Miljun euro kuljum f’sussidji

Is-susidji li qed jitħallsu mill-kaxxa ta’ Malta għall-petrol, dijżil u elettriku huma sostanzjali. Sa nofs Lulju anke d-dijżil użat minn inġenji kbar tal-baħar kien issussidjat! Permezz ta’ avviż legali, effettiv mid-29 ta’ Lulju il-Ministeru tal-Finanzi waqqaf dan is-sussidju, u għamel tajjeb.

Din il-bidla, bl-eliminazzjoni tas-sussidju tad-dijsil u petrol għal inġenji kbar tal-baħar kienet pass tajjeb il-quddiem biex ma jibqgħux jintużaw fondi pubbliċi fuq sussidji li la kienu meħtieġa u l-anqas ma kienu ġustifikabbli.

Is-sussidji li presentement huma użati għall-petrol, dijżil u l-elettriku jeċċedu l-miljun ewro kuljum. Fil-fatt huma qrib il-miljun u nofs euro (€1,500,000) kuljum.

Il-Prim Ministru, Robert Abela, f’dawn il-ġranet qal li mhux faċli li tillimita s-sussidji biex l-għajnuna ma tispiċċax għand min għandu l-mezzi, inkelli għand min jaħli. Naqblu perfettament li qatt mhu faċli tieħu dawn id-deċiżjonijiet. Speċjalment meta jkun meħtieġ li taqta’ l-benefiċċji lil min m’għandux ħtieġa għalihom!

Hu possibli li nikkunsidraw bis-serjetà t-tnaqqis tas-sussidji għall-petrol, dijżil u elettriku biex ikunu jistgħu jintużaw biss minn min jeħtieġhom. Dan it-tnaqqis jassigura li jkun hemm ferm iktar fondi għal dawk li verament għandhom bżonn. Miżura bħal din tnaqqas il-ħtieġa li tkun indirizzata l-ispiża għall-edukazzjoni jew għal xi qasam jew proġett ta’ utilità biex tagħmel tajjeb għas-sussidji.

It-tnaqqis fl-ispiża għall-edukazzjoni universitarja, kif qed jippjana li jagħmel il-Gvern bi tnaqqis fil-fondi għall-Università hu kastig indirizzat lejn il-ġenerazzjonijiet futuri.  Il-ġenerazzjonijiet futuri huma diġa mgħobbija bid-dejn pubbliku akkumulat, b’riżorsi naturali li kważi spiċċaw u b’wirt nazzjonali li qiegħed kontinwament taħt assedju. M’għandniex nagħmlu l-affarijiet agħar milli diġa huma!

Is-sussidji eżistenti jistgħu jonqsu iktar.

Is-sussidji fuq il-petrol u d-dijżil jistgħu jonqsu sakemm gradwalment jinġiebu fix-xejn.  Dan iwassal għal benefiċċju addizzjonali, ta’ inqas karozzi fit-toroq, u dan billi żieda fil-prezz tal-petrol u d-dijżil inevitabilment jikkawża ċaqlieqa lejn użu ikbar tat-transport pubbliku. Irridu fuq kollox niftakru li numru sostanzjali tal-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati huma għal distanzi qosra. Dan ġie emfasizzat ukoll mill-iStrateġija Nazzjonali tat-Trasport li tgħid li 50 fil-mija tal-vjaġġi bil-karozzi privati fil-gżejjer Maltin huma għal distanzi qosra li jieħdu inqas minn ħmistax-il minuta.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, t-trasport pubbliku jista’ joffri alternattiva raġjonevoli. Iktar u iktar issa li minn Ottubru ser ikun bla ħlas! Jeħtieġ imma li jkun effiċjenti, jżomm il-ħin, dejjem, u jilħaq l-ikbar numru possibli ta’ lokalitajiet f’kull ħin. Dan għandu jinkludi servizz ridott imma effiċjenti matul il-lejl.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnaqqis tas-sussidju fuq il-petrol u id-dijżil hi l-aħjar għażla li tista’ issir.

Imbagħad ikun jinħtieġ li jkunu indirizzati b’mod dirett l-impatti ta’ dawk is-setturi ekonomiċi dipendenti fuq il-petrol u d-dijżil. Dawn jeħtieġu għajnuna diretta u iffokata li tindirizza l-impatti ta’ din id-dipendenza.

