Karmenu Vella : wirja fqira ħafna fi Brussels

Karmenu Vella.Brussels 290914

 

Il-wirja ta’ Karmenu Vella illum huwa u jwieġeb il-mistoqsjiet tal-Membri Parlamentari Ewropej kienet waħda fqira.

Mhux biss ma kellux għarfien adegwat tal-oqsma ambjentali, talli ma wera l-ebda ħeġġa jew viżjoni dwar d-diversi oqsma li kien mistoqsi dwarhom. Tant li Claude Turmes, il-membru Parlamentari tal-Ħodor tal-Lussemburgu ħass il-ħtieġa li jsaqsieħ jekk Juncker taħx struzzjonijiet biex ma jikkommettix ruħu.

Tlift il-kont ta’ kemm il-darba ma kienx f’posizzjoni li jirrispondi, ma tax risposta jew qagħad idur mal-lewża. Buzz-words uża kemm trid. Imma meta kien mitlub ikun konkret f’dak li qed jgħid naqas milli jagħmel dan.

Anke dwar id-Direttiva dwar l-Għasafar żelaq meta ipprova jgħid x’għandu f’moħħu Juncker meta taħ l-inkarigu biex jikkonsolida din id-Direttiva u dik dwar il-Habitats. L-ikbar ċertifikat tawhulu l-Birdlife International meta qalu li : I don’t think we can feel reassured in any way by his performance.

Minkejja dan kollu l-Grupp Soċjalista hu sodisfatt u l-grupp tal-Popolari jafu li x’aktarx li ser ikollhom jitwikkew bih, għax hekk ftehmu ma’ Gianni Pitella u Martin Schultz. Inkella Juncker ma jkollux l-appoġġ tas-Soċjalisti!

Imma x’ser jiġri eżatt għadu mhux ċar, għax għad irridu naraw kif ser imorru l-Kummissarji kollha. Imbagħad jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Nagħlaq b’kumment tal-Greens fil-Parlament Ewropew dwar Karmenu Vella:

Do you think he is suitable for the portfolio he has been assigned?

Not really. He is fully loyal to the political direction that has been outlined by Commission president-elect Juncker. He is capable of lip service on sustainable development (green growth), but did not demonstrate any willingness to take on industry opposition. He lacks commitment and conviction about the issues. It is difficult to imagine him confronting commissioners defending industry interests. He did not come across as a fighter, which is disappointing for one of the most important commissioners for the Greens.

Għall-kummenti kompleti tal-Greens dwar Karmenu Vella agħfas hawn.

 

Karmenu Vella : kontroversja bla ħtieġa

Junker + Vella

 

Għada waranofsinnhar Karmenu Vella jippreżenta ruħu biex ikun eżaminat minn żewġ kumitati tal-Parlament Ewropew.

Fid-dibattitu pubbliku li ilu għaddej mill-10 ta’ Settembru 2014, id-diffikulta prinċipali mhiex il-persuna ta’ Karmenu Vella, imma d-deċiżjoni politika li ħa Jean Claude Juncker dwar ir-responsabbiltajiet li assenja lil Karmenu Vella u lil oħrajn. Fl-ittra li ntbagħatet mill-Grupp tal-Ħodor lil Jean Claude Juncker nhar il-Ġimgħa li għaddiet dan kien ċar ħafna u jpoġġi f’perspettiva l-argumenti kollha.

Karmenu Vella il-persuna jidher li ma hu fil-mira ta’ kważi ħadd. L-unika kritika diretta lejh kienet dik tal-Corporate Europe Observatory. Għalhekk ma nistax nifhem kif fl-aħħar siegħat ħoloq il-kontroversja hu stess meta ġew ippubblikati t-tweġibiet li kien mitlub jagħti bil-miktub għal xi mistoqsijiet li sarulu. Hi kontroversja li kien ikunu ħafna għaqli li kieku evita. Imma tawh pariri ħżiena!

