L-IVF mhux kapriċċ: (3) Mill-friża għall-adozzjoni

Tkellimna fuq l-iffriżar.

Alternattiva Demokratika qed tgħid li min għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma jaqbilx mal-iffriżar għandu jkollu d-dritt li juża l-IVF mingħajr iffriżar (opt-out etiku). Għandu jagħti struzzjonijiet lil konsulenti f’dan is-sens. Ovvjament il-konsulenti ser ikollhom diffikultá għax mhux trattament faċli.

Min jaċċetta l-iffriżar għandu ftit inqas diffikultajiet imma għandu ukoll responsabbiltá dwar x’ser jagħmel bl-embrijuni li eventwalment jiffurmaw. Li dawn jintużaw mill-koppja stess li tkun ipproduċiethom hi l-iktar soluzzjoni faċli. F’każ li jiġri hekk ma naħsibx li jkun hemm xi diffikultá. Anzi naħseb li tkun is-soluzzjoni idejali.

Il-problemi jibdew f’każ li l-embrijuni li qed jiffurmaw u li qegħdin fil-friża għal xi raġuni (tkun xi tkun) ma jintużawx. Il-Gvern fl-abbozz ta’ liġi qed jgħid li wara ħames snin dawn ikunu jistgħu jingħataw għall adozzjoni.

Il-proposta dwar l-adozzjoni tal-embrijuni mhiex proposta originali. Kienet saret f’rapport ta’ kumitat parlamentari li kien tmexxa mill-ħabib tiegħi t-Tabib Jean-Pierre Farrugia li kien mexxa kumitat parlamentari magħżul (Select Committee) dwar l-IVF fl-2010. Il-Membri Parlamentari l-ohra fil-kumitat kienu t-tobba Michael Farrugia (illum Ministru) u Frans Agius (MP minn Haż-Zabbar)

Din hi proposta li hi tajba fuq il-karta imma fil-prattika ftit tista’ taħdem għax min irid jaddotta m’hux qed jistenna l-IVF. Min imur għall-IVF jagħmel dan għax ikun jixtieq li l-wild ikun ġenetikament parti minnu. Naħseb li hi preferibbli addozzjoni normali milli addozzjoni mill-freezer tal-IVF għax tkun inqas problematika. Allura jkun iktar għaqli li l-koppji li jagħmlu użu mill-IVF jerfgħu huma stess ir-responsabbiltá sħiħa għall-embrijuni li qed jiffurmaw u li jitqegħdu fil-freezer. Dan minnu innifsu jnaqqas il-problema ta’ kumulu ta’ embrijuni li qed jiffurmaw fil-freezer.

Dan ovvjament ma jsolvix kull problema għax dejjem ser jibqa’ każi li dwarhom ma jkunx hemm qbil. Hu meħtieġ diskussjoni iktar fit-tul dwar x’jiġri mill-embrijuni qed jiffurmaw u li jitħallew fil-freezer.

Il-Gvern qed jgħaġġel iżżejjed. Hemm bżonn jieqaf ftit iktar u jisma’. L-abbozz jista’ jtejbu.

 

ikompli : (4) Surrogacy: sostituzzjoni tal-omm naturali

Simon ma jiftakarx

busuttil_with_gonzi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum tkellem dwar id-diversi ħatriet ta’ Membri Parlamentari mill-Gvern tal-Labour. Qalilna li dawn il-ħatriet huma ipokrezija politika.

It-Times online illum tirrapporta hekk :

“ This government, Dr Busuttil said, had  an element of immorality in how it behaved, buying people’s silence at taxpayers’ expense.”

Taf x’ma qalx Simon?  Li Joseph tgħallem sewwa minn dak li ipprova jagħmel Lawrence Gonzi. Forsi Simon ma jiftakarx, għax ma kienx Malta, meta inħolqot il-kariga ta’ Assistent Parlamentari u fiha Gonzi ħatar il-backbenchers kollha (inkluż lil Franco Debono) . Wara Dr Gonzi kien għadda biex ħatar lil dawk li kien baqa’ mill-backbench f’ħatriet oħra : JPO (Kunsill tax-Xjenza u Teknoloġija), Ċensu Galea (Chairman tal-BICC). Dawn il-ħatriet minn Dr Gonzi kienu saru specifikament biex jagħlaq ħalq il-backbenchers. Dejjem s’intendi bil-kaxxa ta’ Malta tħallas.

Kien hemm wieħed biss li irrifjuta l-ħatra t-Tabib Jean-Pierre Farrugia.

Imma fejn irid Simon ma jiftakarx.

Lenti fuq ir-rewwixta : 1) Il-karrotti

Ir-rewwixta li għaddejja bħalissa fil-Parlament fil-fehma tiegħi taf il-bidu tagħha  lir-rwol sekondarju li għandu l-backbench fuq in-naħa tal-Gvern.

Kellna diversi membri parlamentari li kienu kritiċi tal-Gvern tul din il-leġislatura, b’kull wieħed minnhom iżid id-doża. Jesmond Mugliette, Jean Pierre Farrugia, Robert Arrigo, Jeffrey Pullicino Orlando u dan l-aħħar xhur Franco Debono. Ftit li xejn kien hemm komuni bejniethom. Ilkoll ġejjin minn distretti differenti. Kuntrarjament għal li jiġri fil-Parlament ta’ diversi pajjiżi Ewropej jidher li ma kien hemm l-ebda koordinazzjoni bejniethom. Kulħadd ħadem għal rasu. Li ħadmu flimkien ir-riżultati kienu jkunu differenti u iżjed posittivi.

