Terrimot fil-Partit Laburista

Jeremy Corbyn 2

 

Infqajt nidħaq nisma’ lil Aaron Farrugia, Chairman tal-Fondazzjoni Ideat tal-Partit Laburista ta’ Malta, jipprova jispjega waqt l-aħbarijiet fuq Super One (is-Sibt fil-għaxija) għaliex ġie elett Jeremy Corbyn bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Ingliż.

Semma kull raġuni possibli, minnbarra r-raġuni rejali: li Jeremy Corbyn ma jagħmilx kompromessi ma dak li jemmen fih. Kienet l-awtentiċità ta’ Corbyn il-kawża ewlenija tat-terrimot li l-effetti tiegħu għadhom jibdew. Corbyn kien l-unika wieħed mill-kandidati li kien soċjalista u ma jistħix jgħid li hu hekk. Naħseb li Aaron ħassu ħafna imbarazzat li jgħid li osserva dan, ħaga li probabbilment ilu ħafna jinnota ukoll fil-Headquarters tal-Ħamrun.

Fil-bidu tal-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż fil-Parlament, għall-ħabta ta’ nofs Lulju, il-Gvern Ingliż ressaq abbozz ta’ liġi biex inaqqas il-benefiċċji soċjali. Tlieta mill-kandidati għat-tmexxija Laburista, dakinnhar astjenew fil-votazzjoni. Kien Jeremy Corbyn l-uniku wieħed mill-erba’ kandidati li ivvota kontra dan l-abbozz ta’ liġi.

Rebħa bi kważi 60% tal-voti ma l-ewwel għadd m’hiex ċajta. Id-distakk bejn Jeremy Corbyn u Andy Burnham kienet ta’ tlett darbiet (Burnham ma qabiżx l-20%). L-oħrajn ġiebu inqas!

Il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż uriet li hemm distakk kbira bejn dak li jaħsbu l-membri tal-partit u dak li jaħsbu l-Membri Parlamentari tal-istess partit. Bħala riżultat tal-elezzjoni ta’ Jeremy Corbyn diversi membri ewlenin tal-grupp parlamentari ippreferew li jwarrbu jew ma jaċċettawx posizzjoni fis-Shadow Cabinet. Dan ingħata prominenza fil-gazzetti Ingliż matul il-jum tal-bieraħ. Fatt li jista’ joħloq diffikultajiet għal Corbyn mhux biss ta’ natura temporanja.

M’huwiex faċli tgħid kif ser jiżviluppaw l-affarijiet. L-ikbar ostaklu għal Corbyn m’huwiex il-Gvern konservattiv, iżda “sħabu” fil-grupp Parlamenti.

Fil-ġimgħat li ġejjin hemm ippjanati sfidi kbar. Fosthom liġi li tikontrolla lit-Trade Unions u li tfittex ukoll li tnaqqas sostanzjalment il-finanzjament tal-Partit Laburista Ingliż mill-istess Trade Unions. Hi imminenti ukoll deċiżjoni mill-House of Commons dwar l-armamenti nuklejari Inġliżi.

Ser ikunu ġimgħat li fihom nosservaw kemm hu possibli li f’partit politku jikkoeżistu veduti radikalment differenti fuq ħafna affarijiet : fuq l-Unjoni Ewropeja, fuq in-NATO, fuq l-armamenti nuklejari, fuq l-awsterita, fuq l-użu tal-forza militari bħala għodda għall-politika barranija ……………. Kollha materji li dwarhom ftit kien hemm x’tagħżel fil-passat riċenti bejn in-New Labour u l-Konservattivi.

Minn tmiem il-ġimgħa in-New Labour fir-Renju Unit spiċċa. Dawk li sa ftit ġranet ilu kienu meqjusa bħala r-ribelli issa qegħdin fit-tmexxija, u dawk li kienu qed jinsistu fuq il-lealtà lejn it-tmexxija issa qegħdin minn taħt. Id-demokratizzazzjoni tal-partit ser tkun iċ-ċavetta biex il-Partit Laburista Ingliż ma jibqax jistħi jgħid li hu soċjalista. Kollox jiddependi minn kemm l-entużjażmu li nisslet il-kandidatura ta’ Corbyn jibqa’ ħaj fl-egħruq tal-partit. Jekk dan jibqa’, Corbyn ikompli biex jittrasforma l-Partit Laburista Ingliż in konformità mat-twemmin tiegħu. Jekk le, il-partit jerġa’ lura biex ikun kopja tal-konservattivi.

 

L-ambjent tagħna, is-saħħa tagħna

Ftit riflessjonijiet tiegħi wara s-seminar tal-Fondazzjoni Ideat li fih ħadt sehem nhar is-Sibt f’isem Alternattiva Demokratika.

