Il-vakanza tal-familja Muscat f’Dubai

Atlantis-The-Palm-Hotel-Dubai

L-ispiża biex il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa lill-familja tiegħu f’Dubai għall-vakanzi tal-Għid f’waħda mill-iktar lukandi lussuzi hi waħda sostanzjali. L-Opposizzjoni għandha dubju dwar jekk il-kont għal din il-vakanza tħallasx minn Joseph Muscat innifsu, inkella jekk din tħallsitx minn ħaddieħor.

Din hi allegazzjoni serja ħafna u teħtieġ li tkun investigata. Dan minħabba li l-ebda membru tal-Kabinett ma jista’ jaċċetta dan ix-xorta ta’ rigal. Fil-fatt, il-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jgħid hekk fir-regolament 58 : “L-ebda Ministru m’għandu jaċċetta rigali jew servizzi li l-entità tagħhom tkun tali li jistgħu jpoġġuh f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun.”

Fl-aġenda tal-Parlament hemm abbozz ta’ Liġi intitolat Att tal-2014 dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Dan l-abbozz ta’ Liġi ilu pendenti fuq l-agenda tal-Parlament għal iktar minn sentejn. Meta dan l-abbozz ikun approvat jagħmilha possbli li allegazzjonijiet bħal dawn ikunu investigati.

Għax filwaqt li mhux sewwa li jkun hemm min jivvinta u jaqla’ minn żniedu huwa ukoll neċessarju li fejn ikun hemm dubju anke l-Prim Ministru jkollu l-obbligu li jisjega l-imġieba tiegħu.

Advertisements

Min imiss jirriżenja?

responsibility

 

Meta l-Kodiċi tal-Etika dwar il-persuni fil-ħajja pubblika f’Malta jitkellem dwar ir-rigali li dawn jirċievu, dan jagħmlu bl-iskop li jnaqqas il-possibilità li tinħoloq obbligazzjoni bejn il-politiku u min jagħtih ir-rigal. Hemm miżuri differenti fil-Kodiċi tal-Etika dwar il-Membri Parlamentari u f’dak dwar il-Ministri.

Il-Ministri, jgħidilna l-Kodiċi tal-Etika tal-Kabinett ma jistgħux jaċċettaw rigali jew servizzi li l-entità tagħhom jistgħu jpoġġuhom f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun (regolament 58). Jiġifieri l-obbligu tal-Ministru m’huwiex li jiddikjara x’rigali irċieva, iżda li ma jaċċettahomx.

Il-każ tal-ex-Ministru Joe Cassar hu dwar tlett rigali. L-ewwel rigal kien karozza li min bigħielu ma riedx flus tagħha. Qallu biex flok ma jħallas lilu, jagħti donazzjoni lill-PN.  Iż-żewġ rigali l-oħra huma  sistema tas-sigurtà  u xogħolijiet f’razzett f’Ħad-Dingli: xogħol li sar fi ħwejġu u ħallas għalih ħaddieħor skond irċevuti ppubblikati.  Cassar ikkontesta dak li ntqal dwaru, inkluż b’diskors fil-Parlament. Fl-aħħar, għalkemm baqa’ jinnega li qatt ta’ xi forma ta’ awtorizzazzjoni biex jitħallsu kontijiet f’ismu, Cassar aċċetta li seta ġieb ruħu aħjar u li għamel żball ta’ ġudizzju (error of judgement). L-ewwel skuża ruħu u irriżenja minn kelliemi tal-grupp parlamentari tal-PN għall-Kultura u sussegwentement irriżenja ukoll minn Membru Parlamentari.

Sa ftit siegħat qabel mat-Tabib Joe Cassar irriżenja minn Membru Parlamentari, il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil kien qed jgħid li ma’ hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jirriżenja, u dan minħabba li ma kienx hemm fondi pubbliċi involuti. Il-Partit Laburista min-naħa l-oħra kien qed jinsisti għar-riżenja.

Ir-riżenja ta’ Joe Cassar ma kienet mistennija minn ħadd. Il-Partit Nazzjonalista  esprima ruħu ċar: li l-iżball ta’ Cassar ma kienx jiġġustifika la tkeċċija (jew riżenja) mill-Partit u l-anqas riżenja minn Membru Parlamentari.

L-anqas il-Partit Laburista ma emmen li Cassar kien ser jirriżenja.  Minkejja li insista fuq ir-riżenja, ma naħsibx li l-Partit Laburista qatt ried lil Joe Cassar jirriżenja. Għax issa li Cassar irriżenja, l-PL ħoloq problema kbira għalih innifsu. Għax ir-riżenja ta’ Cassar hi issa l-kejl  li jrid iqies Joseph Muscat kull meta jkollu Ministru jew Segretarju Parlamentari fil-Kabinett tiegħu li jiżbalja inkella li jkollu jġorr responsabbiltà politika għal żbalji goffi fid-dikasteru tiegħu.