Konsiderazzjonijiet simili għandhom japplikaw għas-sussidji li preżentement japplikaw għall-konsum tal-elettriku.

Il-konsum domestiku bażiku tal-elettriku għandu jibqa’ jkun issussidjat. Imma lil hinn minn dan il-konsum bażiku, anke hawn hu ġustifikat li tkun ikkunsidrata għajnuna iffukata u mfassla għas-setturi ekonomiċi differenti. Dan jagħmel ferm iktar sens milli jkun issussidjat il-konsum kollu bla limitu.

Għandha tibqa’ prijorità l-għajnuna li twassal għall-ġenerazzjoni u użu ikbar ta’ enerġija rinovabbli.  Hemm ħtieġa ta’ sforz ikbar biex tkun iġġenerata enerġija solari permezz ta’ użu iktar effiċjenti tal-bjut tal-bini pubbliku kif ukoll, fejn dan hu possibli, tal-ispazji miftuħa. Flimkien ma investiment ikbar fit-titjib meħtieġ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku dan jista’ jnaqqas l-impatt ta’ din il-kriżi enerġetika fuq il-pajjiż b’mod sostanzjali.

Li ngħinu li dawk li għandhom ħtieġa, tibqa’ prijorità. Imma l-għajnuna li tingħata għandha tkun waħda li tkun sostenibbli. In-nefqa ta’ miljun euro kuljum fuq sussidji (probabbilment ferm iktar) definittivament mhux sostenibbli.

Il-futur niffaċċjawh b’serenità permezz ta’ viżjoni sostenibbli. Dan jaqbel u hu fl-interess ta’ kulħadd. Kemm fl-interess tal-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri. L-għażliet li għandna quddiemna mhumiex faċli. Hu biss jekk nagħrfu nidentifikaw il-prijoritajiet tagħna bil-għaqal li nistgħu nkunu f’posizzjoni li nħejju futur sostenibbli.

ippubblikat fuq Illum: 18 ta’ Settembru 2022

Tibdil tal-klima: miżuri li jeħtieġ li jkunu ġusti

Huwa essenzjali li nilħqu l-mira ta’ emissjonijiet żero tal-karbonju (carbon neutrality). Ilu żmien ovvju li ekonomija dipendenti fuq iż-żjut mhiex waħda sostenibbli. Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima, fis-summit ta’ Pariġi, fl-2015, kienet fasslet pjan dwar it-triq meħtieġa biex nintlaħqu miri li jħarsu l-klima. Jekk ma nimxux ma’ dan il-pjan, il-futur ifisser biss gwaj.

It-tibdil fil-klima diġa qiegħed magħna.  Madanakollu, l-impatti fuqna jistgħu jkunu ferm agħar minn dak li għaddej bħalissa: temperaturi estremi, nixfa’ kbira f’xi reġjuni u għargħar f’oħrajn. Id-diżastri qed iseħħu quddiem għajnejna kuljum. Il-qagħda għad trid teħżien bosta, qabel ma l-affarijiet (forsi) jaqilbu għall-aħjar.

It-temperatura medja fuq livell globali qed tiżdied. It-temperatura imkejla tvarja minn reġjun għall-ieħor. Fil-Mediterranean, studji riċenti qed jindikaw li qegħdin viċin li naqbżu żieda ta’ grad u nofs Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. L-impatti ta’ dan diġa qed inħossuhom.

Bħala stat gżira, Malta messa li hi fuq quddiem fid-dibattitu globali dwar it-tibdil fil-klima.  Sfortunatament, pajjiżna hu fost dawk il-pajjiżi li kontinwament ikaxkru saqajhom biex jevitaw jew inaqqsu l-azzjoni meħtieġa da parti tagħhom. Il-fatt li aħna żgħar ma jeżentaniex mir-responsabbiltà tagħna lejn il-futur.

Fost l-eżempji ta’ dan hemm ir-resistenza, tul is-snin, biex nagħtu importanza lill-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli flimkien mat-tkaxkir tas-saqajn għall-proċess tal-elettrifikazzjoni tat-trasport.  

