Oħtna n-natura tieħu ħsiebna

countryside11.mt

 

L-enċiklika Laudato Sì tal-Papa Franġisku tpoġġi quddiemna numru ta’ riflessjonijiet dwar il-ħarsien tal-ambjent liema riflessjonijiet huma apprezzati minn kulħadd, inkluż minn min ma jemminx.

Riflessjoni ewlenija hi dwar kif Franġisku l-ieħor, Franġisku ta’ Assisi, tmien mitt sena ilu, kien iqies lin-natura bħal parti mill-familja. Bla dubju ġejna mfakkra  fil-kliem immortalizzat minn Franco Zeffirelli fil-film Fratello Sole, Sorella Luna dwar ħuna x-xemx u oħtna l-qamar.

Din hi stedina biex aħna ukoll inqiesu lin-natura bħala parti integrali mill-familja tagħna. Dan nistgħu nagħmluh jekk napprezzaw iktar ir-rwol importanti li n-natura għandha f’kull waqt ta’ ħajjitna.

Din mhix biss parti mill-filosofija franġiskana. Insibuha ukoll fil-kultura indiġena ta’ diversi popli. Per eżempju, fit-tribujiet Indjani fl-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll fit-tribujiet fid-diversi partijiet tal-Amerika Latina. Hi attitutdni magħġuna ukoll fil-biedja tradizzjonali li żviluppat f’rispett  u sintonija sħiħa man-natura.

Aħna parti mill-istess familja għax niffurmaw parti minn eko-sistema waħda. Kull azzjoni tagħna għanda impatt fuq dak kollu li jseħħ madwarna, bl-istess mod li dak li jseħħ madwarna għandu impatt fuqna. Jekk inniġġsu l-arja qed inniġġsuha għal kulħadd. Dan iwassal mhux biss għal mard respiratorju imma ukoll għall-iżbilanċ fil-klima, tant li l-istaġuni bdew jitħawwdu. La taf iktar meta jispiċċa s-sajf u l-anqas meta tibda ix-xitwa jew ir-rebbiegħa. Dan qed  jeffettwa kemm lill-uċuħ tar-raba’ kif ukoll lis-siġar li donnhom bdew jitgħażżnu. Qed jeffettwa is-sistemi naturali kollha li fuqhom tiddependi l-ħajja.

In-natura taħdem bħall-katina : kull ħolqa marbuta ma’ u msaħħa (jew imdgħajfa) mill-ħolqa ta’ ħdejha.

Ftit iktar minn ħamsin sena ilu, ż-żooloġista Amerikana Rachel Carson ippubblikat il-ktieb tagħha bl-isem Silent Spring (Ir-Rebbiegħa Siekta). Tosserva kif l-użu bikri tal-pestiċidi ma kienx qed jeffettwa biss l-insetti li kienu qed inaqqru l-uċuħ tar-raba’. Imma kien qed ikollu effett drastiku fuq ħlejjaq oħra, bħall-għasafar, insetti u pjanti li huma ta’ għajnuna kbira għalina. Għax l-għasafar li kienu jfittxu lil dawn l-istess insetti kienu qed jiġu b’mod indirett avvelenati minn l-istess pestiċdi. B’dan il-mod kien hemm nuqqas notevoli ta’ għasafar u bħala konsegwenza n-nuqqas tagħhom kien qed jinħass f’rebbiegħa li kienet qed isir dejjem iżjed siekta. Għalhekk Silent Spring. Carson kienet qed temfasizza li l-pestiċidi kien qed ikollhom effetti li jmorru lil hinn minn dak intenzjonat: kienu qed jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-eko-sistema.

Ħamsin sena ilu, Rachel Carson kebbset l-ewwel xrara għal attiviżmu ambjentali fl-Istati Uniti tal-Amerika, li wara infirex mal-erbat irjieh tad-dinja. Għax bħala riżultat tal-osservazzjonijiet xjentifiċi tagħha,  iżjed nies indunaw kemm in-natura hi katina waħda : aħna l-bnedmin niddependu ukoll mid-dudu tal-art jew mill-insetti. Din hi l-katina tal-eko-sistema li torbot flimkien lill-bniedem mal-ħamrija u mal-ajru, mal-ilma tax-xita u mal-klima, mal-insetti u mal-annimali li jħokku żaqqhom mal-art.

