Futur fis-sod

Futur fis-sod 2

Il-Partit Nazzjonalista qed jgħidilna li biex ikollna futur fis-sod (fl-edukazzjoni, ix-xogħol u s-saħħa) it-tim ta’ Lawrence u Simon hu indispensabbli.

Ma jgħidilniex iżda li l-present, għal uħud, fis-saħħa qiegħed fuq stretcher fil-kuritur u b’nuqqas ta’ mediċini. Simon, simpatiku bħal dejjem, ma jarax differenza bejn grocer li spiċċawlu l-piżelli u l-ispiżerija tal-Gvern b’lista dejjem tiżdied ta’ mediċini out of stock.

Huwa ovvju li l-investiment li għamel il-Ministru Joseph Cassar meta kien l-uniku membru tal-Kabinett li appoġġa l-kandidatura ta’ Simon għal viċi-Kap tal-PN ġja beda jirrendi. Verament każ ta’ investiment u futur fis-sod.

Imbagħad hemm is-Segretarju Ġenerali baħbuħ, Pawlu Borg Olivier, li jidher li qed jitgħallem kif jibagħat l-emails. Il-bieraħ bi tbissima, bejn Paula u Marthese, ħabbar il-linji gwida tal-Manifest Elettorali tal-PN u nfurmana kemm il-Partit jgħozz id-diversita’. Ħasra li ma kellux ċans jispjega għaliex id-diversita’ li jgħozz il-PN s’issa waslet sal-logo ta’ din il-kampanja elettorali. U jidher li sa hemm tista’ tasal!

L-aħħar punt.

X’futur hemm għalina u għal uliedna jekk jibqa’ jkollna Ministri (u Prim Ministru) li għalihom xejn m’hu xejn? Għax għal Gvern immexxi mill-PN, li Ministru jiddobba lift fuq jet privat ma bniedem tal-business biex jara logħba futbol ma fiha xejn. L-anqas jekk xi żmien wara, viċin jew fil-bogħod irid jieħu deċiżjoni politika dwar kif fl-aħjar interess tal-pajjiż jeħtieġ li tkun regolata l-industrija.

Ma ġara xejn l-anqas jekk is-Segretarju Privat ta’ Ministru jammetti fil-Qorti li hu korrot. B’daqshekk?  L-aqwa li lill-Ministru tidhirlu d-Duluri u tfissirlu kemm hi inkwetata.

Qatt ma qalilna jekk kienitx inkwetata minħabba fih!

Il-PBS u l-Labour Party: xi smajt għand tal-grocer

 

green onions

Sewwa qal Simon li in-nies għandha tiftaħ ħalqha għand tal-grocer. Ara xi smajt:

” Smajtu d-diskors ta’ Gonzi?

Iva, anke ta’ Debono smajt. Imma veru m’għaddiex imma l-budget?

Mela inti m’hux tgħix f’dinja jew? Ma tafx li Franco ivvota mal-Opposizzjoni u l-budget ma għaddiex?

Iva. Naf. Imma ma nistax nifhem x’inhu jiġri għax il-PBS għadu qed ixandar ir-reklami dwar il-budget. Għadda jew m’għaddiex?

Dak taf għaliex għadhom għaddejjin bir-riklami? Għax issa meta jitilgħu il-Labour mhux l-istess budget ser jagħmel il-Professur Scicluna? Isib ix-xogħol lest!”

Xi smajt dwar il-lealta’: għand tal-grocer

greengrocer

Sewwa  għamel Simon meta qal li  għand tal-grocer wieħed  għandu jitkellem u ma jibqax  ħalqu magħluq.

Li jsegwi hu parti minn diskussjoni  għand tal-grocer:

“Jekk tkun ħriġt għall-elezzjoni mal-partit għandek tibqa’ leali lejn il-partit. Intqal f’waħda mill-blogs.”

“U ngħid jiena, jekk il-Kap tal-Partit Lawrence Gonzi ma ħax passi meta l-affarijiet ma jkunux miexja sewwa, u jipprova jgħatti kollox, min mhux leali lejn il-partit?”

“X’jiswa’ li Lawrence Gonzi jippontifka li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbilta’ tiegħu biex imbagħad hu u ta’ madwaru ma jerfawhiex?”

“F’dawn iċ-ċirkustanzi iktar kien leali lejn il-partit Franco Debono minn Lawrence Gonzi.”