Ilkoll niftakru l-insistenza tal-Gvernijiet Maltin mal-Kummissjoni Ewropeja biex il-miri ta’ Malta dwar l-enerġija rinovabbli ma jkunux l-20 fil-mija iffissati mill-Kummissjoni imma jinżlu għal 10 fil-mija tal-enerġija totali ġġenerata.  Bl-istess mod, minkejja li fl-2017 saret dikjarazzjoni politika mill-Gvern favur l-elettrifikazzjoni tat-trasport, wara 4 snin għadna bla pjan u miri ċari. Il-bidla issa ser ikollha isseħħ b’ritmu mgħaġġel u ftit li xejn jidher li bħala pajjiż aħna ippreparati għaliha.

L-Unjoni Ewropeja għadha kemm żvelat pjan bi proposti biex l-emissjonijiet serra jitnaqqsu b’55 fil-mija meta mqabbel ma dawk tal-1990. Dan għandu jseħħ sal-2030, u dan bħala mira intermedja fit-triq lejn emmissjonijiet żero tal-karbonju (carbon neutrality) sas-sena 2050.

Waħda mill-proposti li qed issir hi li l-enerġija minn sorsi rinovabbli ġġenerata fl-Unjoni Ewropeja tkun ta’ 40 fil-mija mill-enerġija kollha użata. Dan ikun ifisser li fi żmien 9 snin Malta jkun jeħtieġilha li timmultiplika b’erbgħa l-enerġija rinovabbli li niġġeneraw fil-pajjiż. Din ser tkun mira iebsa, iktar u iktar meta tieħu kont tal-fatt li tul is-snin il-pajjiż dejjem ipprova jiżloq mill-obbligi tiegħu f’dan il-qasam.

Proposta oħra tal-Unjoni Ewropeja hi li sal-2035 ma jidħlux iktar fis-suq karozzi li jaħdmu bid-dijsil u l-petrol. Din mira li ser ikun meħtieġ li nilħquha fi żmien 14-il sena. Lokalment din mhi ser issolvi xejn jekk ma tkunx imżewġa ma miżuri biex jonqsu l-karozzi mit-toroq.

Proposta oħra tal-Kummissjoni Ewropeja hi dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-fjuwil użat milll-vapuri kif ukoll dak użat fl-avjazzjoni. Din il-proposta bla dubju jkollha impatt mhux żgħir fuq il-gżejjer u l-istati periferali Ewropej. Hi proposta li hi motivata mill-fatt li l-Ewropa kontinentali hi moqdija iktar bil-ferrovija, ġeneralment effiċjenti u li hu meqjus li tħalli impatti ambjentali ferm inqas mill-ajruplani.

Bi proposta ta’ din ix-xorta it-turiżmu jintlaqat sewwa. Kemm tkun kbira d-daqqa jiddependi minn kemm tkun kbira taxxa ta’ din ix-xorta.  Malta, il-Greċja u Ċipru diġa qed jgħidu li ma jaqblux ma dan!

Kemm is-settur tal-avjazzjoni kif ukoll dak marittimu huma kontributuri sinifikanti ta’ emissjonijiet serra. Sal-lum dawn iż-żewġ setturi evitaw  li jkunu nklużi fil-miżuri biex inkun mħarsa mit-tibdil fil-klima minħabba lobbying qawwi. Il-proposti tal-Unjoni Ewropeja jekk jidħlu fis-seħħ jibdlu din is-sitwazzjioni, dejjem sakemm il-lobbying jinżamm taħt kontroll!

Uħud diġa iddeskrivew dawn il-proposti (u oħrajn) tal-Unjoni Ewropeja bħala suwiċidju politiku u dan minħabba li l-impatti konsiderevoli tagħhom jistgħu jkunu l-kawża ta’ nkwiet soċjali qalil. Li nilħqu l-mira ta’ emissjoni żero tal-karbonju hu essenzjali imma rridu nkunu konxji li l-impatti tal-miżuri meħtieġa inevitabilment ser iweġġgħu bosta bihom.  Id-diskussjoni meħtieġa trid tassigura li waqt li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa bla iktar dewmien, il-vulnerabbli, inkluż dawk bla mezzi jew b’mezzi limitati, għandhom ikunu mħarsa  milli jkunu huma li jħallsu għall-ispiża akkumulata minħabba nuqqas ta’ azzjoni għal snin kbar.

