L-ilma mormi l-baħar

 

 

 

 
 

 

 

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) taħseb li d-drenaġġ ippurifikat m’għandux valur ekonomiku. Ħadd ma jrid iħallas għalih. Jidher li għalhekk hemm l-arranġament li l-ilma msoffi jispiċċa l-baħar.

 

Dan huwa riżultat tal-inkompetenza tal-awtoritajiet li ħallew aċċess inkontrollat għall-ilma tal-pjan permezz ta’ boreholes illegali mifruxin ma’ Malta kollha. Din hi responsabbilta tal-Awtorita Maltija tar-Riżorsi iżda għal snin twal kienet ukoll responsabbilta tal-KSI.

 

Jekk l-awtoritajiet tul is-snin ippermettew it-teħid tal-ilma tal-pjan b’xejn permezz ta’ boreholes illegali, m’huwiex ovvju illi ħadd m’hu lest li jħallas biex juża l-ilma irriċiklat ? Jekk tista’ liberament tinqeda b’xejn tkun baħnan jekk tħallas !

 

Il-KSI tidher li assumiet li m’huwiex ser ikun hemm bdil fis-sitwazzjoni u għalhekk għażlet speċifikament is-siti għall-impjanti tad-drenaġġ fit-truf ta’ Malta fejn huwa iktar possibli li l-ilma msoffi jintrema l-baħar mil-ewwel. Dawn huma l-istess postijiet li minnhom kien (u għadu s’issa) jintefa d-drenaġġ fil-baħar. Li kieku taw każ li l-ilma seta jintuża kienu jintagħżlu siti iktar viċin iċ-ċentru tal-pajjiż biex dan ikun aċċessibli bla diffikulta fiż-żoni agrikoli kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ ħafna spejjes addizzjonali.

 

Id-Direttiva tal-EU dwar id-drenaġġ [EU Wastewater Directive] tistabilixxi biss il-kwalita li l-ilma jrid ikollu qabel ma jintefa’ l-baħar. Ma toffri l-ebda gwida dwar x’jista’ jsir mill-ilma. Dak sta għalina f’Malta biex niddeterminawh. Meta tqies li madwar 60% tal-ilma tax-xorb f’Malta huwa prodott b’mod artifiċjali u bi spiża sostanzjali permezz tal-impjanti ta’ disalinazzjoni, huwa irresponsabbli li l-ilma prodott mill-impjant ta’ purifikazzjoni tad-drenaġġ jitqies bħala xi ħaġa ta’ bla valur. Qed nitkellmu dwar xi ħaġa (l-ilma) li f’pajjiżna dejjem kienet skarsa.

 

Mhux il-bogħod il-jum meta bħala riżultat ta’ iktar tnaqqis fl-ilma tal-pjan, kif ukoll bħala riżultat tal-miżuri li Malta trid tieħu biex timxi mal-EU Water Framework Directive ser ikun neċessarju li jkun ikkunsidrat li l-ilma prodott mill-impjanti tal-purifikazzjoni tad-drenaġġ fix-Xgħajra u ċ-Ċumnija tal-Mellieħa ikun użat. Imbagħad ser ikun hemm min jirrealizza illi l-impjanti tar-riċiklaġġ tad-drenaġġ qegħdin il-bogħod wisq. Imbagħad ser ikun hemm min jargumenta li l-ispiża biex ikun trasportat l-ilma hi għolja wisq.

 

Din hi inkompetenza amministrattiva. Min ser jassumi r-responsabbilta’ ?

Advertisements