Riklami dwar il-karozzi

 

 

 

Il-battalja għall-bejgħ tal-karozzi tkompli.

 

Fil-Belġju l-awtorita li tirregola r-reklami ddeċidiet illi reklam dwar it-Toyota Prius kien jisgwida (misleading).

 

Din hi t-tieni darba fi spazju ta’ ftit xhur li qed jingħata ruling bħal dan. F’dan il-blog f’post intitolat Riklami riklam simili tat-Toyota Prius kien ukoll deskritt bħala li jisgwida.

 

Il-battalja għal min jidher li hu l-iktar sensittiv għall-impatti ambjentali għaddejja u tiħrax iktar.

 

Ir-riflessjoni tiegħi hi waħda. Iktar milli naħsbu f’liema hi dik il-karozza li timpatta l-inqas fuq l-ambjent, ikun tajjeb li nifhmu li kollha kemm huma jagħmlu effett. F’pajjiż bħal tagħna fejn id-distanzi huma żgħar għandna vantaġġ li bi transport pubbliku organizzat tajjeb nistgħu ngħaddu mingħajr karozzi privati. Għax ikun vernament “b’tal-linja jaqbillek”.    

Riklami

 ir-riklam tas-Shell li dwaru sar l-ilment

 

Fir-riklami mhux darba li jingħadu affarijiet li ma jkunux preċiżi. Xi drabi fil-fatt nitbissmu b’uħud mir-riklami. Dan ikun minħabba esagerazzjoni fil-mod kif jiġi ppreżentat il-punt.

 

Imma hemm riklami li jagħtu informazzjoni żbaljata dwar materji ambjentali. Dawn jistgħu jqarrqu u b’hekk jittamaw li jiġbdu klijenti addizzjonali minħabba l-messaġġ ambjentali imwassal.

 

Reċentement, fir-Renju Unit ġie ippubblikat ir-rapport annwali għas-sena 2007 tal-Advertising Standards Authority. F’dan ir-rapport jingħad li kien hemm żieda drammatika f’ilmenti dwar materji ambjentali f’410 riklam, u dan meta mqabbel mal-ilmenti dwar 83 riklam fis-sena 2006.

 

In-nies qed titħawwad b’min jgħid mod u min jgħid ieħor.

 

Fost ir-riklami eżaminati kien hemm wieħed tas-Shell li wera l-fjuri ħierġin miċ-ċmini, ieħor dwar ir-Ryan Air (fuq kemm l-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-emissjonijiet) u ieħor dwar it-Toyota Lexus li juża l-kliem “High Performance, Low Emisions, Zero Guilt”. L-Awtorita ikkonkludiet li l-użu tal-kliem Zero Guilt kien “misleading” għax jimplika li din il-karozza m’għandha l-ebda, jew kważi l-ebda impatt ambjentali.