L-ikbar sfida ghal dan il-Patt Aħdar hi li l-bidla meħtieġa teħtieġ li tkun waħda li issir b’ġustizzja. It-trasformazzjoni ekoloġika teħtieġ li tkun soċjalment ġusta. Dan tagħmlu billi tpoġġi lin-nies mhux il-kapital jew il-profitti bħala l-konsiderazzjoni ċentrali tagħha. Il-bidla, iżda trid isseħħ illum qabel għada. Iktar ma ndumu nkaxkru saqajna, iktar ikun għoli l-prezz li jkollna nħallsu.

ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 18 ta’ Lulju 2021

Change must be fair

Achieving carbon neutrality is long overdue. It has long been obvious that an economy that is dependent on fossil fuel is not sustainable. The UNFCCC (United Nations Framework Convention for Climate Change) at its 2015 Paris summit finally agreed to plot the basic roadmap required. If we do not follow this roadmap, havoc is the name of the future.

Climate change is already here. However, its impacts can be much worse than what we are already experiencing: extremes of temperature, drought in some regions with floods in others. We see the disasters developing almost daily. It will get much worse before it can get any better.

The mean global temperature is rising. The measured increase varies between one region and another. In the Mediterranean, recent studies have indicated that here we are very close to surpassing a 1.5-degree Celsius rise over the pre-industrial age temperature. We can feel the impact already.

As an island state Malta should be at the forefront of the global climate change debate. Unfortunately, our country is among the laggards continuously seeking to avoid or minimise the action required at our end. Our size does not exempt us from our responsibilities towards the future.

Our slow take-up of renewable energy over the years and the institutional resistance to transport electrification are among the most obvious examples.

We do remember the insistence on the part of Maltese governments with the EU Commission that Malta renewable energy targets should be 10 per cent and not 20 per cent of the energy generated. Likewise, after a policy announcement in favour of transport electrification in 2017, four years down the line we are still without clear targets. The change will now have to be adopted at a quicker pace, and one which we are not yet prepared for.

The EU has unveiled a proposal intended to reduce greenhouse gas emissions by 55 per cent, compared to 1990 levels, by the year 2030, an intermediate target on the roadmap to carbon neutrality by 2050.

One of the measures proposed would require raising the share of the renewable energy generated to 40 per cent of the final energy consumption, meaning that Malta, within nine years, would be required to quadruple the renewable energy which it generates. This would be quite tough, in view of having repeatedly been successful in wriggling of our commitments over the years.

A de facto ban on petrol and diesel cars by 2035 would accelerate our path to electrification of transport. That is a target to be achieved within fourteen years. Locally, however, it will not solve much, if not coupled with a substantial decrease in private car usage.

The proposal to tax shipping and aviation fuel would undoubtedly have a considerable impact on islands and the peripheral states of Europe. It makes sense when applied to the European mainland which is more dependent on railways, a suitable alternative. In respect of islands and the peripheral states it will be certainly painful, even though it will, when applied, contribute to achieving emission reduction targets.

Tourism would be hit considerably by a tax on aviation fuel, dependent on the extent of the taxation rates applied.

The aviation and maritime sector are significant contributors of greenhouse gas emissions which have so far have avoided being addressed due to very effective lobbying over the years. The EU proposals would ensure that this will no longer be the state of affairs, dependent that is, on the taming of the lobbies!

Some have already described the proposals of the EU Commission as political suicide as their far-reaching impacts could trigger considerable social unrest. Achieving carbon neutrality is essential but the paths selected will be very painful, some more than others. In the ensuing discussion we have to ensure that while the essential decisions are taken without delay the poor and the most vulnerable are shielded from having to pay the accumulated cost of inaction over the years.

The biggest challenge we face is to ensure that the Green Deal is fair. The ecological transformation must be socially just and place people, not profits, as its central consideration. Change must however happen the soonest. The longer we postpone taking action the higher the price we will have to pay.

Published in The Malta Independent on Sunday : 18 July 2021

Il-bidla fil-klima hi magħna

climate-change

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet rappreżentanti ta’ iktar minn 170 pajjiż, Malta inkluża, inġabru fil-kwartieri ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York biex jiffirmaw il-ftehim dwar il-klima li intlaħaq fi tmiem is-sena ġewwa Pariġi. Dan il-ftehim għandu jfisser li hemm qbil li kull pajjiż ser jikkontribwixxi lejn soluzzjoni ta’ din il-problema.

