Joseph fil-Ġnus Magħquda

Joseph Muscat-UNGA.300915

Huwa tajjeb li Joseph Muscat il-bieraħ fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda tkellem dwar l-immigrazzjoni. Dwar il-ħtieġa tal-involviment ta’ kulħadd, għax wara kollox, din hi problema globali.

L-emfasi tiegħu fuq il-ħtieġa li jkun indirizzat dak li qed jikkawża l-immigrazzjoni kienet ukoll emfasi flokha. Mhux biss iċċaqlieq minħabba l-gwerer, imma issa ukoll minħabba t-tibdil fil-klima. Mhux biss is-Sirja, imam anke s-Sudan, is-Somalja, l-Etijopja u l-Eritreja. Għax kulħadd għandu ħabta jinsa ukoll.

Huwa tajjeb li dan nibqgħu insemmuh, għax dan huwa kompletament differenti mill-politika tal- pushbacks li kienet il-politika ta’ Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu sa sentejn ilu. Imma jidher li fetaħ għajnejh sewwa. Dan għandu jkun rikonoxxut kontinwament għax il-kambjament hu kbir ħafna. Ferm aħjar milli jistqarr dubji dwar jekk il-pajjiż għandux iħares l-obbligi internazzjonali tiegħu.

Mill-kummenti li nisimgħu hu ċar li dan mhux kulħadd jifhmu jew jaqbel miegħu. Għax biex timplimenta politika rejali ta’ solidarjetà mhuwiex faċli. Dejjem, ovvjament,  jekk tkun temmen f’dak li tkun qed tagħmel.

 

Il-ħarsien tal-ambjent : l-istedina tal-President Marie-Louise Coleiro-Preca

M.L ColeiroMillennium-Development-Goals

 

Meta l-bieraħ mexxejt delegazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika għand il-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro-Preca biex nagħtuha l-awguri għas-sena 2015  kien obbligu tiegħi u ta’ Alternattiva Demokratika li ngħidulha grazzi għall-ħidma tagħha matul dawn it-tmien xhur li ilha fil-ħatra.

Fid-diskorsi tagħha l-President ta’ Malta qed kontinwament temfasizza r-rabta bejn il-ħarsien ambjentali u l-kwalità tal-ħajja, b’emfasi fuq il-ġlieda kontra l-faqar. Fil-fatt fid-diskors tagħha mxandar fl-okkażjoni tal-Milied hija qalet li kull settur li għandu impatt ambjentali jeħtieġlu jeżamina ftit il-kuxjenza tiegħu. Il-kelma sostenibilità, qalet Coleiro-Preca fil-messaġġ tal-Milied, m’għandiex tibqa’ sempliċi kelma bħall-oħrajn iżda għandha isservi bħala gwida għall-mod kif naġixxu.

Dan id-diskors ta’ Coleiro-Preca huwa ta’ importanza, iktar u iktar fil-kuntest ta’ żewġ avvenimenti ambjentali importanti li ser iseħħu matul din is-sena li jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

F’Settembru li ġej l-Assembleja Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ser tiddiskuti s-Sustainable Development Goals li fuq quddiem nett jinkludu l-ġlieda kontra l-faqar. F’Diċembru imbagħad, ġewwa Pariġi, ser ikun hemm laqgħa importanti dwar il-klima li tista’ twassal għal ftehim ġlobali li jagħmel sens u li jkun effettiv b’seħħ mill-2020.

Nawguraw lill-President iktar minn din il-ħidma. Nittama dejjem li min għandu widnejn, jisma’.