Il-gazzetti tal-lum (apparti l-Kullħadd u t-Torċa li baqgħu siekta) kienu mimlijin bil-kummenti li juru kemm Karmenu Vella żbalja bl-ikraħ meta qal li hu ivvota biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja meta hu ċar li sa ftit ġranet qabel il-votazzjoni tar-referendum tal-2003 hu kien involut b’mod attiv favur il-LE, anke f’dibattitu fuq it-TV.

Issa din kienet kontroversja bla ħtieġa għal Karmenu Vella. Imma kontroversja li ħalliet togħma morra ma bosta. Hawn Malta ħadd m’hu jemmen dak li qal Karmenu Vella dwar kif ivvota. X’ser jagħmlu l-Membri Parlamentari Ewropej ma nafx. Naf biss li ħadd m’hu ta’ subgħajh f’ħalqu. Dawk minnhom li jsegwu x’inhu jiġri jafu l-posizzjoni li ħa l-Partit Laburista f’Malta dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropeja. Min minnhom għaldaqstant jifhem x’qiegħed iħarref Karmenu Vella bil-fors li ser ikollu d-dubju dwar it-tweġbiet l-oħra li Karmenu Vella jagħti fuq l-Ambjent, is-Sajd u l-Politika Marittima. Għax il-loġika tgħidlek li jekk ma ssibhiex bi kbira li tħarref fuq ħaġa l-anqas m’int ser issibha bi kbira li tħarref fuq affarijiet oħra.

B’mod oġġettiv, kieku l-kumitati parlamentari tal-Parlament Ewropew kellhom jiddeċiedu fuq il-kompetenzi individwali tal-kummissarji proposti, madwar 6 minn dawk proposti ma jkunux approvati. Imma nafu li l-Parlament Ewropew u l-Kumitati tiegħu ma jaħdmux hekk sakemm ma jkun hemm affarijiet ta’ serjeta’ kbira li jistunaw. Dejjem sakemm ma jkunx hemm xi gaffe bħalma għamel Rocco Buttiglione fl-2004 inkella sakemm il-Kummissarju li jkun qed iwieġeb ma jweġibx b’mod adegwat mistoqsijiet dwar dak li jidher bħala l-konflitt ta’ interess tiegħu jew tagħha kif kien ġrala l-Bulgara Rumiana Jeleva fl-2010.  Sakemm ma jiġrix hekk hu probabbi li l-Kummissjoni tkun approvata kollha kif propost u dan bl-appoġġ tal-Popolari u s-Soċjalisti kif ukoll tal-Liberali.

Pero jekk jinqala’ dak li mhux previst ma tistax tgħid x’jiġri.

Juncker taħt il-lenti tal-Ħodor

four_pillar-sustainable  development

Il-bieraħ Alternattiva Demokratika ippubblikat ittra li Rebecca Harms u Philippe Lamberts mexxejja konġunti tal-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew bagħtu lil Jean Claude Juncker il-President elett tal-Kummissjoni Ewropeja.

F’din l-ittra li l-oriġinal tagħha jista’ jinqara hawn Harms u Lamberts qed jilmentaw li fit-tqassim tar-responsabbiltajiet lill-Kummissarji l-ġodda Juncker injora l-fatt li t-trattat Ewropew fl-artiklu 3.3 tiegħu ipoġġi bħala mira ċara tal-Unjoni Ewropeja li din taħdem favur l-iżvilupp sostenibbli.

Dan l-obbligu, jemfasizzaw Harms u Lamberts mhux rifless fir-responsabbiltajiet tal-Viċi Presidenti u l-anqas fl-ittri tal-ħatra tal-Kummissarji differenti.