L-ewwel nett jiena diżappuntat bin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-PN. Kienet opportunita unika ta’ diskussjoni mhux biss bejn rapprezentanti tat-tlett partiti politiċi iżda ukoll ma esperti u attivisti ambjentali. Dan ipoġġi f’perspettiva reali l-eżerċizzju li qiegħed jikkordina d-delegat speċjali ta’ Lawrence Gonzi. Simon Busuttil qiegħed jitħabat biex jorganizza l-laqgħat mas-soċjeta’ ċivili, imbagħad meta jiġu l-inviti għal diskussjoni jiġu injorati. Prova oħra tas-superfiċjalita’ tal-politika ta’ Lawrence Gonzi. Li iżjed milli jisma’ l-karba tal-miġugħ huwa interessat f’pontijiet elettorali. Mhuwiex interessat kif ser jissolvew il-problemi (li ma ħoloqhomx kollha hu!) imma hu interessat biss fil-voti.

Issa niġi għas-sustanza.

L-ilma huwa element mill-iktar essenzjali aħna u nħarsu lejn l-interazzjoni bejn l-ambjent u s-saħħa. Huwa neċessarju li nifhmu l-ħtieġa illi nieħdu ħsieb iktar tal-ilma bħala riżors essenzjali għall-ħajja. Għal kull ħajja. Mhux biss għal ħajja umana iżda ukoll biex tisseddaq l-ekosistema li minna l-bniedem jifforma biss parti żgħira. L-ilma tal-pjan hu fi stat disastruż u għaldaqstant huwa iktar essenzjali li noqgħodu attenti bl-esperimenti li jsiru minn żmien għal żmien. Il-proġett pilota li tħabbar reċentement biex isir artifical aquifer recharge bl-użu ta’ ilma riċiklat mid-drenaġġ huwa wieħed riskjuż. Hemm ħtieġa ta’ attenzjoni kbira f’dawn it-tip ta’ esperimenti li ma nispiċċawx nagħmlu iktar ħsara milli ġid.

L-impatti ambjentali ma jiddependux biss minn dak li nagħmlu aħna f’ Malta. Jiddependi ukoll minn dak li jagħmel ħaddieħor. Per eżempju it-42 vapur mgħobbi bi skart tossiku u nukleari li l-Mafja Taljan għerrqet fil-Mediterran għandhom ikunu  ta’ tħassib għalina. L-ilma tagħna 60% ġej mill-baħar. Il-ħut ma josservax fruntieri u t-tniġġiż fil-baħar għaldaqstant għandu impatt ħafna ikbar milli naħsbu.

Waqt id-diskussjoni issemmew ħafna aspetti ambjentali li huma ta’ preokkupazzjoni.

Naħseb li l-iktar materja inkwetanti hi n-nuqqas ta’ kredibilita’ tal-istituzzjonijiet. Waħda wara l-oħra dawn l-istituzzjonijiet huma kompromessi għax m’għandhomx is-snien li jippermettulhom jaġixxu. Dan in-nuqqas joħroġ mill-fatt li l-Gvern jappunta l-membri waħdu. Mhux biss mingħajr ma jqis x’taħseb is-soċjeta ċivili dwarhom imma fuq kollox prinċipalment a bażi tal-lealta’ politika tagħhom.

Għal dan l-iskop Alternattiva Demokratika ilha żmien tinsisti illi huwa meħtieg li l-ħatra ta’ membri tal-Bord tal-Awtoritajiet tkun soġġetta għal public hearing fil-Parliament. Dan il-proċess jassigura li min ikun ser jinħatar ikollu l-opportunita li jispjega x’inhuma l-kompetenzi tiegħu/tagħha kif ukoll iwieġeb għal mistoqsijiet dwar kif l-imġieba pubblika tiegħu tista’ teffettwa l-ħidma tiegħu/tagħha fil-ħatra maħsuba.

Din hi proposta ta’ Alternattiva Demokratika fil-Programm Elettorali tal-2008 li l-Partit Laburista fl-Opposizzjoni uża fil-Parlament huwa u jikkritika ir-riforma tal-MEPA. Għamel tajjeb, biex ma ninftiehemx ħazin.

Huwa importanti li l-Parlament jieħu lura mingħand il-Gvern il-poter tal-ħatra tal-awtoritajiet kif ukoll huwa neċessarju li l-Parlament ikun kapaċi jissorvelja hu l-ħidma ta’ dawn l-awtoritajiet. B’hekk ikun assigurat iktar koordinazzjoni effettiva kif ukoll iktar kontabilita’.

Dawn xi jkunu ?

Dalgħodu  kont mistieden seminar organizzat mill-Fondazzjoni Ideat. Fondazzjoni tal-Partit Laburista. Ġejt mistieden f’isem Alternattiva Demokratika biex nieħu sehem f’diskussjoni dwar l-Ambjent u s-Saħħa.

L-idea tal-Fondazzjoni Ideat kienet li jkun hemm diskussjoni bejn ir-rappreżentanti tat-tlett Partit: Labour, Nazzjonalisti u Alternattiva.

In-Nazzjonalisti ma ġewx! Imma jekk tiċċekkja dak li ġie imxandar minn Super One fl-aħbarijiet tas-7.30pm illum ma nagħti tort lil ħadd li jaħseb li l-anqas jien ma kont hemm.  Qiesu nidher ftit fil-filmat iżda imbagħad jidher li sar sforz biex la issir referenza għalija u l-anqas għal dak li għidt!

Meta nara dawn l-affarijiet ma nafx jekk tal-Labour ikunux qed jiċċajtaw meta jgħidu li inbidlu!