Jistaqsuni: meta ser twarrab?

Il-kritika tal-ħidma tal-ADPD minn xi ġurnalisti xejn ma iddejjaqni, anke meta din ma tkunx ġustifikata, anke meta min jagħmilha jkun għamel ix-xhur jinjorana. Il-kritika, anke meta tkun distruttiva, hi dejjem ta’ għajnuna biex tifhem x’inhu għaddej minn moħħ dak jew dik li tagħmilha. Biex tidentifika u tifhem aġenda moħbija.

Iktar kmieni matul il-ġimgħa kkummentajt fuq dan il-blog li jkun għaqli u fl-interess tal-partit, jekk jiena ma nibqax fit-tmexxija. Hu dejjem tajjeb li jkun hemm uċuħ ġodda, idejn ġodda u ideat ġodda.

Però hu tajjeb li nifhmu li b’uċuħ ġodda mhux bil-fors li nimxu l-quddiem.

Kemm ilni nmexxi l-partit dejjem fittixt li nagħti spazju liż-żgħar u lill-ġodda biex ikunu jistgħu jaħdmu. Mhux biss biex joħorġu b’ideat imma biex ikun possibli li l-ideat tagħhom jirriflettu ruħhom fil-politika tal-partit: kemm f’dak li ngħidu kif ukoll fil-mod kif inġibu ruħna.

Nifhem li hemm min il-kampanja tagħna ma għoġbitux. Hemm min xtaqna b’politika ta’ konfront, imma aħna għażilna politika tar-raġuni li tħalli l-appell għall-emozzjoni fil-ġemb. Dan deher ċar fil-ftit opportunitajiet li ngħatajna f’dibattiti mal-partiti l-oħra. Dak tal-Università hu forsi l-aħjar eżempju li s-sehem tiegħi fih kien appreżżat mill-ġurnalisti ewlenin. Hemm min ma qabilx miegħi: din xi ħaġa naturali. Però l-fatt li meta kont qed nitkellem jien waqa’ skiet perfett uriena li z-żgħażagħ presenti riedu jisimgħu. Kellhom għatx għal informazzjoni u argumenti li normalment ma jisimgħux. Dan ukoll hu kontribut importanti u pożittiv li tajna lill-kampanja elettorali!

Ir-riżultat tal-elezzjoni li bih kważi irduppjajna l-voti li ksibna fl-elezzjoni tal-2017 ifisser li xi ħaġa tajba għamilna, għax kieku dan ma kienx minnu l-voti kienu jonqsu u mhux jiżdiedu.

Bla dubju l-ħidma tagħna hemm ħafna x’jista’ jitjieb fiha.  Dan jiddependi minn diversi affarijiet.

Bosta minn dawk li jaqblu mal-partit u jappoġġawh, anke fil-pubbliku, huma mpenjati f’elf ħaġa: m’għandhomx ċans għall-attiviżmu politiku. Aħna m’għandniex każini, u l-anqas hemm il-ħsieb li jkollna! L-anqas uffiċċju ma’ għandna: fil-fatt meta jkun hemm il-bżonn nislef l-uffiċċju tiegħi għall-laqgħat tal-partit!

Fondi m’għandniex wisq: fil-kampanja infaqna madwar €7,000 u bħalissa għaddejjin b’kampanja biex niġbru l-fondi għax ftit li xejn baqa’!

Dan kollu jillimita l-mod dwar kif nistgħu nwasslu l-messaġġ tagħna. Imma rnexxielna nwassluh, avolja b’diffikultà.

Uħud qed jagħtuni l-pariri dwar x’għandi nagħmel. Anke qed jgħidu li jiena ser nirreżenja meta jiena ma għidt xejn minn dan. Jiena konvint li għandi nagħmel il-wisa’ lil ħaddieħor. Però jkun żball kbir jekk nagħmel kif qed jippretendu uħud li nwarrab immedjatament! Inkun irresponsabbli jekk nagħmel hekk.

Hi responsabbiltà tiegħi li nara l-partit jiffunzjona f’kull ħin. Dan ser nibqa’ nagħmlu sal-aħħar minuta meta ngħaddi t-tmexxija lil ta’ warajja. Dan ser iseħħ imma l-waqt li jseħħ nagħżlu flimkien ma sħabi, biex il-partit, sadanittant, ikompli jissaħħaħ!

Xkupa ħadra tnaddaf: il-manifest elettorali

Iktar kmieni illum laqqajt il-Kumitat Eżekuttiv tal-partit u bdejna id-diskussjoni tal-Manifest Elettorali.

Il-laqgħa tkompli għada meta mistenni li jkollna d-dokument finali approvat.

Lejn nofs il-ġimgħa nippubblikaw id-dokument.

Grażżi lil kull min ta’ sehem biex tlesta x-xogħol konness ma dan il-manifest elettorali.

Kif tista’ teħodhom bis-serjetà ?

Illum aħna ippubblikajt il-lista tal-kandidati, għaxra b’kollox. Għoxrin kandidatura għax kollha ser nikkontestaw fuq żewġ distretti. Imma f’kull distrett hemm ta’l-inqas kandidat wieħed.

Il-kumment li ser nagħmel illum hu dwar l-ambjent.

Qed nosserva kemm il-Labour qed jinqanzħu biex jgħidulna li ser jieħdu ħsieb l-ambjent.

L-ewwel qaċċtu kull siġra li raw u  kaxkru kull rokna ħamrija li raw b’għajnejhom. Issa jridu jippumpjaw il-miljuni biex joħolqu l-ispazji miftuħa.

Kif tista’ teħodhom bis-serjetà meta ma sħabhom l-iżviluppaturi qerdu kullma raw b’għajnejhom?