L-emfasi fuq it-tnaqqis tar-regolamentazzjoni flimkien mal-fatt li ingħaqdu flmkien responsabbiltajiet ta’ dawk li sal-lum kienu dikasteri differenti huwa ferm inkwetanti. L-Ambjent ingħaqad mas-Sajd u l-Politika Marittima filwaqt li l-Enerġija u l-Azzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima inġabru ukoll fir-responsabbiltajiet ta’ Kummissarju wieħed. Dan kollu flimkien iwassal għat-tħassib fundat li l-importanza għal azzjoni ambjentali ser tkun imdgħajfa filwaqt li l-ħidma dwar l-impatti klimatiċi ser tonqos drastikament.

Dan kollu hu konfermat ukoll miċ-ċaqlieq ta’ numru ta’ responsabbiltajiet li sal-lum kienu meqjusa bħala primarjament responsabbiltajiet ambjentali li issa ġew assenjati f’direttorati ġenerali oħra.

Fid-dawl ta’ dan il-Ħodor ħeġġew lil Jean-Claude Juncker biex jagħmel tibdil fir-responsabbiltajiet tal-Kummissarji u dan billi :

l-ewwel: jassenja r-responsabbilta għall-iżvilupp sostenibbli lil wieħed mill-Viċi Presidenti,

it-tieni: jissepara mill-ġdid ir-responsabbilta għall-klima minn dik għall-enerġija u dik għall-ambjent mis-sajd u l-politika marittima,

it-tielet: jirrevedi l-ittri tal-ħatra ta’ numru ta’ kummissarji ewlenin billi jagħti importanza u prijorita’ lis-sostenibilita kif ukoll lill-użu għaqli tar-riżorsi naturali u lill-bijodiversita,

ir-raba’ jirrevedi ċ–ċaqlieq ta’ responsabbiltajiet li tneħħew mid-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent.

Fl-ittra tagħhom Harms u Lamberts jemfasizzaw li huwa obbligu tal-Parlament li jassugura illi l-interessi taċ-ċittadini Ewropej ikunu imħarsa huwa u jsir l-iskrutinju u l-ħatra tal-Kummissjoni. It-tibdil li dwaru l-Ħodor qed jinsistu huwa fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u għaldaqstant il-Ħodor jidhrilhom illi jekk dan it-tibdil ma jseħħx huwa impossibli għalihom li jagħtu appoġġ lill-Kummissjoni l-ġdida.

Diġa kien hemm reazzjonijiet għal dan kemm minn Martin Schultz President tal-Parlament Ewropew kif ukoll minn Juncker innifsu.

Schultz irreaġixxa limitatament għall-punt dwar l-iżvilupp sostenibbli. Il-bieraħ stess ENDS Europe irrappurtat lil Schultz hekk : New Commission needs sustainability Vice President.

Schultz jidhirlu li hu żball da parti ta’ Juncker li ħalla barra responsabbilta għall-iżvilupp sostenibbli mir-responsabbiltajiet tal-Viċi Presidenti.

Min-naħa l-oħra Juncker isostni kemm il-ġabra flimkien ta’ responsabbiltajiet tal-ambjent, sajd u politika marittima kif ukoll dawk dwar il-klima u l-enerġija. Min-naħa l-oħra jsostni ukoll li r-responsabbilta’ dwar l-iżvilupp sostenibbli hi tal-Kummissarji kollha.

 

Din hi l-kritika kostruttiva li qed jagħmlu l-Ħodor fil-Parlament Ewropew. Mhiex kritika indirizzat lejn xi pajjiż jew lejn xi Kummissarju partikolari. Dawk qed isiru ukoll minn ħaddieħor u huma motivati minn diversi raġunijiet.

Nistennew u naraw kif ser jiżviluppaw is-seduti pubbliċi li fihom, min-nhar it-Tnejn il-Kummissarji l-ġodda ser ikunu skrutinati dwar il-kompetenzi tagħhom.

Id-diskussjoni tkompli.

The Greens write to Juncker: Sustainability in the New European Commission

EGP.p1

EGP.p2