Għandna ħafna x’nitgħallmu min-natura.

Ħarsu ħarsa madwarkom. Ħarsu lejn is-sigar meta dawn jinżgħu mill-weraq tagħhom. Osservaw kif anke dak il-weraq midbiel, li għalina jidher li ma’ għandu l-ebda użu jew valur, jitmermru w jgħinu lill-ħamrija li terġa’ titma’ lill-istess siġar. In-natura hi bieżla u ma taħlix.

Dawn il-lezzjonijiet sempliċi nsibuhom kontinwament madwarna kieku aħna kapaċi li b’umiltà nħarsu u nosservaw biżżejjed. Għax fi ħsieb Franġisku l-ieħor, in-natura hi bħal oħtna l-kbira li dejjem tieħu ħsiebna.  Anke għalhekk jixirqilha r-rispett. Għax dinja waħda għandna u hi d-dar tagħna lkoll.

kummentarju imxandar fuq RTK : it-Tnejn 28 ta’ Diċembru 2015

Advertisements

Il-karba tal-art ……….. il-karba tal-fqir

Boff. Grito da Terra    laudato_si_

L-enċiklika li ppubblika l-Papa Franġisku l-bierah m’hiex biss enċiklika ħadra. Hi fuq kollox nisġa ta’ argumenti li jispjegaw kif u għaliex il-ħsara ambjentali  u l-inġustizzja soċjali jimxu id f’id. Preċiżament l-argument ta’ Leonardo Boff għoxrin sena ilu fil-ktieb tiegħu : Il-karba tal-art, il-karba tal-fqir. [Grito da Terra, Grito dos Pobres.] [Cry of the Earth, Cry of the Poor.]

L-enċiklika hi imsejħa “Laudato Si”, l-ewwel żewġ kelmiet fl-edizzjoni Latina. Huma ukoll l-ewwel żewġ kelmiet tal-Kantiku tal-krejaturi ta’ Franġisku ieħor, ta’ Assisi, li jfissru jkun imfaħħar (il-Mulej).

Oħtna d-dinja qed issofri ħsara kbira riżultat tal-użu ħażin mill-bniedem tar-risorsi ta’ din l-art. Il-ftit ħsara ekoloġika ta’ kull wieħed minna għalkemm tista’ tidher żgħira, meta tinġabar flimkien tammonta għal ħsara ferm ikbar.

Oħtna d-dinja marida minħabba fina. Dan il-mard hu rifless fl-art, fl-ilma, fl-arja u f’kull forma ta’ ħajja fuq din l–art. Hu manifestat ukoll fil-bdil fil-klima li hi riżultat tal-ħidma tal-bniedem.

Hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-fqar u l-fraġilità tad-dinja. Il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-fqar u l-vulnerabbli jimxu id f’id. Il-fqar jgħidilna Franġisku huma mċaħħda minn dak li hu essenzjali biex jgħixu b’dinjità fil-waqt li l-għonja jiffangaw. Il-qerda ekoloġika hi l-ħolqa bejn it-tnejn.

Dan kollu qed iwassal għal dejn ekoloġiku sostanzjali li hu l-wirt li ser inħallu lill-ġenerażżjonijiet futuri. Huma l-foqra li ser iħallsu dan id-dejn riżultat tar-regħba u l-ħela tar-riżorsi tad-dinja tul is-snin.

Dan hu l-messaġġ mifrux fuq il-184 paġna tal-enċiklika. Il-qerda ambjentali u l-inġustizzji soċjali huma ż-żewġ naħat tal-istess munita. Inkluż il-bdil fil-klima.

Ippubblikat  fuq iNews :  il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2015