Joseph Muscat diġà keċċa lil Manwel Mallia mill-Kabinett, meta dan ma kellux il-kuraġġ morali li jerfa’r-responsabbiltà politika tiegħu w jirriżenja fid-dawl tar-rapport tal-inkjesta dwar l-inċident tal-isparatura li fiha kien involut ix-xufier tiegħu. Dan iżda kien kostrett li jagħmlu wara għoxrin ġurnata ta’ tkaxkir tas-saqajn, għax ippressat mill-medja u l-opinjoni pubblika.

Ir-riżenja, meta tkun deċiżjoni politika ġenwina, għandha tkun waħda immedjata u mhux bħala riżultat ta’ pressjoni tal-medja jew tal-opinjoni pubblika. Hekk għamlu l-politiċi ta’ stoffa f’kull parti tad-dinja demokratika. Il-politiku ġenwin m’għandux bżonn suġġerituri biex jirrealizza meta l-iżball hu gravi biżżejjed li jiġġustifika r-riżenja.

Dan il-punt ser jerġa’ jqum fid-dawl tal-investigazzjoni li qed jagħmel l-Awditur Ġenerali dwar l-esproprijazzjoni tal-binja fi Triq iz-Zekka l-Belt. Diġa ġiet konkluża investigazzjoni interna fis-servizz pubbliku u dan ir-rapport ilu f’idejn il-Prim Ministru sa minn Lulju li għadda.

Il-Prim Ministru qiegħed ikaxkar saqajh biex jieħu deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet fir-rapport li għandu f’idejh: bl-iskuża li qed jistenna lill-Awditur Ġenerali jippreżenta r-rapport tiegħu.

Waqt li l-Prim Ministru b’solennità jiddikjara li qiegħed jistenna lill-Awditur Ġenerali, dawk ta’ madwaru (bla dubju bil-kunsens tiegħu) għalfu lil sezzjoni tal-istampa b’biċċiet mir-rapport intern li s’issa għadu kunfidenzjali. Kien ikun ħafna iktar għaqli kieku l-Prim Ministru jippubblika immedjatament ir-rapport kollu (u mhux biċċiet minnu kif jaqbel) u jieħu passi immedjati dwar dak li jirriżulta mir-rapport.  Hi ipokrezija politika li l-ewwel tiddikjara li mhux ser tippubblika r-rapport biex ma tinfluwenzax lill-Awditur Ġenerali, u mbagħad tippermetti l-pubblikazzjoni ta’ partijiet minnu.

Ftit ġranet wara li dan ir-rapport kien ippreżentat lill-Gvern, lejn tmiem Lulju 2015 kumbinazzjoni, irriżenja d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern. Dakinnhar intqal li din ir-riżenja kienet għal raġunijiet personali. Ovvjament, emmen jekk trid. Bosta, jiena nkluż, ma tantx huma konvinti minn dawn il-kumbinazzjonijiet.

Bosta jemmnu li d-Direttur Ġenerali, li ntqal li irriżenja għal raġunijiet personali, kien il-ħaruf tas-sagrifċċju li ġarr fuq spallejh il-piż kollu. Jekk dan hu hekk, hu żbaljat li jġorr il-piż waħdu. Huwa għalhekk ukoll li qed tikber il-pressjoni pubblika biex is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-amministrazzjoni ħażina tat-taqsima tal-Propjetà tal-Gvern u jirriżenja.  Ir-reżistenza biex dan isir la tagħmel ġid lil Falzon u l-anqas lill-Gvern.  Lil Falzon nafu bħala bniedem raġjonevoli li bla dubju jifhem id-differenza bejn responsabbiltà personali u responsabbiltà politika. Nifhem li ftit għandu eżempji tajbin fuq xiex jimxi, peró tajjeb li jifhem li dik hi l-unika triq onorevoli.

Fil-każ ta’ Manwel Mallia damu jaħsbuha għoxrin ġurnata biex jiġi mwarrab. Joe Cassar dam jaħsibha ftit ġranet biex irriżenja. Michael Falzon għandu jrabbi ftit tal-kuraġġ biex hu ukoll jerfa’ r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu. Huwa responsabbli għal mod kif iġibu ruħhom ta’ taħtu.

