Nhar it-Tnejn il-Parlament beda d-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tad-dimanju pubbliku u b’mod partikolari dwar rapport li ħejjiet l-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-siti nominati. Ir-rapport jirreferi għal 24 sit nominati prinċipalment mill-għaqdiet ambjentali: 16-il sit kienu nominati minn Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), seba’ siti minn Friends of the Earth u sit wieħed mill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera.
Id-diskussjoni għadha fl-istadji inizzjali u s’issa kienet limitata għal spjegazzjoni tal-liġi li l-Parlament approva lejn nofs l-2016.
Moħbi mill-attenzjoni pubblika hemm il-ħtieġa urġenti li tkun implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu. Din id-Direttiva kellha tkun addottata sa tmiem l-2014. Permezz tal-Avviż Legali 341 tal-2016 Malta nnominat lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala l-awtorità kompetenti li ser tieħu ħsieb dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar tal-ispazju marittimu fil-gżejjer Maltin.
Wara li staqsejt inġibdet l-atttenzjoni tiegħi li l-Pjan dwar l-Ispazju Marittimu għal Malta diġà jifforma parti mill-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (Strategic Plan for the Environment and Development – SPED). Ngħid il-verità ma kontx irrealizzajt dan. Ħsibt li kien hemm xi paġni f’dak id-dokument li kienu qabżuli u allura mort infittex mill-ġdid u sibt sezzjoni intitolata Coastal Zone and Marine Area u taħtha tlett oġġettivi għall ħarsien tal-kosta. Dawn l-oġġettivi jistgħu, u nittama li jkunu, sviluppati fi strateġija dettaljata dwar l-Ispazju Marittimu Malti.
Waqt li Malta jidher li llimitat ruħha għal tlett oġġettivi xotti, pajjiżi oħra għamlu ħidma kbira biex jippreparaw il-pjani tagħhom dwar l-Ispazju Marittimu. L-Irlanda, per eżempju, ippubblikat dokument ta’ 88 paġna intitolat Harnessing our Ocean Wealth. An Integrated Marine Plan for Ireland. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit ippubblika dokument ta’ 55 paġna intitolat UK Marine Policy Statement.
Dawn iż-żewġ dokumenti jidħlu fid-dettall dwar l-Ippjanar għall-Ispazju Marittimu meħtieġ fl-Irlanda u r-Renju Unit. Bla dubju dawn id-dokumenti jeħtieġ li jkunu supplimentati bi pjani ħafna iktar dettaljati. Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja fil-fatt tistabilixxi s-sena 2021 bħala d-data sa meta għandhom ikunu ffinalizzati l-Pjani għall-Ispazju Marittimu.
Malta hi gżira mdawra bil-baħar Mediterran. Fatt li għandu jkun rifless f’politika marittima serja u aġġornata. Sfortunatament dan mhux il-kaz għax jidher li għalina f’Malta it-tlett oġġettivi dwar il-kosta fil-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) huma biżżejjed.
Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu bla dubju hi intenzjonata biex iċċaqlaqna ħalli nimlew it-toqob fil-politika tagħna. L-ekonomija l-blu, jiġifieri l-ħidma ekonomika li tiddependi fuq l-użu tar-riżorsi marittimi, teħtieġ attenzjoni ħafna iktar dettaljata.
Il-Gvernijiet Maltin, wieħed wara l-ieħor, għamlu ħerba fuq l-art u ħsara bla qies fiż-żoni naturali. F’xi kazi l-ħsara li saret ftit tista’ tiġi rimedjata. L-ilma tal-pjan hu l-eżempju ewlieni.
L-ippjanar b’attenzjoni tal-Ispazju Marittimu jista’ jkun ta’ għajnuna biex din l-imġieba żbaljata tal-Gvernijiet ma tkunx esportata lil hinn mill-kosta ħalli wara li ħarbatna l-art ma nħarbtux il-baħar ukoll.
Snin ilu kien pass għaqli li kienet indirizzata l-kwalità tal-ilma baħar bl-introduzzjoni tal-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ. Għad baqa’ xi jsir biex l-ilma msoffi, flok jintrema, jibda jintuża. Kontinwament għadna niffaċċjaw it-tniġġiż mill-gaġeġ tal-ħut li għandna fl-ibħra u li qed ikollhom impatti kemm fuq iż-żoni residenzjali kif ukoll fuq il-faċilitajiet turistiċi. Imbagħad hemm ukoll is-sajd, it-tibdil fil-klima, l-bijodiversita, is-sigurtà marittima, il-fdalijiet arkeologiċi fil-baħar kif ukoll il-ħmar il-lejl li nassoċjaw mar-riklamazzjoni tal-baħar. Pjan għall-Ispazji marittimi fil-gżejjer Maltin irid jindirizza dawn l-oqsma u bosta oħra b’mod integrat.
Il-gżejjer Maltin fihom 316 kilometru kwadrat. L-ibħra Maltin sa 25 mil nawtiku mill-kosta fihom medda ferm ikbar b’kejl ta’ 11,480 kilometru kwadrat filwaqt li l-blata kontinentali taħt il-ġurisdizzjoni Maltija fiha 75,779 kilometru kwadrat.
Din hi l-isfida li għandna quddiemna biex inħarsu l-ibħra tagħna.
ippubblikat fuq Illum – 24 ta’ Diċembru 2017