Naħseb li lkoll kemm aħna konxji li l-klima qiegħda tinbidel. L-istaġuni ma tafx iżjed meta jibdew jew meta jispiċċaw. Fis-sajf sħana kbira li dejjem iżżid. Xita qawwija f’ħin qasir f’kull żmien tas-sena b’għargħar aktar ta’ spiss. Qegħdin niffaċċjaw estremi ta’ temp. Dawn huma wħud mill-indikazzjonijiet li għandna f’Malta li l-klima qiegħda tinbidel.
F’pajjiżi oħrajn it-temp inbidel ukoll. Insegwu dak li qed jiġri fuq il-televiżjoni, bħall-għargħar riċenti f’Cumbria fit-Tramuntana tal-Ingilterra jew l-urugan Katrina li ħarbat l-istat ta’ New Orleans fl-Istati Uniti tal-Amerika fi tmiem Awwissu, 2005. Inkella l-urugani spissi fl-istat Amerikan ta’ Florida. Anki fl-Ewropa segwejna każi estremi ta’ temp kemm f’dik li hi temperatura kif ukoll għargħar ikkawżat direttament mix-xita inkella mill-fawran ta’ xmajjar.
Il-parti l-kbira tax-xjenzjati jaqblu li dan kollu hu prinċipalment ir-riżultat akkumulat tul is-snin ta’ emissjonijiet mill-ħruq ta’ żjut u faħam biex il-bniedem jipproduċi l-enerġija, kif ukoll mit-trasport u minn proċessi industrijali. Naqsu wkoll il-foresti f’kull parti tad-dinja biex jittieħed l-injam tagħhom għall-ħatab, għall-bini ta’ djar jew għal xi użu ieħor bħall-bini tax-xwieni fi żminijiet oħrajn. Il-foresti naqsu wkoll biex żdiedet l-art għall-agrikoltura.
B’hekk id-dinja qiegħda żżomm is-sħana tax-xemx bħal f’serra bir-riżultat li t-temperatura madwarna qiegħda togħla ftit ftit. Dan iżda ma jseħħx bl-istess mod kullimkien. Ix-xjenzati huma tal-opinjoni li jekk it-temperatura taqbeż dik tal-bidu taż-żmien industrijali b’aktar minn 2 gradi Celsius, iseħħu tibdiliet kbar fil-klima. Tibdiliet li ħdejhom dak li seħħ s’issa jitqies bħala insinjifikanti. Rappreżentanti ta’ gżejjer kemm fil-Paċifiku kif ukoll fil-Karibew qegħdin jinsistu li l-limitu massimu għandu jkun 1.5 gradi Celsius fuq it-temperatura taż-żmien pre-industrijali. Dan qegħdin jgħiduh għax huma diġà qegħdin iħossu wieħed mill-effetti tal-bidla fil-klima. Il-livell tal-baħar qed jogħla u dawk li joqogħdu f’uħud minn dawn il-ġżejjer diġà qed ikollhom idabbru rashom. L-ewwel refuġjati tal-klima fil-fatt kienu r-residenti tal-gżejjer Carteret fil-Papua New Guinea liema gżejjer diġà bdew jiġu mgħottijin bl-ilma baħar. Sal-2015, hu kkalkolat li dawn il-gżejjer ikunu mgħarrqin kompletament bħala riżultat tal-bdil gradwali fil-livell tal-baħar.
Fl-Afrika wkoll it-temp inbidel drastikament. F’uħud mill-pajjiżi Afrikani bħas-Somalja, l-Etjopja u l-Eritrea hemm nixfa kbira u dan bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ xita fuq perjodu twil ta’ żmien. Bħala riżultat ta’ dan, l-agrikoltura mhix tirrendi u n-nies m’għandhiex x’tiekol. Iffaċċati b’dan, in-nies qegħdin jitilqu minn dawn il-pajjiżi u qegħdin jemigraw lejn pajjiżi oħrajn. Jaslu sal-Libja jew xi pajjiż ieħor bħall-Marokk u mbagħad jaqsmu lejn l-Ewropa b’numru minnhom jispiċċaw Malta. Numru mhux żgħir minn dawn l-immigranti li f’pajjiżna nsejħulhom “immigranti illegali” huma vittmi tal-bidla fil-klima.
Il-bidla fil-klima lilna f’Malta tista’ teffettwana b’mod drastiku wkoll u dan fi żmien mhux wisq ’il bogħod. In-nuqqas ta’ xita u l-għoli tal-livell tal-baħar se jkollhom effett dirett fuq l-agrikultura. L-ilma tal-pjan naqas sewwa kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. Dan riżultat tal-‘boreholes’, kemm dawk legali kif ukoll dawk illegali. Jekk ikun baqa’ ilma tal-pjan, dan se jkompli jiġi mgħarraq għax ikun diġà sar salmastru hekk kif il-livell tal-baħar jogħla ftit ftit. L-ilma ma jkunx iżjed tajjeb biex jintuża la għax-xorb, la għat-tisqija u lanqas għall-industrija għax ikun wisq mielaħ. Ikun jeħtieg li jiġi trattat bir-‘reverse osmosis’ jew xi proċess ieħor li jkollu bżonn ħafna enerġija. Bla ilma, kif nafu, ma jista’ jsir xejn.
Dakinhar li pajjiżna jirrealizza li ġie wiċċ imbwiċċ ma’ din il-problema, dawk minna li jkunu għadhom jgħixu hawn, ikunu fl-istess pożizzjoni ta’ dawn l-“immigranti illegali”, refuġjati tal-klima huma wkoll u jibdew ifittxu x’imkien ieħor fejn jistgħu jgħixu.
Tgħid ikunu lesti li jaċċettaw li jkunu trattati bħall-immigranti li jaslu Malta illum: li jkunu msakkrin, bl-għassa u b’detenzjoni ta’ 18-il xahar imposta fuqhom mingħajr ma qatt għamlu ħsara lil ħadd?
Wara kollox mhux kif tagħmel jagħmlulek? |