Ir-riżenja ta’ Joe Cassar ma naħsibx li tħallilu wisq alternattivi. Billi jkaxkar saqajh m’hu ser isolvi xejn.

 

pubblikat f’ILLUM : il-Ħadd 8 ta’ Novembru 2015

Joe Cassar baħnan?

Joe Cassar2

Meta qrajt l-aħbar dwar il-karozzza second-hand li t-Tabib Joe Cassar ried jixtri u spiċċa biex, minflok ma ħallas tagħha, għadda l-flus dovuti bħala donazzjoni lill-PN, għidt li dan ir-raġel hu baħnan. Skantat. Ma jirrealizzax li fil-prattika ġie qiesu aċċetta donazzjoni hu, meta ovvjament mhux il-każ.

Meta qrajt l-istorja tas-sistema ta’ sigurtà li għamlulu f’daru u li, skond kif qal Cassar, dam jiġri biex iħallas, imma spiċċa biex ħallas ħaddieħor għidt li hemm il-possibilità li dan ir-raġel sfortunat u li l-inkwiet jiġri warajh.

Issa ħarġet l-aħħar aħbar, li f’dan l-istadju għadha allegazzjoni, dwar €8,000 xogħol f’razzett ta’ Cassar f’Ħad-Dingli li qed jingħad li tħallsu minn ħaddieħor meta Cassar kien Ministru tas-Saħħa. Jekk veru, dan hu każ ta’ rigal mhux dikjarat bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri.

Hemm żewġ mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba ċara: jekk dan seħħx fil-fatt kif ukoll jekk hemmx iktar minn dawn l-istejjer.

Sadanittant Joe Cassar irreżenja mix-Shadow Cabinet biex ikun jista’ jiddefendi ruħu. Qed isostni li hu qatt ma kien jaf li saru dawn ir-rigali. Cassar isostni li hu ma għamel xejn ħażin imma ġie mmanipulat minn persuna bla skrupli. Skuża ruħu għall-iżball fil-ġudizzju tiegħu (error of judgement).

Hemm limitu dwar dak li temmen in-nies, anke jekk joriġinaw minn baħnan.

 

L-Onorevoli

Arlogg tal lira 2

L-Onorevoli jingħaraf mill-imġieba tiegħu mhux minn kemm jissejjaħ Onorevoli.

Il-mozzjoni ta’ l-Opposizzjoni li tressqet fil-Parlament iktar kmieni  din il-ġimgħa hi għaldaqstant flokha meta teżiġi li jkun hemm min jissorvelja li l-Onorevoli jġibu ruħhom b’mod denju ta’ isimhom.

l-Onorevoli ġieli jagħmlu żbalji kbar u xi drabi jagħmlu żbalji żgħar ukoll!

Bħal meta jkun hemm min jinsa’ jiddikjara xi kont bankarju kemm f’Malta, fi Brussels inkella fl-Iżvizzera. Kollha jgħidu li  jkun żball ġenwin. Teħduhiex bi kbira li bosta drabi ma jkun żball xejn.

Kellna ukoll membri parlamentari  li repetutament ma ippreżentawx id-dikjarazzjoni annwali tad-dħul u l-assi tagħhom.  Dan mhux żball. L-anqas traskuraġni.

Li l-Membri Parlamentari kif ukoll il-membri tal-Kabinett kull sena jippreżentaw dikjarazzjoni tad-dħul u l-assi tagħhom hemm skop speċifiku warajha: biex kull wieħed mill-Membri Parlamentari jagħti kont ta’ egħmilu.

Allura min ma jippreżentax id-dikjarazzjoni jrid iwieġeb u jispjega għaliex. Jekk jipprova jaħbi tista’ tiġih agħar. L-istess min jagħmel dikjarazzjoni bin-nieqes jew dikjarazzjoni żbaljata.

Diġa kellna diversi każijiet bħal dawn. Bħalma kellna min aċċetta rigali li ma kellux jaċċetta: mhux biss l-arloġġ tal-lira imma ukoll il-vjaġġ ma nies tal-business biex jara lill-Arsenal jilgħabu logħba futball!

Kellna ukoll min messu waqaf mill-prattka tal-professjoni tiegħu għax sar Ministru jew Segretarju Parlamentari u ma waqafx.

In-nuqqas ta’ Membru Parlamentari jew ta’ membru tal-Kabinett li jimxi mar-regoli hi xi ħaġa serja ħafna.  Din l-imġieba ma fiha xejn Onorevoli, u min jagħmilha jeħtieġ li jibda jerfa’ l-konsegwenzi.

Kif ippubblikat fuq iNews, it-Tlieta 1 t’Ottubru 2013