L-anqas euro għall-Air Malta

one euro

Fil-Qorti, l-avukat tal-Air Malta ġie rappurtat li qal li jekk ma jkunx konkluż il-ftehim mal-Alitalia li permezz tiegħu l-Alitalia (u allura l-Etihad Airways) ikunu azzjonisti b’49% tal-ishma u probabbilment bid-dritt li jmexxu l-kumpanija, l-Air Malta tfalli.

Qal ukoll li l-Air Malta qed tiffaċċja żbilanċ ta’ €66 miljun.

Din informazzjoni interessanti u in parti tispjega dak li qal Luca Cordero di Montezemolo f’Mejju li għadda meta qal li biex takkwista d-49% tal-ishma tal-Air Malta l-Alitalia ma kienetx bi ħsiebha tinvesti xejn. L-anqas euro wieħed ma kien ser ikun issugrat. Risk free investment, kien qal!

Ovvjament bħalissa ħadd ma jgħid xejn dwar dak li qiegħed għaddej minħabba l-velu tal-kunfidenzjalità meħtieġa biex tipproteġi n-negozjati.

Imma mill-ftit li hu magħruf ma tantx jidher li ġejjin affarijiet sbieħ fl-Air Malta. Mhux biss għall-piloti.

 

 

L-istrike tal-piloti tal-Air Malta

air malta branding

Il-piloti tal-Air Malta m’għadx għandhom fiduċja fil-management kurrenti tal-Air Malta. Dan intqal mill-ALPA (Airline Pilots Association) wara li l-Air Malta permezz ta’ talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni waqqfet (għal issa) l-possibilità ta’ strike mill-piloti tal-Air Malta.

It-theddida ta’ istrike hi assoċjata mad-dewmien fil-konklużjoni ta’ negozjati dwar ftehim kollettiv ġdid għax il-ftehim kollettiv il-qadim skada xi xhur ilu.

Id-dritt tal-istrike hu arma qawwija u l-konsegwenzi jistgħu jkunu sostanzjali tant li bosta jsostnu li għandu jintuża biss meta jkunu ġew ippruvati bla suċċess l-alternattivi kollha biex tinstab soluzzjoni.

Issa l-Air Malta hi miżgħuda bil-problemi, bosta minnhom, kif tgħid l-ALPA huma problemi li ġew ikkawżati mill-management tal-kumpanija tul is-snin. Dan dejjem sar bil-kunsens tal-Gvern tal-ġurnata li bid-Diretturi li jaħtar dejjem kellu u għad għandu kontroll assolut (s’issa) fuq dak li jsir fil-kumpanija. [Tista’ per eżempju taqra  dak li kien kiteb xi snin ilu Michael Mallia li kien Direttur tal-Air Malta.]

Tul l-aħħar snin il-problemi tal-Air Malta, għalkemm naqsu, għadhom hemm. Għalhekk għaddejjin negozjati mal-Alitalia/Etihad Airways li dwarhom jidher li l-Unions ftit li xejn għandhom informazzjoni s’issa.

X’ser jiġri mal-Alitalia/Etihad Airways ftit nista’ ngħid ħlief dak li hu ovvju: li probabbilment jonqsu l-impieg mal-Air Malta. Hi pinnola morra li l-Gvern ta’ Joseph Muscat bla dubju jipprova jtaffi l-effett tagħha bl-istess mod li l-Gvern ta’ Gonzi mexa mat-Tarżna.

Dawn huma t-toroq rejali tal-Air Malta. Azzjoni industrijali issa kull ma tagħmel tkun li tagħti tefa l-isfel lill-futur li hu diġa imċajpar. Għalkemm hu l-mument tal-prudenza, dan ma jfissirx dgħjufija. Għax f’dan il-mument is-saħħa tal-istrike ma tagħmel ġid lil ħadd. La lill-Air Malta, la lil pajjiż u l-anqas lil piloti!

Fejn sejra l-Air Malta ?

air malta branding

L-istorja tat-Times illum dwar il-bejgħ ta’ parti sostanzjali mill-Air Malta lil Etihad Airways tal-Emirati Għarab Magħquda ilha ġejja.

Wara l-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta issa jmiss il-privatizzazzjoni parzjali tal-Air Malta. It-tnejn minn partit politiku li meta kien fl-Opposizzjoni dejjem tkellem kontra l-privatizzazzjoni imma meta jkun fil-Gvern jinsa’ kollox. Għamilha fl-Enemalta u issa jmiss lill-Air Malta.

Matul il-ġimgħat li ġejjin jibdew ħerġin l-ewwel dettalji tat-tibdil li jridu jwettqu l-Etihad Airways fil-mod kif topera l-linja tal-ajru, u l-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-ħaddiema tal-Air Malta. Il-komunikazzjoni tal-proposti ser ikun eserċizzju interessanti. Imma iktar minn hekk ser tkun interessanti r-reazzjoni tal-Unions rikonoxxuti.

Ovvjament il-Unions ser jirreaġixxu skond il-proposti li jippreżentawlhom. Imma frankament mhux qed nimmaġina proposti ta’ żieda fil-pagi u fl-allowances u l-anqas titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Ser ikunu żminijiet interessanti fejn ser inkunu nistgħu naraw il-konsistenza (jew in-nuqqas tagħha) tal-protagonisti.