Malta, il-Lussimburgu u l-evażjoni tat-taxxa

Juncker + Muscat

Matul il-ġranet li għaddew segwejna l-informazzjoni żvelata dwar il-Lussimburgu. Kif l-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiż, fiż-żmien li Jean Claude Juncker kien Prim Ministru innegozjaw ma numru ta’ kumpaniji kbar status fiskali li permezz tiegħu setgħu “jiffrankaw” biljuni kbar f’taxxi.

Din li jiffrankaw fil-fatt ma hi xejn għajr evazjoni legalizzata tat-taxxa. Biex ma jħallsux taxxa f’pajjiż jagħmlu użu mil-liġijiet ta’ pajjiż ieħor. Għal min hu fil-business dan hu aċċettabbli. Fil-fatt meta kien ippressat mill-istampa Jean Claude Juncker qal li dak li ġara kien legali imma jifhem li mhux aċċettabbli etikament.

Għax il-politika m’għandiex x’taqsam biss mal-liġi. Dak li hu legali mhux dejjem huwa aċċettabbli. Fil-prattika, l-Lussimburgu taħt it-tmexxija ta’ Juncker għamlitha possibli lil numru ta’ multinazzjonali jħallsu ħafna inqas f’taxxi.  Dan hu etikament ħażin. Għax ċaħħdet lill-pajjiżi fejn joperaw dawn il-kumpaniji minn taxxi li kienu meħtieġa għal programmi soċjali f’dawk il-pajjiżi.

L-argumenti politiċi li jinġiebu s’issa huma dawk dwar il-kompetizzjoni fiskali. Jiġifieri li ġaladarba t-tassazzjoni hi kompetenza tal-istati membri fl-Unjoni Ewropeja, x’rati ta’ taxxa jitħallsu u minn min hu determinabbli biss individwalment mill-istati membri tal-Unjoni Ewropeja.

Imma issa hemm min qed jargumenta li meta pajjiż jagħti status fiskali privileġġjat lil dawn il-kumpaniji biex jiġbdhom lejn il-pajjiż, idaħħal ftit taxxi minn fuqhom kif ukoll joħloq numru ta’ impiegi konnessi mar-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tal-kumpaniji, dan kollu hu għajnuna mill-istat (state aid) liema għajnuna mhiex aċċettabbli.

Għalhekk fetħet investigazzjoni dwar il-Lussimburgu li qed titmexxa mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, id-Daniża Margrethe Vestager.

Hu inevitabbli li dan kollu f’xi stadju ser iħalli impatt fuq is-settur finanzjarju f’Malta. Huwa magħruf li bosta xogħol f’dan il-qasam ġie f’Malta minħabba pakkett ta’ inċentivi li jinkludi rati ta’ taxxa favorevoli ħafna. Fi ftit kliem dawn il-kumpaniji ġew hawn għax jaqblilhom. Jaqblilhom għax iħallsu ftit taxxi ħdejn li jkollhom iħallsu f’pajjiżi oħra. Bħala riżultat ta’ dan qed jagħtu kontribut lill-ekonomija tal-pajjiż kif ukoll qed jiġġeneraw numru mhux żgħir ta’ impiegi.

Il-problema hi li dan kollu huwa ibbażat fuq l-evażjoni tat-taxxa f’pajjiżi  oħra. Hi problema li rridu niffaċċjaw fix-xhur li ġejjin meta l-Kummissjoni Ewropeja tiddeċiedi jekk tiftaħx investigazzjoni dwar Malta kif ukoll dwar pajjiżi oħra fosthom l-Irlanda u dan wara li tiżviluppa ftit ieħor l-investigazzjoni dwar il-Lussimburgu.

Tajjeb li l-istat Malti jiġġieled f’Malta kontra l-evażjoni tat-taxxa. Imma imbagħad hi ipokrezija politika li Malta tfittex li tibbenefika mill-evażjoni tat-taxxa f’pajjiżi oħra.  Jew aħna kontra l-evażjoni jew m’aħniex!  Ma nistgħux inkunu kredibbli bħala pajjiż jekk nibqgħu niżviluppaw l-ekonomija tagħna fuq l-evażjoni tat-taxxi f’pajjiżi oħra.  L-ekonomija u l-etika għandhom jimxu id f’id.

Advertisements

Id-diżonesta fiskali tal-Partit Laburista fil-Gvern

carrots

Fit-Times ta’ dal-għodu u fil-gazzetti l-oħra fi ġranet oħra hemm kumment dwar dak li ġej fil-budget li jmiss.

Waqt il-Kampanja Elettorali ta’ Marzu li għaddiet il-Labour Party ta’ Malta wiegħed li ser iwettaq dak li kien diga wiegħed il-PN fil-budget li ma kienx approvat u ċjoe li l-Income Tax tonqos.  Il-PN ukoll kien qiegħed iwiegħed li jwettaq dik il-wegħda.

Alternattiva Demokratika kienet iddikjarat dakinnhar li dan kollu kien falz. Kienu wegħdiet diżonesti tal-Partit Laburista u tal-PN għax jekk id-dħul tal-Gvern kien ser jonqos minħabba t-tnaqqis mit-taxxa tad-dħul il-Gvern ried ta’ bil-fors jikkumpensa b’xi mod ieħor:  jew billi jintroduċi taxxi ġodda inkella billi jnaqqas l-infieq. U billi l-infieq ma kienx jidher li ser jonqos bil-fors kellhom jiżdiedu t-taxxi.

Il-Partit Laburista dejjem wieġeb li ma kellux il-ħsieb li jżid it-taxxi għax l-ekonomija kienet ser tikber, qaluna. U jekk tikber l-ekonomija jiżdied id-dħul tal-Gvern, biżżejjed biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis tal-Income Tax.

Għal darba oħra issa Alternattiva Demokratika qed tingħata raġun.

Fil-budget li ser jipproponi l-Ministru Edward Scicluna f’Novembru li ġej ser jiżdiedu t-taxxi indiretti b’€50 miljun. Dawk it-taxxi jiġifieri li ma jiddependux fuq id-dħul tal-individwu. Mela l-partit politiku li jippretendi li hu progressiv naqqas taxxa progressiva li permezz tagħha jħallas iktar min jiflaħ l-iktar u minflok ser jagħtina taxxi li jħallashom kulħadd. Kemm min jiflaħ kif ukoll min ma jiflaħx.

Il-Partit Laburista Malti kien diżonest meta wiegħed li jnaqqas it-taxxa tad-dħul.

Nistennew u naraw x’inhu ġej.