Evarist Bartolo u l-politika tal-iskalora

skalora

Bħalissa qed naqraw fil-gazzetti l-argumenti li qed iġib Evarist Bartolo dwar il-posizzjoni taċ-Chairman tal-Awtorità dwar is-Servizzi Finanzjarji (MFSA)  l-Professur Joe Bannister. Varist qed isostni li l-involviment ta’ Bannister f’hedge fund fil-gżejjer Cayman hu konflitt ta’ interess li minħabba fih Bannister ma messux qiegħed jokkupa l-posizzjoni  sensittiva ta’ Chairman tal-MFSA.

Il-Professur Bannister isostni li diġa ta l-ispjegazzjonijiet tiegħu ħames snin ilu, li ġew aċċettati minn Lawrence Gonzi u Joseph Muscat.

L-attakk ta’ Varist Bartolo f’dan il-mument, fl-opinjoni tiegħi, mhux daqstant attakk fuq il-Professur Bannister. Bannister huwa fil-mument l-aħjar medium għal Varist biex jiffoka fuq ir-responsabbiltà kollettiva tal-Kabinett bl-użu ta’ lingwaġġ li bih ma jkunx imdarras il-Laburist.

L-attakk reali hu kontra r-resistenza ta’ sħabu fil-Kabinett biex jiftħu għajnejhom dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Resistenza li minħabba fiha m’humiex jirrealizzaw il-gravità tas-sitwazzjoni li timmerita rizenja immedjata ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco, inkella t-tkeċċija tagħhom.

It-Times tal-lum fil-fatt tirrapporta lil Varist jgħid “One sees someone defending somebody else, mentioning seriousness and principles, and then one finds that there are personal obligations and that the two are doing very well together.”

Dan Varist jgħidu fil-kuntest tal-kritika tiegħu indirizzata lejn il-Professur Joe Bannister. Il-mira reali iżda, fil-fehma tiegħi, hi Joseph Muscat u d-difiża li Muscat qed jagħmel lil Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco.

Din hi l-politika tal-iskalora li biha l-Gvern ta’ Joseph Muscat filwaqt li jiddefendi lil min mexa ħażin qiegħed, fl-istess ħin, kontinwament, ikanta favur is-serjetà fit-tmexxija imma mhux jirrealizza li qiegħed kontinwament jegħreq, imdawwar bl-iskalora. U kif qallu l-professur l-ieħor, Simon Busuttil, fl-iskalora diffiċli jsalva mill-għarqa.

Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni

Dak li għaddej fil-Parlament bħalissa hu serju ħafna.

L-ewwelnett hu serju fih innifsu li l-Parlament jiddiskuti mozzjoni ta’ ċensura f’Ministru. Hemm bżonn li jkun hemm iktar okkazjonijiet fejn Membri tal-Parlament li jkollhom il-fehma li Ministru jew ieħor naqas iġibu l-materja għad-diskussjoni.

Imma dak li qed jiġri issa fil-Parlament m’huwiex biex jiġi diskuss l-operat ta’ Ministru li naqas jew ta’  Ministeru li ma ħadimx.  L-affarijiet illum fil-Ministeru tal-Intern m’humiex wisq differenti milli kienu meta kien Ministru tal-Intern Tonio Borg matul il-perjodu 1998-2008. Pjuttost huma ftit aħjar.  Imma matul dawk l-għaxar snin l-Opposizzjoni Laburista ma ressqet l-ebda mozzjoni ta’ ċensura fil-Ministru tal-Intern.

Fil-qasam tal-ambjent hemm disastru. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Mario de Marco.

Fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd kif ukoll fil-qasam tar-Riżorsi l-affarijiet m’humiex sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura  ma tressqet kontra Ġorġ Pullicino.

Fl-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma l-affarijiet huma ferm il-bogħod milli jkunu sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni  ta’ ċensura ma tressqet kontra Tonio Fenech.

L-Opposizzjoni ressqet ukoll mozzjoni ta’ ċensura kontra Richard Cachia Caruana.

Dwar Richard Cachia Caruana u Carm Mifsud Bonnici tkellem b’mod kritiku Franco Debono. Għamel dan għar-raġunijiet tiegħu li spjega fil-pubbliku. Bħalissa l-Opposizzjoni taf kif jaħsibha Franco Debono fuq dawn it-tnejn min-nies u qed tipprova tisfrutta l-opportunita li għandha quddiema. L-ambjent, l-agrikultura, is-sajd, ir-rizorsi, l-enerġija u l-ilma għandhom importanza inqas għal Franco Debono f’dan il-mument meta tqabbilhom mal-Ministeru għall-Intern jew ma  Richard Cachia Caruana.

Li qegħda tagħmel l-Opposizzjoni hi ħaġa sempliċi ħafna: sabet punt dgħajjef tal-Partit fil-Gvern u qed tattakkah fejn iweġġa’. Hi għażla politika tal-Opposizzjoni li ssib fejn il-Gvern hu l-iktar debboli u tiftaħ attakk feroċi . Ilha għaddejja b’din l-istrateġija minn Novembru meta tressqet il-mozzjoni dwar Austin Gatt li dwarha, Franco Debono wara li għamel ħafna dikjarazzjonijiet favur il-mozzjoni bidel il-ħsieb u astjena.

Jidher li l-Opposizzjoni  ser tibqa’ għaddejja b’din l-istrateġija sakemm tinfed u jkollha vot favur tagħha.  Lil min tolqot u tweġġa’ fil-proċess m’hux wisq ta’ relevanza għaliha. L-oġġettiv tal-Opposizzjoni hu l-kollass tal-Gvern. Dan il-kollass, bid-dikjarazzjonijiet ta’ Franco Debono jidher li hu possibli.

Meta l-Opposizzjoni titlob iċ-ċensura ta’ Ministru u dak il-Ministru jsib l-appoġġ ta’ sħabu kollha ifisser li l-attakk fuq il-Ministru hu ukoll attakk fuq il-Gvern kollu. Għax meta l-Gvern jagħżel li jiddefendi lill-Ministru ifisser li qed jagħtih l-appoġġ u jidentifika ruħu miegħu. Dan wara kollox hu t-tifsira tad-dutrina tar-responsabbilta kollettiva. Il-Gvern bid-difiża li qed jagħmel lil Carm Mifsud Bonnici qed jgħid bla tlaqliq li r-responsabbilta’ mhiex ta’ Carm iżda hi waħda kollettiva tal-Gvern. Għalhekk  attakk (politiku) fuq membru tal-Gvern qed jiġi ikkunsidrat li hu attakk politiku fuq il-Gvern kollu.

X’ser jiġri  nhar l-Erbgħa naħseb li ħadd m’għandu idea. L-iktar meta wieħed iqis li saru diversi dikjarazzjonijiet li imbagħad ma issarfux.

Nistennew u naraw fejn ser tasal l-Opposizzjoni.

Sadanittant il-ħin għaddej. Dak ma jistenna lil ħadd.