X’solidarjetá hi din ?

 

Is-summit Ewropew, minkejja l-paroli kollu ta’ Donald Tusk, Joseph Muscat u Giuseppe Conte reġa’ ma kkonkluda xejn favur solidarjetá reali.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja qal li l-gwardja tal-kosta Libjana għandha titħalla taħdem.

X’jippretendu dawn:  li l-NGOs isalvaw in-nies mill-għarqa u jgħadduhom lil-Libjani biex dawn jittorturawhom? Għax hekk qed jgħidu Tusk, Muscat, Conte u l-mexxejja Ewropej biex jissodisfaw l-injoranza w il-mibgħeda tar-razzisti li hawn jiġru mas-saqajn.

Kien hemm ksur ta’ regolamenti tat-tbaħħir? Ma nafx. Li naf hu li l-Gvernijiet qed jinħbew wara l-legaliżmi u r-regoli biex jiġġustifikaw li dawk salvati mill-għarqa jingħataw lura f’idejn il-Libjani fejn ikunu ttorturati. Dan jidher li hu l-punt ta’ konvergenza bejn Malta u l-Italja.

Il-Gvernijiet, issa, flok ma jisparaw (figurattivament) fuq l-immigranti qed jisparaw fuq l-NGOs.

Nippreferi li jinkisru r-regoli tat-tbaħħir milli jintbagħtu n-nies għat-tortura.

Advertisements

Wara Barroso min?

Muscat + Junker

Għamel tajjeb il-Gvern Malti li ħabbar illi f’dan l-istadju ser jappoġġa l-kandidatura  tal-ex Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean Claude Junker biex dan ikun is-suċċessur ta’ Josè Manuel Barroso. Il-posizzjoni tal-Gvern Malti tirrispetta dak li jipprovdi t-trattat ta’ Liżbona u li ser ikun implimentat għall-ewwel darba issa: fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropeja, il-Kunsill Ewropew [kompost mill-Kapijiet tal-Gvernijiet] għandu jirrispetta r-riżultat elettorali tal-Parlament Ewropew.

Il-posizzjoni li ħa l-Gvern Malti hi posizzjoni tajba mhux biss għax tirrispetta t-trattat ta’ Liżbona, iżda fuq kollox għax dan qed isir fil-konfront ta’ rappreżentant ta’ partit politiku differenti minn dak li jappartjeni għalih  il-partit fil-Gvern f’Malta. Huwa tajjeb li l-ispirtu Ewropew qed isaħħah  l-għeruq f’pajjiżna ukoll!  Jidher, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Joseph Muscat, illi Jean Claude Junker ta’ assigurazzjonijiet lill-Gvern Malti illi l-programm tal-Kummissjoni Ewropeja mmexxija minnu ser tagħti attenzjoni u enerġija lil proposti dwar l-immigrazzjoni skond ix-xewqa tal-Gvernijiet diversi fil-Mediterran, fuq quddiem net Malta u l-Italja. Dan hu pass tajjeb. Prosit.

Il-Kunsill Ewropew mistenni li jieħu deċiżjoni dwar is-suċċessur ta’ Barroso fis-summit ta’ tmiem ix-xahar. S’issa għadu mhux ċar jekk il-proposta tal-ħatra ta’ Junker hux ser tkun approvata u dan minħabba li hemm numru ta’ Gvernijiet Ewropej li iddikjaraw jew indikaw li ma jaqblux ma dan.

L-iktar li semma’ leħnu kien David Cameron Prim Ministru ta’ dak li sa issa hu r-Renju Unit. Cameron qed jopponi l-ħatra ta’ Junker minħabba l-politika federalist tiegħu (ta’ Junker) li Cameron iqies bħala ostaklu kbir għall-posizzjoni ta’ Cameron li l-Unjoni Ewropeja iżżarma kemm tista’ mir-regolamenti tagħha li ma jikkonċernawx il-kummerċ!

Cameron mhux waħdu. Għandu l-appoġġ tal-Gvernijiet tal-Isvezja, l-Olanda u l-Ungerija.

L-anqas Matteo Renzi, għall-Gvern Taljan, ma jidher li hu kuntent bin-nomina ta’ Junker.