L-ewwel riflessjoni hi dwar ir-rwol tal-backbench.  Tradizzjonalment dan kien meqjus bħala il-qaddej fidil tal-front bench, iħejji ruħu sa ma jingħoġob biżżejjed biex jieħu promozzjoni ħalli jkun jista’ jservi lit-tmexxija.

Il-ħolqien tal-grad ta’ Assistent Parlamentari, l-ekwivalenti tal-Parliamentary Private Secretary fil-House of Commons, jiena nqiesu f’din id-direzzjoni.  Karrotta u sarima fl-istess ħin tant li kien hemm min ma aċċettax il-ħatra ta’ Assistent Parlamentari.

Karrotti oħra li tqassmu kienu postijiet eżekuttivi bħalma huma c-Chairmanship ta’ Kunsill tax-Xjenza u t-Teknoloġija u c-Chairmanship tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini.

Dan kollu huwa aljenazzjoni mill-funzjoni vera tal-membri parlamentari li hi li jissorveljaw il-ħidma tal-Gvern billi kontinwament jitolbuh jagħti kont ta’ egħmilu.

Dak li għamlu Mugliette, Farrugia, Arrigo, Pullicino Orlando u Debono. Setgħu għamluh aħjar, imma jekk iħarsu lejn il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom ftit li xejn isibu x’jispirhom.

Ir-rewwixta qegħdet il-pedament għal backbench attiv li jirrifjuta li joqgħod kwiet, bil-karrotti jew mingħajrhom.

(darba oħra : 2. Il-lealta’)

Ħawwadni ħa nifhem

 

Iktar ma nisma’ lil Franco Debono jitkellem huwa dejjem iktar ċar li filwaqt li għandu raġun fuq diversi affarijiet għażel  l-għodda żbaljata.

Huwa fl-opinjoni tiegħi żbaljat li jagħżel li jwaqqa’ Gvern minħabba li ma jaqbilx mar-reshuffle li għamel Lawrence Gonzi. Mhux Franco biss għandu l-fehma li hemm Ministri li mhux posthom fil-Kabinett. U din la hi l-ewwel darba li ġrat u naħseb l-anqas l-aħħar darba.

L-għodda addattata għal dan hu l-kritika tal-ħidma żbaljata ta’ uħud mill-Ministri. Imma mbagħad il-kritika trid tkun waħda konsistenti. Ma jagħmilx sens Franco li tikkritika l-ħidma ta’ Austin Gatt imbagħad tastjeni fuq mozzjoni ta’ sfiduċja dwaru. Li dakinnhar ivvutajt biex ikun sfiduċjat Austin Gatt kont tkun korrett u l-azzjoni tiegħek kienet tkun waħda proporzjonata.

Dwar il-€500 fil-ġimgħa inti ukoll korrett. Imma anke hawn għażilt li timxi b’mod żbaljat. Meta l-kollega tiegħek Jean Pierre Farrugia kien kritiku tad-deċiżjoni tal-Kabinett kien waħdu fil-kritika kostruttiva li għamel. Li tkun kritiku ta’ din il-miżura sena wara naħseb li hu opportunistku

Austin taħt il-lenti (4)

 

(4)  Wara l-vot fil-Parlament

Wara diskussjoni maratona ta’ ħdax-il siegħa il-bieraħ fil-Parlament tajjeb li nirriflettu ftit fuq dak li ġara.

Il-kritika fil-beraħ bejn membri tal-istess partit hi leċta? Li hu żgur hu li hi rari f’dan il-pajjiż u għaldaqstant min jagħmilha ħafna drabi jħarsu lejħ bl-ikrah.

Il-kritika kostruttiva fil-Parlament hi nieqsa. Hemm bżonnha iktar spiss. Sfortunatament hi interpretata bħala sinjal ta’ djgħufija. Fir-realta’ jekk issir sew u mod regolari issaħħaħ lil min jagħmilha. Issaħħah ukoll lil dawk li lejhom tkun indirizzata għax għandha l-potenzjal li ssaffi l-istitutzzjonijiet.

Il-kontribut li taw fil-Parlament matul din il-leġislatura Membri Parlamentari bħal Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando, Jean Pierre Farrugia u Jesmond Mugliette hu imprezabbli li kieku l-Partit Nazzjonalista kapaċi jitgħallem minn din l-esperjenza. Imma sfortunatament m’huwiex kapaċi jitgħallem u dan kif jixhdu d-deċizjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN kemm dwar id-divorzju kif ukoll iktar kmieni din il-ġimgħa dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Austin Gatt.

Il-Parlament, sfortunatament rari ħafna jgħarbel bis-serjeta’ l-ħidma tal-Gvern. Per konsegwenza l-kontabilita’ tal-Gvern lejn il-Parlament m’hemmx min jesiġi li sseħħ. Dan jista’ jinbidel jekk l-ispazju li qed ifittxu l-membri parlamentari li semmejt iktar il-fuq jitħallew jokkupawh.

Hekk biss il-Parlament ikun jista’ jaqdi l-funzjoni vera tiegħu.