Mario Galea, jitkellem ċar

F’kumment kemmxejn twil fuq is-sit soċjali facebook Mario Galea tkellem ċar: kif Simon Busuttil warrab fil-ġemb lill-grupp parlamentari tiegħu.

L-akkuża li jagħmel hi gravi ħafna: jgħid li l-grupp Parlamentari ma jistax ikun li “jibqa’ rubberstamp kif sfortunatment spiċċa ħafna drabi taħt Simon Busuttil”.

Mario jgħid diversi affarijiet importanti : li l-Grupp Parlamentari tal-PN kien imwarrab u li l-ewwel kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet u wara kienu jippretendu li issir id-diskussjoni.

Akkuża gravi li jagħmel Mario Galea hi din li ġejja: “Per eżempju deċiżjoni importanti bħall-għaqda tal-Partit Nazzjonalista mal-Partit Demokratiku tal-Onorevoli Marlene Farrugia qatt ma ġiet diskussa fil-grupp parlamentari, iżda aħna id-deputati tal-PN sirna nafu biha mill-media.”

Ikompli jitfa l-ħatab fuq in-nar meta jgħid li s-Segretarja Ġenerali tal-PN Rosette Thake kienet imposta u li persuni oħra “validi” li riedu jikkontestaw ġew ordnati biex ma jagħmlux dan.

Dan kollu jispjega għaliex fil-vot importanti fil-Parlament ftit ilu kien hemm min kien “marid” jew ma attendiex għall-votazzjoni. Jispjega ukoll il-mod kif ġieb ruħu Edwin Vassallo fil-Parlament.

Dak li jgħid Mario Galea ma huwiex biss riflessjoni fuq kif mexxa Simon Busuttil, imma hu ukoll rifless fuq il-grupp Parlamentari tal-PN li kien u għadu bla ħeġġa, bla enerġija u bla  ……….

Issa jekk dawn m’humiex kapaċi jirrispettaw lil xulxin, immaġinaw ftit kemm huma kapaċi jirrispettaw lilek!

 

 

 

Franco jgħid biss biċċa …………… aħjar jispjega l-vot tiegħu kontra l-mozzjoni 110

Fuq il-blog tiegħu Franco Debono biex iwieġeb dak li qalet Alternattiva Demokratika dwaru dalgħodu irriproduċa d-diskors li kien għamel fil-Parlament nhar is-6 ta’ Mejju 2012 fejn jitkellem dwar l-impatti tal-estensjoni tal-power station. Jgħid ukoll illi wara d-diskors tiegħu  Austin Gatt ma baqax resposnabbli għall-Enemalta!

Ma nafx kif wasal għal din il-konklużjoni. Imma apparti dan. Il-punt tiegħi hu li meta l-mozzjoni numru 110 tressqet għall-vot Franco Debono ivvota kontra. X’jiswa li tgħid ħafna kliem sabiħ jekk imbagħad dak li tagħmel ma jaqbilx ma dak li tgħid?

Nhar is-6 ta’ Mejju 2010 l-Parlament ivvota fuq il-mozzjoni numru 110 imressqa mill-Opposizzjoni. L-mozzjoni kienet fost oħrajn :

  1. Turi nuqqas ta’ qbil dwar il-mod kif mexa l-Gvern fl-estensjoni tal-Power Station,
  2. Tesprimi nuqqas ta’ qbil għall-għażliet teknici li saru li f’dan l-istadju warrbu l-gass, ekoloġikament superjuri u ekonomikament orħos għall-konsumaturi,
  3. Tikkundanna lil Austin Gatt li ħalla l-pjani jaqgħu lura b’mod li l-power station eżistenti m’hiex tlaħħaq mad-domanda,
  4. Tikkundanna t-tibdil fil-leġislazzjoni ambjentali li sar, għax b’hekk biss il-BWSC setgħet tirbaħ il-kuntratt,  l-iskart tossiku li ser ikun iġġenerat, it-tniġġiż iġġenerat mill-Heavy Fuel Oil

Nhar is-6 ta’ Mejju 2010 kienet dik is-seduta li fiha kien hemm taħwida fil-votazzjoni dwar kif fil-fatt ivvutaw Mario Galea u Justyne Caruana. Wara t-taħwida l-Ispeaker iddeċieda li l-Parlament jerġa’ jivvota ħalli jkunu iċċarati l-affarijiet. L-Opposizzjoni dehrilha li dan kien logħob bir-regoli tal-Parlament u ħin minnhom ħarġet il-barra.  Meta l-Ispeaker sejjaħ il-vot mill-ġdid l-Opposizzjoni bi protesta ma ivvutatx.

Il-minuti tal-Parlament  fil-fatt jgħidu hekk :

“ Il-Membri qablu li din il-votazzjoni tittieħed dak il-ħin stess.

Il-Kamra ivvotat hekk:

VOTAZZJONI NRU.  88                                ĦIN: 1.21 am

ĦADD FAVUR

 

KONTRA :  35

L-Onor.

 

Agius David Galea Mario
Agius Francis Gatt Austin
Arrigo Robert Gonzi Lawrence
Azzopardi Frederick Gonzi Michael
Azzopardi Jason Gouder Karl
Bonnici Charlo’ Micallef Peter
Borg Tonio Mifsud Philip
Cassar Joseph Mifsud Bonnici Carmelo
Cristina Dolores Mugliett Jesmond
de Marco Mario Puli Clyde
Debono Franco Pullicino George
Debono Giovanna Pullicino Orlando Jeffrey
Deguara Louis Said Chris
Falzon Joseph Spiteri Stephen
Farrugia Jean Pierre Vassallo Edwin
Fenech Tonio Zammit Ninu
Fenech Adami Beppe Zammit Dimech Francis
Galea Censu

Il-mozzjoni m’għaddietx.”

 

Hu veru li dak li qed jgħid Franco Debono issa jaqbel ma dak li qal nhar is-6 ta’ Mejju 2010. Imma jibqa’ l-misteru li dakinnhar ivvota kontra. Li jfisser li qal mod u aġixxa mod ieħor.

Naħseb li ħaqqna spjegazzjoni!

Għax mhux biżżejjed li jingħad kliem li jdoqq għall-widna. Fl-aħħar il-vot irid jirrifletti dak li jkun intqal.