It-tanker tal-gass waqt il-maltemp: fil-port jew barra?

Delimara floating gas stirage terminal

Il-bieraħ fil-gazzetti kellna żewġ rapporti li jgħidu affarijiet bil-maqlub dwar it-tanker tal-gass.

Is-Sunday Times tgħidilna li waqt il-maltemp it-tanker ikollu joħroġ barra mill-port, waqt li l-Malta Independent on Sunday tgħidilna li ser jibqa’ hemm imma li ser jittieħdu miżuri biex ikun protett.

Huwa fatt li l-maltemp fil-Port ta’ Marsaxlokk jista’ jkun qalil. Fil-fatt fil-Freeport stess, minkejja l-protezzjoni parzjali mill-breakwater ukoll ikun hemm id-diffikultajiet tant li  jkollhom jissejħu t-tugboats għall-għajnuna.

L-Independent tikkwota lill-project manager tal-Electrogas li min-naħa tagħha tispjega dwar il-miżuri addizzjonali li huma ippjanati li jittieħdu matul il-ġimgħatejn li ġejjin. Il-project manager Catherine Halpin spjegat lill-Independent li ser tkun stallata fil-port sistema speċjali ta’ rmiġġ (mooring system) magħrufa bħala Spread Mooring System li huwa ippjanat li tagħti protezzjoni addizzjonali lit-tanker li ser ikun fil-port b’mod permanenti meta jkun hemm il-maltemp.

Tajjeb li issa għandna din l-informazzjoni għax s’issa ma jidhirx li huma aċċessibli r-rapporti li jeżistu dwar dawn il-miżuri.

Nistennew u naraw eżattament x’ser jiġri.