Jekk dawn hux ser jibqgħu waħedhom jew jekk hux ser jiżdiedu fl-opposizzjoni għall-ħatra ta’ Junker għadu ftit kmieni biex inkunu nafu. Imma huwa importanti għax il-ħatra ta’ Junker teħtieġ l-approvazzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata: 55% tal-pajjizi membri li jirrappreżentaw 65% tal-popolazzjoni Ewropeja.

Jekk il-Kunsill Ewropew japprova l-ħatra ta’ Jean Claude Junker bħala President tal-Kummissjoni Ewropeja, imbagħad ikun imiss l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Fil-Parlament Ewropew l-opinjonijiet huma ħafna iktar ikkuluriti. Għalissa xejn ma hu assigurata, l-anqas hemm.  Wara l-aħħar ta’ dan ix-xahar, kif ukoll meta l-programm politiku ta’ Junker ikun magħruf imbagħad l-affarijiet ikunu ftit iktar ċari.

Nistennew u naraw.

ippubblikat fuq iNews: it-Tlieta 17 ta’ Ġunju 2014

Ir-retorika ………… l-unika ħaġa ċerta

Joseph Muscat Martin Schulz

 

Der Spiegel International irrapporta illi l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Brussels fi tmiem il-ġimgħa ittratta l-immigrazzjoni b’mod retoriku. Għal Der Spiegel ma tirriżulta l-ebda deċiżjoni ta’ sustanza dwar l-immigrazzjoni. Paroli biss.

Fil-fatt il-Kunsill Ewropew ippospona deċiżjoni dwar l-immigrazzjoni għal Diċembru li ġej.  Il-Prim Ministru Joseph Muscat ġustament  ikkummenta li għalkemm il-kliem li intqal u inkiteb kien promettenti, s’issa għadu biss kliem.  Il-Partit Laburista min-naħa l-oħra  jidher li hu sodisfatt filwaqt li l-PN ikkummenta li Joseph Muscat ġie lura Malta b’idu f’idu.

Alternattiva Demokratika jidhrilha illi hu tal-mistħija li l-Kunsill Ewropew jibqa’ jipposponi deċiżjoni dwar x’passi għandhom jittieħdu fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran. Dan jfisser li l-Kunsill Ewropew fis-siegħa tal-prova ma kienx kapaċi jqiegħed fil-prattika l-valuri Ewropej ta’ rispett lejn il-ħajja u id-dinjita tal-bniedem. L-Unjoni Ewropeja issa ilha s-snin tipposponi li tieħu deċiżjoni dwar solidarjeta’ prattika u effettiva.

Malta għandha pubblikament tappoġġa l-posizzjoni mittieħda mill-Partit tal-Ħodor Ewropej (European Green Party) dwar solidarjetá effettiva (responsibility sharing), riforma tal-Konvenzjoni Dublin II kif ukoll il-ħolqien ta’ metodi legali għall-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropeja. Posizzjoni li diġa ħa ukoll Martin Schultz il-President Soċjal Demokratiku tal-Parlament Ewropew.

Minflok dan kollu l-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti l-immigrazzjoni f’Diċembru li ġej meta l-Kummissjoni Ewropeja ser tresssaq ir-rapport ta’ ħidma tat-Task Force dwar il-Mediterran li twaqqfet diġa u dan “bil-ħsieb li jittieħdu deċiżjonijiet operazzjonali”.  Dwar x’inkunu dawn id-deċiżjonijiet u jekk fil-fatt jittieħdux għadu kmieni ħafna. Iktar u iktar meta niftakru li numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja (x’aktarx madwar tlettax) ma jaqblux li għandhom ikollhom xi sehem biex jerfgħu l-piż tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. Ma dan ma irridux ninsew li biex tittieħed deċiżjoni  irid ikun hemm qbil unanimu. Jiġifieri minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat li rnexxielu jikseb l-appoġġ tal-Prim Ministri Soċjalisti kollha fil-Kunsill Ewropew għad m’hemm xejn ċar dwar kif ser jiżviluppaw l-affarijiet.

L-unika ħaġa ċerta s’issa hi r-retorika.

