Ħarsien għal min jixtri daru

minn Carmel Cacopardo

ippubblikat nhar l-Erbgħa 21 t’April 2010

_______________________________________________________

Għadu kmieni biex jiġi eżaminat l-effett tar-ri­for­­ma tal-liġijiet tal-kera. Iridu jgħaddu ftit tas-snin oħrajn biex dan ikun jista’ jsir. Li qed iseħħ bħalissa huwa l-aġġustament tal-kirjiet eżistenti. Kemm dawk residenzjali kif ukoll dawk kummerċjali. Aġ­ġus­tament li ilu jistenna aktar minn 60 sena biex isir!

Sadanittant in-nies tibqa’ tixtri l-proprjetà u kontinwament teżamina l-opportunitajiet li s-suq jipprovdi. Is-suq tal-kera jeħtieġ ftit tas-snin biex jiżvilup­pa mill-ġdid. Imbagħad ikun ap­prezzat li hemm ċirkostanzi fejn jaqbel li tikri flok tixtri pro­p­­rjetà.

In-nies li tixtri sfortunatament mhux dejjem hi konxja tad-drittijiet tagħha. Min ibigħ dan jafu sewwa u mhux darba jew tnejn li jkun hemm min japprofitta ruħu minn din is-sitwaz­zjoni. Huwa fl-opinjoni tiegħi meħtieġ li min ibigħ ikun obbligat li jipprovdi informazzjoni sħiħa u korretta dwar dak li qed jinbiegħ. Dan jgħodd kemm meta l-bejgħ isir direttament mis-sid kif ukoll meta jsir permezz ta’ aġent.

F’diversi pajjiżi oħrajn hekk isir. B’mod partikolari l-aġenti tal-proprjetà (‘estate agents’) għand­hom rwol importanti f’dan is-sens. Min jagħmel użu mis-servizz ta’ dawn l-aġenti ġus­tament jassumi li dawn jassi­guraw il-kwalità. Jiġifieri meta biex tixtri l-proprjetà tagħmel użu minn servizz ta’ aġent tal-proprjetà inti tassumi li dan l-aġent ikun diġà eżamina sewwa dik il-proprjetà. Tassumi wkoll li l-aġent ikun jista’ jiggwidak lejn dik il-proprjetà l-aktar addattata għall-ħtiġijiet tie­għek. Fl-ebda ħin ma jgħaddi­lek minn moħħok li meta aġent jaċċetta fuq il-kotba tiegħu xi proprjetà biex joffriha għall-bejgħ, din tkun difettuża, għax fost affarijiet oħrajn ma tkunx mibnija skont il-permessi. Meta tmur għand l-aġent tmur għax tafdah u allura tistenna li jagħtik l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa. Ma tistenniex li aġent ma jinformakx għax ma jafx, jew, agħar li jaħbilek informazzjoni biex ikun jista’ jdaħħal il-kummissjoni dovuta lilu mill-bej­jiegħ hekk kif jiġi negoz­jat il-bejgħ.

Sfortunatament l-affarijiet mhu­­­miex dejjem hekk. Għal­kemm in-numru ta’ każijiet mhu­­­wiex wieħed kbir, dan qie­għed dejjem jiżdied. Xi aġenti qegħdin joffru proprjetà li dwar­ha jew ma jagħmlux il-verifiki inkella jagħlqu għajnejhom għal dak li jaraw. Ma jiħdux pjaċir meta xerrejja potenzjali jirrealizzaw li kienu se jingidmu u wara li jieħdu parir ifittxu li jħassru kull impenn li jixtru jew konvenju li jkunu għamlu (meta dan ikun possibbli).

Dawk li jfittxu parir għax ma joqogħdux fuq dak li jgħidilhom l-aġent jagħmlu dan biex jassiguraw ruħhom li ma jin­gid­­mux. Sfortunatament iżda, hemm ftit, dawk li jafdaw wisq, li xorta jingidmu. Il-flus li jkunu laħqu ħallsu b’sagrifiċċju mhux dejjem ikun faċli biex jiġbruhom lura.

Mhux darba jew tnejn li ltqajt ma’ każijiet li l-proprjetà offruta għall-bejgħ minn aġenti tal-proprjetà tkun difettuża fis-sens li tkun mibnija b’mod li ma tkunx koperta b’permess tal-bini. Bosta drabi, għal min jif­hem, ma jkunx diffiċli li tiden­tifika dan il-fatt. Mhux il-każ li nsemmi hawnhekk każijiet spe­ċi­fiċi, iżda naf b’numru. Xi dra­bi l-problemi jitfaċċaw wara l-iffirmar tal-konvenju u xi drabi wara l-kuntratt ukoll.

Dawk li jixtru l-proprjetà jagħm­lu sagrifiċċji kbar biex ikunu f’pożizzjoni li jħallsu għall-akkwist li jagħmlu. Jagħm­lu użu minn dak li jkunu faddlu kif ukoll jissellfu mill-banek. Għand­hom dritt għal servizz ħafna aħjar milli qed jingħataw uħud. Min joffri jew jiffa­ċilita dan it-tip ta’ bejgħ qed jonqos u jagħti isem ħażin lil kul­ħadd.

L-ebda wieħed mill-aġenti tal-proprjetà ma jixtieq jieħu l-inizjattiva biex ma jaċċettax fuq il-kotba tiegħu proprjetà difettu­ża. Jippreferu li jaħslu jdejhom billi jgħidu li mhix res­ponsab­biltà tagħhom li jieħdu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet.

Ikun f’loku li l-aġenti tal-pro­prjetà jieħdu l-inizjattiva huma u jistabbilixxu bejniethom rego­li li japplikaw għall-aġenti kollha li bihom jipproteġu l-ewwel nett lill-konsumatur u b’mod indirett lilhom infushom ukoll. Jekk dan idum ma jsir naħseb li wasal iż-żmien li l-Parlament jikkonsidra li jirregola hu din il-ħidma. Għax il-konsumatur jeħ­tieġ li jkun protett minn sidien u aġenti bla skrupli.

Advertisements