens u l-mirra li jingħad illi ġarrew is-slaten magi illum issir l-adorazzjoni tad-deheb, l-inċens u l-birra. Id-deheb simbolu tal-korruzzjoni, l-inċens simbolu tal-adorazzjoni tal-poter u l-birra li tissimbolizza x-xalar eċċessiv.

Is-solidarjetá żmiena s-sena kollha, mhux biss fil-ġranet tal-Milied.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd.

 

 

 

 

Il-Milied it-tajjeb

solidarity

Nawgura l-Milied it-tajjeb lil kulħadd. Milied li jġib is-sliem. Sliem dejjiemi.

Festa tas-solidarjetà, mhux festa ta’ kummerċ.

Hi ħasra li l-messaġġ reali tal-Milied, ingeżwer kif inhu fit-tlellix, jintilef wara ftit siegħat biex jerga’ jitfaċċa sena oħra. Hemm bżonn li l-valuri tal-Milied, s-sliem u s-solidarjetà, jkunu ċċelebrati kuljum, 366 darba matul is-sena 2016.  Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd: kemm lil dawk ta’ rieda tajba kif ukoll li dawk ta’ mingħajr rieda tajba.

 

 

Il-Milied it-tajjeb

hand in hand

Hu tajjeb li dawn il-ġranet ikunu dejjem iktar festa ta’ solidarjetà. Imma is-solidarjetà huwa meħtieġ li tinfirex b’mod konsistenti matul il-bqija tas-sena ukoll.

Għax is-solidarjetà u s-sliem huma l-unika sinifikat veru ta’ dawn il-ġranet. Mhux xieraq li f’dawn il-ġranet nuża l-ispazju għal argumenti u polemiċi. Avolja anke s-solidarjetà u s-sliem huma sors ta’ polemika.

Il-Milied it-Tajjeb.

Solidarjeta’ u Sliem

solidarity 

Dawn il-ġranet huma jiem ta’ solidarjeta’ u sliem.  Mhux xieraq li nuża l-ispazju għal argumenti u polemiċi. Avolja anke is-solidarjeta u s-sliem huma sors ta’ polemika.

Is-solidarjeta’ u s-sliem huma l-unika sinifikat veru ta’ dawn il-jiem li tul is-snin ġew ikkapparrati minn sens qawwi ta’ konsumiżmu u xalar li jmorru lil hinn minn dak li hu aċċettabbli.

Il-Milied it-Tajjeb lil kullħadd.

oriġinalment ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 23 ta’ Diċembru 2013