Minkejja dan kollu, f’din is-siegħa ta’ prova, Alternattiva Demokratika tappoġġa l-insistenza tal-Gvern Malti dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropeja taġixxi immedjatament dwar l-immigrazzjoni, insistenza li jidher li hi appoġġata minn 15-il Gvern fl-Unjoni Ewropeja, fuq quddiem dawk tal-Greċja u l-Italja. L-immigrazzjoni fuq il-fruntiera Mediterranea tal-Unjoni Ewropeja hi materja li tikkonċerna l-Unjoni kollha u hi ta’ serjeta’ u gravita daqs kull materja Ewropeja oħra.

Alternattiva Demokratika filwaqt li tifhem li hu neċessarju li l-Gvern Malti jgħaddi kummenti iebsa fil-konfront tal-istituzzjonijiet Ewropej tittama, iżda,  li dan il-kliem iebes ma jkunx ta’ ostaklu biex id-deċiżjonijiet li jiġu mittieħda ikunu tali li jirrispettaw id-dinjita’ umana tal-immigranti f’kull ħin.

Ippubblikat f’ iNews : It-Tnejn 28 t’Ottubru 2013

F’ħoġor Herman van Rompuy

MUSCAT ROMPUY

Wara l-istqarrija tal-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament huwa ġustifikat li nistaqsu: issa fejn sejrin?

Il-posizzjonijiet tal-Gvern u l-Opposizzjoni jikkuntrastaw mhux daqstant fl-iskop daqskemm fil-metodu.

Ilkoll kemm aħna naqblu li l-piż tal-immigrazzjoni għall-pajjiżna hu kbir. Naqblu lkoll li għandna nipproteġu l-ħajja bla limitu jew kundizzjonijiet iżda li dan l-impenn tagħna m’għandux ikun abbużat.

Ilkoll naqblu li l-għajnuna li tatna s’issa l-Unjoni Ewropeja biex nistgħu naqdu aħjar l-obbligi tagħna li nħarsu l-ħajja ta’ dawk li jeħtieġu din l-għajnuna ma jeżenta lil ħadd mill-obbligi kbar li hemm ta’ kull pajjiż li jifforma parti mill-Unjoni Ewropeja lejn il-pajjiżi fuq il-fruntiera.

Huwa ukoll fatt, li ħadd ma semma il-lejla fil-Parlament li billi l-materja tal-immigrazzjoni mhiex waħda mir-responsabbiltajiet komuni tal-Unjoni azzjoni dwarha teħtieġ l-unanimita’, jiġifieri li jaqblu l-pajjiżi kollha. U jekk din l-unanimita ma tkunx teżisti ftit li xejn jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet .

Saru diversi tentattivi tul is-snin biex jintlaħaq xi forma ta’ ftehim. L-uniku pass li kien hemm qbil dwaru kien illi jgħin min irid, fuq bażi volontarja. Fuq it-TVM2 David Casa nhar il-Ħadd qal li kienu 4 biss il-pajjiżi li offrew l-għajnuna, liema għajnuna issarfet filli dawn ħadu madwar 700 immigrant f’pajjiżhom. Numru ferm żgħir li nqabeż anke mill-għajnuna li tatna l-Istati Uniti tal-Amerika.

Huwa f’dan il-kuntest li wieħed irid jiċcara li l-konflitt ta’ Malta mhux mal-Unjoni Ewropeja iżda mal-Kapijiet tal-Gvern li miġbura flimkien fil-Kunsill Ewropew jieħdu id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tkun teħtieġ li timplimenta.  Għaxra mit-28 Gvern ta’ pajjiżi fil-UE huma immexxija minn Prim Ministri Soċjalisti, 13 minn Prim Ministri ġejjin mill-Partit Popolari. Id-diversita’ ta’ opinjonijiet hi kbira għax ilkoll kemm huma jridu jirrispondu għal opinjoni pubblika kritika f’pajjiżhom.

Kollox ser idur fuq il-kapaċita ta’ Herman van Rompuy President tal-Kunsill li iktar kmieni din is-sena kien hawn Malta u indirizza l-Parlament Malti. Van Rompuy għandu l-fama ta’ consensus builder u l-probabbilta’ li l-problema tispiċċa f’ħoġru.

F’Ġunju li għadda lill-Parlament kien qallu “I am fully aware of Malta’s concerns.”  Jekk minn dan l-għarfien jirnexxilux iwassal għal soluzzjoni iżda għad irridu naraw.