Il-konkos f’Mater Dei: min kellu idu fil-borma?

 pouring of concrete

Fil-konferenza stampa ta’ Konrad Mizzi u Chris Fearne intqal li l-konkos dgħajjef f’Mater Dei twassal fuq is-sit fl-ewwel sitt xhur tal-1996.

Lawrence Gonzi, dal-għodu qalilna li l-ftehim [dwar il-waiver] bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u Skanska qatt ma tela’ l-Kabinett għall-approvazzjoni. Dan minnu innifsu jnissel ħafna iktar mistoqsijiet dwar x’ġara fil-fatt u dwar min realment kellu idu fil-borma.

Imma l-gazzetti jidher li m’humiex jagħtu piż biżżejjed lil biċċa informazzjoni oħra li sirna nafu biha f’Settembru li għadda. Dakinnhar meta ħarġet l-aħbar li l-konkos kien dgħajjef u l-bini għaldaqstant ma jiflaħx piż addizzjonali, Tonio Fenech kien qal li xejn ma kien sorpriż. Kien żied jgħid li kien għalhekk li Skanska kienu irrifjutaw li jżidu l-għoli tal-bini.

Dan kollu jfisser li hemm min ilu ħafna jaf li l-kwalità tal-konkos użata f’Mater Dei kienet inferjuri minn dak ippjanat. Probabbilment ħafna qabel ma ġie iffirmat il-ftehim li skandalizza lil kulħadd.

Il-mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba huma bosta. Liema kienu l-idejn iħawwdu fil-borma tal-konkos ta’ Mater Dei? Kemm kienet ilha magħrufa din l-informazzjoni? X’kienu d-deċiżjonijiet dakinnhar li kienet magħrufa din l-informazzjoni?

Qabel ma jkun hemm tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet ser ikun diffiċli ħafna li nifhmu kemm x’ġara kif ukoll min hu responsabbli.

 

Advertisements

Skanska u Tonio Fenech dwar il-konkos f’Mater Dei

Mater Dei.under construction

Fi stqarrijiet diversi li saru mill-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne konna infurmati bid-dettalji dwar li l-konkos użat f’Mater Dei ġol-blokk  li fih it-taqsima tal-Emergenza. Ġejna infurmati li l-konkos hu dgħajjef b’mod li ma jiflaħx illi jerfa’ l-piz ta’ iktar kostruzzjoni.

Bħala riżultat ta’ din l-informazzjoni kellna lil min stagħġeb, kif ukoll kellna lil min ma stagħġibx.  Dan tal-aħħar, l-ex-Ministru Tonio Fenech kien ikkwotat li qal li ma kienx sorpriż b’din l-aħbar.

It-Times ta’ Malta fil-fatt tikkwota lil Tonio Fenech hekk: “The structures were never designed to carry such loads and Skanska had refused to build beyond two additional floors for safety reasons”.

Ikun interessanti ħafna kieku Tonio Fenech jispjega “ftit” iktar x’irid jgħid b’dan il-kumment.

Għax jekk Skanska irrifjutaw li jibnu iktar minn żewġ sulari għal raġinijiet ta’ sigurta’ probabbilment li f’xi żmien kienu mitluba jew ġew  ippressati dwar dan u Skanska kellhom jiġġustifikaw il-għala kienu qed jirrifjutaw. Nifhem li Skanska jkunu ippreżentaw raġunijiet dettaljati għalfejn kienu qed jinsistu li ma setgħux jibnu iktar fuq il-blokk tal-Emerġenza. Possibilment li dan huwa wkoll dokumentat b’xi mod f’xi rapport jew xi minuti ta’ xi laqgħa.

Il-kumment ta’ Tonio Fenech hu ċar ħafna. Jgħid li (skond Skanska) l-bini qatt ma kien iddiżinjat biex jiflaħ iktar minn żewġ sulari u li allura jekk dan jitgħabba b’iktar milli hu ddiżinjat biex jerfa’ jkun hemm problemi ta’ “safety”.

Dan ifisser li probabbilment  x’imkien hemm xi dokument li jispjega l-posizzjoni ta’ Skanska liema dokument, meta jinstab x’aktarx li jwieġeb il-parti l-kbira tal-mistoqsijiet li għandu quddiemu l-Imħallef (irtirat) Philip Sciberras.

Issa jekk il-posizzjoni hi kif qed jgħid Tonio Fenech għaliex donnu ħadd ma kien jaf biha? Xi ħadd donnu li m’għamilx il-homework sewwa qabel ma fesfes f’widnejn Konrad Mizzi u Chris Fearne. Ikun interessanti ħafna kif dan il-punt bażiku li qed jagħmel Tonio Fenech ser jiġi indirizzat mill-inkjesta immexxija mill- Imħallef (irtirat) Philip Sciberras.

L-aħħar ħaga: għadni ma fhimtx kif il-ġurnaliżmu investigattiv kollu li għandna madwarna, minn dan kollu jidher li ma xammew xejn. Dak li qal Tonio Fenech, jekk veru, għandu jpoġġi l-argumenti kollha dwar l-inkjesta rashom l-isfel!

Bejn Franco Mercieca u Chris Fearne

doctor

Illum huwa ċar għal kulħadd li l-oftalmologu Għawdxi Dr Franco Mercieca għamel għażla ċara. Bejn il-professjoni u servizz fil-Kabinett għażel li jmur lura għall-prattika professjonali tiegħu. Kif wara kollox kellu kull dritt li jagħmel, sakemm ma kienx hemm min għal xi żmien ħajru li seta jagħmilhom it-tnejn (jiġifieri l-prattika tal-oftalmoloġija u servizz fil-Kabinett).

Wara sena ta’ battibekki u taparsi eżenzjonijiet is-sens komun jidher li rebaħ.

Jiena u nikteb dan il-blogpost it-Times online irreferiet għall-kirurgu tal-pedjatrija Dr Chris Fearne li għadu kif inħatar Segretarju Parlamentari għas-Saħħa. Ġie kjarifikat li Dr Chris Fearne mhux ser jibqa’ jipprattika, l-anqas fl-isptar bla ħlas, ħlief għal 4 każijiet akuti ta’ pazjenti li kien qed jieħu ħsiebhom meta ħa l-ħatra.

Deċiżjoni tajba li tfisser illi d-dibattitu pubbliku dwar Dr Franco Mercieca ma sarx għal xejn. Tnaqqas il-potenzjal għall-konflitt ta’ interess. Ir-raġuni dejjem tirbaħ!

Prosit.