Hemm qbil biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli t-temperatura globali ma togħliex iktar minn bejn 1.5oC  u 2oC fuq it-temperatura globali, kif din kienet fil-bidu tal-perjodu industrijali. Biex dan isir jeħtieġ li jonqsu l-emissjonijiet li qed joriġinaw mill-attivitajiet tal-bniedem u li qed jinġabru fl-atmosfera u jsaħħnu d-dinja. Ewlieni fost dawn il-gassijiet hemm id-diossidju tal-karbonju (CO2) li prinċipalment joriġina mill-ħruq ta’ żjut fossili li nużaw biex niġġeneraw l-elettriku kif ukoll mill-petrol u mid-diesel li jintużaw fil-karozzi u inġenji oħra.

Anke Malta ser tfittex li tnaqqas l-impatti tagħha fuq il-klima u dan billi jkollha politika sostenibbli dwar it-trasport, l-enerġija u l-agrikoltura, fost oħrajn. Irridu nindirizzaw l-impatti tal-klima fuq il-bijodiversità, fuq is-saħħa, fuq it-turiżmu, fuq l-ilma, fuq l-agrikoltura kif ukoll fuq l-infrastruttura marittima.

Kemm is-sena li għaddiet kif ukoll l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena kienu fost l-iktar sħan fl-istorja. It-temp qed jitħawwad. L-istaġuni qed jiġġebbdu u jinbidlu. L-istaġuni tax-xita inbidlu għal kollox b’mod li qed issir ħsara kbira lill-agrikultura kif ukoll lill-ħażna tal-ilma li hi tant essenzjali għal kull forma ta’ ħajja. It-temperatura li qed togħla qed iddewweb is-silġ fil-poli u fuq il-muntanji f’diversi partijiet tad-dinja bil-konsegwenza li l-livell tal-baħar qed jogħla u ser jogħla iktar jekk ma’ jittieħdux miżuri biex inrazznu l-għoli tat-temperatura.

Irridu innaqqsu l-impatti tagħna fuq il-klima bħala pajjiż: irridu innaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll il-ħela ta’ riżorsi bħall-ilma u l-elettriku. Jeħtieġilna ukoll li narmu inqas skart kif ukoll li nirriċiklaw iktar. Jekk nagħmlu iktar użu mit-trasport pubbliku ukoll nistgħu inkunu ta’ għajnuna kbira biex Malta tnaqqas il-kontribut tagħha għall-bidla fil-klima.

Irridu nifhmu li l-bidla fil-klima qed tħarbat il-ħajja ta’ kulħadd. Qed tipperikola r-riżorsi li s’issa tipprovdilna b’xejn in-natura. Dan ifisser li filwaqt li kulħadd jintlaqat, l-iktar li jintlaqtu huma l-fqar f’kull rokna tad-dinja. Għax it-tibdil fil-klima iżid il-faqar kullimkien. Dan diġa beda jseħħ.

Il-klima hi parti mill-ġid komuni, hi ta’ kulħadd u hi għal kulħadd. Hu għalhekk ukoll li għandna l-obbligu li kull wieħed minna jagħti sehmu biex l-impatti ta’ pajjiżna jonqsu. Il-ftit impatti tagħna huma importanti daqs il-ħafna impatti ta’ ħaddieħor. Mela niftħu ftit għajnejna għall-ħsara kbira li diġa saret u nagħtu sehemna biex din tonqos. Ma baqax żmien x’jintilef għax il-bidla fil-klima diġa qegħda magħna.

Din is-sena bħala riżultat tal-bidla fil-klima ftit li xejn kellna xita f’Malta. L-effett fuqna ser jinħass l-iktar fuq l-agrikultura u l-ħażniet tal-ilma. Pajjiżi oħra sofrew l-għargħar li kaxkar kull ma sab.

Dawn huma l-effetti li qed jidhru u li diġa huma magħna. Nagħmlu l-parti tagħna biex flimkien ma dak li jirnexxielhom jagħmlu pajjiżi oħra innaqqsu dawn l-impatti u b’hekk titjieb il-qagħda ta’ kulħadd. Għax il-klima hi ġid komuni tal-umanità kollha: hi ta’ kulħadd u hi għal kulħadd.