Wara Justyne: nistennew issa r-riżenja ta’ Frank Fabri

Ir-riżenja ta’ Justyne kienet inevitabbli.

Setgħet iddum ftit ieħor taħsibha, imma kienet fir-rokna, ma kelliex minn fejn toħroġ.

Din hi t-tieni riżenja bħala riżultat tar-rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. L-oħra kienet Rosianne Cutajar!

Li tirriżenja darbtejn mill-Kabinett fi 23 xahar, kif għamlet Justyne, naħseb li hu record. Juri li l-ġudizzju ta’ Robert Abela li jagħtiha ċans ieħor kien wieħed żbaljat għall-aħħar.

Ir-riżenja ta’ Justyne mhiex il-konklużjoni. Għad hemm iktar : ir-riżenja ta’ Frank Fabri, Segretarju Permanenti li approva l-kuntratt ta’ sieħeb Justyne, Daniel Bogdanovic, issa hu iktar meħtieġa minn qatt qabel.

Fil-ġlieda għall-governanza tajba, fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-korruzzjoni, iċ-ċivil għandu rwol importanti. Is-segretarji permanenti għandhom sehem kruċjali f’din il-ġlieda. Min minnhom jonqos li jaghti sehem mhemmx post għalih. Min jiffaċilita l-ħmieġ għandu jitwarrab minnu fih

Justyn: m’għandiex żejt f’wiċċha

Lil Justyne donnu ma tistax tiġiha waħda tajba.

Darba kellha lil Silvio. Iz-ziju Silvio għal ulied Yurgen. Kellha tirreżenja minn Ministru minħabba Silvio meta sar magħruf li kien il-widna tal-kriminali. Iwassal dak li kien qed jingħad dwarhom fid-depot tal-Pulizija. Gafa baqa’ ċass u s’issa għadu ma għamel xejn!

Issa għandna dan ir-rapport li sar fuq talba ta’ Alison Bogdanovic dwar abbuzi fl-għoti ta’ kuntratt lil Daniel Bogdanovic! B’rapport bħal dan ma nafx x’qed jistenna Bobby biex iġiegħlha titlaq it-tieni darba.

Dan ir-rapport hu ċertifikat li l-Ministru abbużat. Mhux biss hi abbużat imma sabet ukoll lil Frank Fabri is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni jitgħawweġ ganċ biex jgħattilha.

Hemm bżonn ta’ tindifa sewwa. Bobby mhux kapaċi jagħmilha!