It-Times u l-Independent irrappurtaw li ġie konkluż l-istudju taċ-Ċiniżi dwar il-pont bejn Malta u Għawdex. Hu stmat li biex dan jinbena jiġi jiswa’ biljun euro bħala spiża kapitali kif ukoll spiża addiżżjonali ta’ madwar €4 miljuni fis-sena għaż-żamma tiegħu.
L-ispiża finanzjarja hi kbira, pero din mhux l-unika spiża għax magħha trid tiżdied ukoll l-ispiża ambjentali u l-ispiża soċjali.
Qabel l-elezzjoni kellna fil-media l-proposta l-oħra ta’ mina taħt il-baħar liema proposta diġa ktibt dwarha diversi drabi. Meta qiest xogħol simili li kien ser isir fid-Danimarka jiena kont ikkalkulajt li mina bħal din kellha tiġi tiswa’ bejn €1 biljun u €1.5 biljun, bejn sitta u għaxar darbiet l-istima ta’ kelliema tal-Gvern immexxi mill-PN. Din il-mina trid tiffaċċa ukoll problemi ġeoloġiċi u area taflija kbira fil-Fliegu. Dan apparti bejn miljun u nofs u żewġ miljuni kubi ta’ blat li jkun jeħtieġ li jitqatta’.
Hemm il-possibilita teknika ta’ diversi proposti oħra.
Il-qagħda attwali, jiġifieri li Għawdex hu maqtugħ għalih bħala gżira hemm bosta li jikkonsidrawh bħala ta’ benefiċċju (asset) filwaqt li oħrajn iqiesu dan il-fatt bħala problema (liability).
Għawdex bħala gżira għandha diversi karatteristiċi li jagħmluha unika bħala destinazzjoni. Għawdex b’kuntatt dirett u permanenti bħall-bridge jew mina ma jkun xejn differenti għat-turist minn kwalunkwe raħal f’Malta. Dan jista’ jeffettwa sostanzjalment l-industrija tat-turiżmu b’mod partikolari l-lukandi f’Għawdex.
Diversi li ġejjin u sejrin bejn Malta u Għawdex iħarsu b’mod differenti lejn in-nuqqas ta’ aċċess faċli bejn il-gżejjer. Għalihom is-serviżż tal-vapuri eżistenti mhux aċċettabbli, u għandhom raġun.
Is-soluzzjoni għal dan kollu mhux li noqgħodu nfajjru l-proposti fl-ajru. Is-soluzzjoni tinstab f’analiżi tal-alternattivi kollha. Analiżi li trid tindirizza l-impatti kollha biex id-diskussjoni pubblika tkun waħda infurmata. L-impatti li jridu jkunu indirizzati huma dawk ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Jinkludu mhux biss l-ispiża meħtieġa imma ukoll l-impatt fuq l-ekonomija Għawdxija, kif ukoll l-impatti ambjentali fuq l-art u l-baħar, ewlenin fosthom dawk viżivi kif ukoll dawk ekoloġiċi. L-impatti soċjali fuq Għawdex tal-proposti differenti jeħtieġ li jkunu indirizzati b’mod metikoluż.
Għandna bżonn soluzzjoni li tkun waħda sostenibbli. Biex dan isir irridu nagħżlu dik il-proposta li ssaħħaħ l-ekonomija Għawdxija filwaqt li ftit li xejn tagħmel ħsara ambjentali u soċjali.
Nistennew l-informazzjoni kollha li tkun pubblika. Anke ir-rapport tal-pont Ċiniż għandu jkun wieħed pubbliku. S’issa għadu m’huwiex pubbliku għax huma l-gazzetti biss li rawh.
Meta naraw dan kollu imbagħad tkun tista’ issir diskussjoni serja.
Ara ukoll fuq dan il-blog:
The right link that remains missing. 12 ta’ Frar 2012
Għawdex Tagħna lkoll. 16 ta’ Ġunju 2013.