Id-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar l-iskema ta’ ċittadinanza li qed jipproponi l-Gvern ġie u mar.
Kien hemm numru ta’ diskorsi. L-iktar importanti minn dawn, fl-opinjoni tiegħi, kien id-diskors tal-Kummissarju Viviane Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewopeja u Kummissarju għall-Ġustizzja.
Deċiżjoni dwar iċ-ċittadinanza, qalet Reding, hi prerogattiva tal-istati membri. Imma, żiedet tgħid Reding, din id-deċiżjoni hi mhiex waħda newtrali. Għandha impatt fuq kull wieħed mill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropeja u dan għax iċ-ċittadinanza ta’ pajjiż membru tal-UE tagħti numru ta’ drittijiet li jistgħu jkunu eżerċitati fl-Unjoni Ewropeja kollha.
Għal din ir-raġuni l-Kummissarju Reding ġibdet l-attenzjoni ta’ kull min kien qiegħed jisma’ li t-trattat tal-Unjoni Ewropeja jitkellem ċar fl-artiklu 4.3 dwar it-tħaddim tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropeja.
Dan, qalet Reding hu prinċipju bażiku. Fi ftit kliem din hi l-qalba tal-kwistjoni kollha.
Meta wieħed iwarrab il-paroli kollu li ntqal għall-gallarija, jibqa’ biss dan il-punt. Punt li kulħadd injora.
Fit-twettiq tal-politika tiegħu taċ-ċittadinanza għaliex ma kienx hemm konsultazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropeja? Huwa konxju l-Gvern Malti illi filwaqt li għandu kull dritt li jiddeċiedi xorta għandu l-obbligu li japplika l-“prinċipju ta’ kooperazjoni sinċiera”?
Dan hu wieħed mis-sisien tal-valuri Ewropej. Fl-Unjoni Ewropeja m’hemmx biss drittijiet. Hemm ukoll id-dmirijiet. Mhux għal Malta biss, sintendi!
ippubblikat fuq iNews il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar 2014