Żewġ traġedji f’ġimgħa. Fit-tieni waħda kienu protagonisti l-Forzi Armati ta’ Malta li salvaw mal-150 persuna mill-għarqa. Veru li għamlu dmirhom. Imma li jirnexxilek tagħmel dmirek f’ċirkustanzi bħal dawn hu ta’ sodisfazzjon mhux żgħir.
Din id-darba kien pożittiv ukoll l-atteġġjament tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu ta’ sodisfazzjoni li bidel l-attitudni li kien ħa iktar kmieni din is-sena. Nittama li l-ħsara li laħqet saret tibda tissewwa. Dan jista’ jseħħ, iżda jieħu ż-żmien. Dejjem jekk il-bdil ta’ attitudni mhiex biss u sempliċiment bdil ta’ tattika.
Kif kien xieraq il-prijorita’ kienet li jsalvaw in-nies. Imma ġustament ġie emfasizzat li l-Unjoni Ewropeja teħtieġ li tiċċaqlaq.
Sal-lum id-dħul tal-immigranti m’hiex responsabbilta’ tal-Unjoni Ewropeja iżda tal-Istati membri individwali. Dan m’għandux jibqa’ hekk. Għax l-istati fuq il-fruntiera tan-nofsinnhar tal-Ewropa (Malta, l-Italja, Spanja, l-Greċja u Ċipru) qed jerfgħu piż kbir li lkoll, kif nafu, ma jifilħux għalih.
Ir-responsabbilta’ għall-immigranti għandha tintrefa’ mill-Unjoni Ewropeja kollha, f’isem u għan-nom tal-istati membri kollha. Għax dak li jiġri mill-fruntiera l-ġewwa hu responsabbilta’ ta’ kulħadd, inkluż tagħna l-Maltin. Jiġifieri hu meħtieg li r-responsabbilta’ li tatna l-ġografija jgħinuna nerfgħuha.( Il-fruntiera mhiex importanti biss biex jinġabar dak dovut għad-dwana.)
Biex dan iseħħ hemm bżonn li jinbidlu r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea magħrufin bħala Dublin II (magħrufa ukoll bħala l-Konvenzjoni ta’ Dublin). It-tibdil meħtieġ jagħmilha possibli li immigranti jiċċaqalqu mill-pajjiż fejn jaslu għal pajjiż ieħor fejn tkun tista’ tiġi ipproċessata t-talba tagħhom għal status ta’ refuġjat.
Alternattiva Demokratika ilha snin li ikkonvinċiet lill-partiti l-Ħodor Ewropej li din hi t-triq il-quddiem: triq li permezz tagħha r-responsabbilta’ li illum qed terfa’ Malta u l-istati l-oħra fuq il-fruntiera tan-nofsinnhar tal-Ewropa tibda tintrefa’ minn kulhadd flimkien.
Imma mhux kulħadd jaqbel ma dan. Il-Partiti l-oħra fl-Ewropa s’issa ma qablux ma dan.
Il-Ġermanja, per eżempju hu wieħed minn 24 pajjiż fl-Unjoni Ewropeja li ma jridx jibdel l-affarijiet. Jippreferi li d-deċiżjonijiet dwar kemm il-pajjiż jieħu refuġjati joħodhom hu. Fil-fatt fil-Ġermanja matul is-sena li qegħdin fiha ser ikunu ġew aċċettati 100,000 refuġjat. Punt interessanti fl-aħbarijiet fi tmiem il-ġimgħa kien dak li intqal minn Katrin Göring-Eckardt co-leader ġdida tal-Ħodor Ġermaniżi li indikat li biex id-diskussjonijiet dwar il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid Ġermaniż bejn id-Demokristjani u l-Ħodor jipproċedu huwa essenzjali (fost ħafna affarijiet oħra) li jkun hemm tibdil fil-posizzjoni dwar l-immigrazzjoni attwalment f’idejn il-Ministru tal-Intern Hans Peter Friedrich, allejat lemini ta’ Angela Merkel mis-CSU tal-Bavaria. (ara New York Times tal-11 t’Ottubru 2013 : Sinking of Migrant Boat off Italy complicates politics in Germany).
Fid-dawl ta’ dan hu ċar li l-uġiegħ ta’ ras ta’ Joseph Muscat qabel ma jikkonvinċi lill-istituzzjonijiet Ewopej hi biex jikkonvinċi lil sħabu fil-partiti Soċjalisti Ewropej li minn fosthom hemm 10 Prim Ministri. Jekk dawn jagħtuh l-appoġġ ikun iktar faċli li naslu bħala pajjiż. Imma ħlief Enrico Letta, Prim Ministru tal-Italja, s’issa l-ebda kap ta’ Gvern fl-Unjoni Ewropeja għadu ma esprima ruħu.
Ħafna drabi jsir l-iżball li ninsisitu b’qawwa kbira dwar x’għandha tagħmel l-Ewropa mingħajr ma nirrealizzaw li l-Ewropa hi aħna ukoll, kif ukoll dawk ta’ madwarna.
Alternattiva Demokratika diġa’ ħadet posizzjoni ċara dwar dan kollu. Għax aħna ukoll parti mill-Ewropa għamilna l-parti tagħna u wittejna t-triq. Wrejna li hu possibli li fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja jkun hemm appoġġ biex ir-responsabbilta’ għall-immigranti li illum qed jintrefa minn Malta waħedha tibda jintrefa minn kulħadd. Il-Ħodor Ewropej bdew. Il-Ħodor Ewropej tawna l-appoġġ billi qablu ma ħtieġa ta’ riforma tal-Konvenzjoni ta’ Dublin bħala pass essenzjali biex ir-responsabbilta’ għall-immigranti nerfgħuha flimkien. Dan hu l-uniku mod li bih nistgħu naslu. B’solidarjeta’ ta’ vera.
kif ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 14 t’Ottubru 2013