Għada waranofsinnhar Karmenu Vella jippreżenta ruħu biex ikun eżaminat minn żewġ kumitati tal-Parlament Ewropew.
Fid-dibattitu pubbliku li ilu għaddej mill-10 ta’ Settembru 2014, id-diffikulta prinċipali mhiex il-persuna ta’ Karmenu Vella, imma d-deċiżjoni politika li ħa Jean Claude Juncker dwar ir-responsabbiltajiet li assenja lil Karmenu Vella u lil oħrajn. Fl-ittra li ntbagħatet mill-Grupp tal-Ħodor lil Jean Claude Juncker nhar il-Ġimgħa li għaddiet dan kien ċar ħafna u jpoġġi f’perspettiva l-argumenti kollha.
Karmenu Vella il-persuna jidher li ma hu fil-mira ta’ kważi ħadd. L-unika kritika diretta lejh kienet dik tal-Corporate Europe Observatory. Għalhekk ma nistax nifhem kif fl-aħħar siegħat ħoloq il-kontroversja hu stess meta ġew ippubblikati t-tweġibiet li kien mitlub jagħti bil-miktub għal xi mistoqsijiet li sarulu. Hi kontroversja li kien ikunu ħafna għaqli li kieku evita. Imma tawh pariri ħżiena!
Il-gazzetti tal-lum (apparti l-Kullħadd u t-Torċa li baqgħu siekta) kienu mimlijin bil-kummenti li juru kemm Karmenu Vella żbalja bl-ikraħ meta qal li hu ivvota biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja meta hu ċar li sa ftit ġranet qabel il-votazzjoni tar-referendum tal-2003 hu kien involut b’mod attiv favur il-LE, anke f’dibattitu fuq it-TV.
Issa din kienet kontroversja bla ħtieġa għal Karmenu Vella. Imma kontroversja li ħalliet togħma morra ma bosta. Hawn Malta ħadd m’hu jemmen dak li qal Karmenu Vella dwar kif ivvota. X’ser jagħmlu l-Membri Parlamentari Ewropej ma nafx. Naf biss li ħadd m’hu ta’ subgħajh f’ħalqu. Dawk minnhom li jsegwu x’inhu jiġri jafu l-posizzjoni li ħa l-Partit Laburista f’Malta dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropeja. Min minnhom għaldaqstant jifhem x’qiegħed iħarref Karmenu Vella bil-fors li ser ikollu d-dubju dwar it-tweġbiet l-oħra li Karmenu Vella jagħti fuq l-Ambjent, is-Sajd u l-Politika Marittima. Għax il-loġika tgħidlek li jekk ma ssibhiex bi kbira li tħarref fuq ħaġa l-anqas m’int ser issibha bi kbira li tħarref fuq affarijiet oħra.
B’mod oġġettiv, kieku l-kumitati parlamentari tal-Parlament Ewropew kellhom jiddeċiedu fuq il-kompetenzi individwali tal-kummissarji proposti, madwar 6 minn dawk proposti ma jkunux approvati. Imma nafu li l-Parlament Ewropew u l-Kumitati tiegħu ma jaħdmux hekk sakemm ma jkun hemm affarijiet ta’ serjeta’ kbira li jistunaw. Dejjem sakemm ma jkunx hemm xi gaffe bħalma għamel Rocco Buttiglione fl-2004 inkella sakemm il-Kummissarju li jkun qed iwieġeb ma jweġibx b’mod adegwat mistoqsijiet dwar dak li jidher bħala l-konflitt ta’ interess tiegħu jew tagħha kif kien ġrala l-Bulgara Rumiana Jeleva fl-2010. Sakemm ma jiġrix hekk hu probabbi li l-Kummissjoni tkun approvata kollha kif propost u dan bl-appoġġ tal-Popolari u s-Soċjalisti kif ukoll tal-Liberali.
Pero jekk jinqala’ dak li mhux previst ma tistax tgħid x’jiġri.