Qrajna l-bieraħ li l-Kunsill tal-Għarb qed jikkunsidra li jieħu passi legali kontra omm Daniel Holmes wara li hi għaddiet kumment dwar il-fejqan ta’ diversi persuni li ġew imfejqa minn Frenċ tal-Għarb. Omm Daniel Holmes kienet ikkwotata li qalet li issa hu magħruf li dan il-fejqan sar permezz tal-użu tal-cannabis.
Issa jiena ma nafx jekk hux vera jew le li Frenċ ta’ Għarb kellu konoxxenza tal-kwalitajiet terrapewċi tal-cannabis. Imma din mhiex ħaġa kbira, għax, minn dak li nafu dwaru kellu konoxxenza profonda tan-natura b’mod partikolari tal-ħxejjex li jikbru fis-“selvaġ” li kien jagħmel użu tagħhom kontinwament biex ifejjaq.
In-natura fir-realtà tipprovdi l-kura għal ħafna mard u kundizzjonijiet li jkidduna u huwa għaqli kull min jagħraf dan.
Għalhekk, kieku jiena, xejn ma neħodha bi kbira aħbar bħal din li ħarġet biha s-sinjura Holmes. Jekk inhi vera, din hi aħbar li żżid bil-bosta r-reputazzjoni ta’ Frenċ tal-Għarb. Għax mhux biss kien qabel żmienu, imma saħansitra kien iktar avvanzat mill-Gvernijiet ta’ Malta tal-bieraħ u tal-lum jekk kellu għarfien ukoll tal-kwalitajiet terrapewtiċi tal-cannabis.
Wasal iż-żmien li d-dikriminalizzazzjoni tad-droga għal użu personali nieħduha ftit iktar bis-serjetà bħalma għamlu bosta pajjiżi oħra qabilna. Hemm bżonn li niddiskutu iktar bis-serjetà l-kaz ta’ Daniel Holmes u tas-sentenza inġusta ta’ għaxar snin ħabs li weħel minħabba li kellu fil-pusess tiegħu, għall-użu personali, pjanti tal-cannabis.
Li qed tgħid is-sinjura Holmes hu li għad baqa’ ħafna x’nitgħallmu mingħand Frenċ tal-Għarb. Anke dwar il-cannabis.