Ftit riflessjonijiet tiegħi wara s-seminar tal-Fondazzjoni Ideat li fih ħadt sehem nhar is-Sibt f’isem Alternattiva Demokratika.
L-ewwel nett jiena diżappuntat bin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-PN. Kienet opportunita unika ta’ diskussjoni mhux biss bejn rapprezentanti tat-tlett partiti politiċi iżda ukoll ma esperti u attivisti ambjentali. Dan ipoġġi f’perspettiva reali l-eżerċizzju li qiegħed jikkordina d-delegat speċjali ta’ Lawrence Gonzi. Simon Busuttil qiegħed jitħabat biex jorganizza l-laqgħat mas-soċjeta’ ċivili, imbagħad meta jiġu l-inviti għal diskussjoni jiġu injorati. Prova oħra tas-superfiċjalita’ tal-politika ta’ Lawrence Gonzi. Li iżjed milli jisma’ l-karba tal-miġugħ huwa interessat f’pontijiet elettorali. Mhuwiex interessat kif ser jissolvew il-problemi (li ma ħoloqhomx kollha hu!) imma hu interessat biss fil-voti.
Issa niġi għas-sustanza.
L-ilma huwa element mill-iktar essenzjali aħna u nħarsu lejn l-interazzjoni bejn l-ambjent u s-saħħa. Huwa neċessarju li nifhmu l-ħtieġa illi nieħdu ħsieb iktar tal-ilma bħala riżors essenzjali għall-ħajja. Għal kull ħajja. Mhux biss għal ħajja umana iżda ukoll biex tisseddaq l-ekosistema li minna l-bniedem jifforma biss parti żgħira. L-ilma tal-pjan hu fi stat disastruż u għaldaqstant huwa iktar essenzjali li noqgħodu attenti bl-esperimenti li jsiru minn żmien għal żmien. Il-proġett pilota li tħabbar reċentement biex isir artifical aquifer recharge bl-użu ta’ ilma riċiklat mid-drenaġġ huwa wieħed riskjuż. Hemm ħtieġa ta’ attenzjoni kbira f’dawn it-tip ta’ esperimenti li ma nispiċċawx nagħmlu iktar ħsara milli ġid.
L-impatti ambjentali ma jiddependux biss minn dak li nagħmlu aħna f’ Malta. Jiddependi ukoll minn dak li jagħmel ħaddieħor. Per eżempju it-42 vapur mgħobbi bi skart tossiku u nukleari li l-Mafja Taljan għerrqet fil-Mediterran għandhom ikunu ta’ tħassib għalina. L-ilma tagħna 60% ġej mill-baħar. Il-ħut ma josservax fruntieri u t-tniġġiż fil-baħar għaldaqstant għandu impatt ħafna ikbar milli naħsbu.
Waqt id-diskussjoni issemmew ħafna aspetti ambjentali li huma ta’ preokkupazzjoni.
Naħseb li l-iktar materja inkwetanti hi n-nuqqas ta’ kredibilita’ tal-istituzzjonijiet. Waħda wara l-oħra dawn l-istituzzjonijiet huma kompromessi għax m’għandhomx is-snien li jippermettulhom jaġixxu. Dan in-nuqqas joħroġ mill-fatt li l-Gvern jappunta l-membri waħdu. Mhux biss mingħajr ma jqis x’taħseb is-soċjeta ċivili dwarhom imma fuq kollox prinċipalment a bażi tal-lealta’ politika tagħhom.
Għal dan l-iskop Alternattiva Demokratika ilha żmien tinsisti illi huwa meħtieg li l-ħatra ta’ membri tal-Bord tal-Awtoritajiet tkun soġġetta għal public hearing fil-Parliament. Dan il-proċess jassigura li min ikun ser jinħatar ikollu l-opportunita li jispjega x’inhuma l-kompetenzi tiegħu/tagħha kif ukoll iwieġeb għal mistoqsijiet dwar kif l-imġieba pubblika tiegħu tista’ teffettwa l-ħidma tiegħu/tagħha fil-ħatra maħsuba.
Din hi proposta ta’ Alternattiva Demokratika fil-Programm Elettorali tal-2008 li l-Partit Laburista fl-Opposizzjoni uża fil-Parlament huwa u jikkritika ir-riforma tal-MEPA. Għamel tajjeb, biex ma ninftiehemx ħazin.
Huwa importanti li l-Parlament jieħu lura mingħand il-Gvern il-poter tal-ħatra tal-awtoritajiet kif ukoll huwa neċessarju li l-Parlament ikun kapaċi jissorvelja hu l-ħidma ta’ dawn l-awtoritajiet. B’hekk ikun assigurat iktar koordinazzjoni effettiva kif ukoll iktar kontabilita’.