Il-votazzjoni kmieni w il-pazjenti bid-dimentia

complaint. San Vincenz

 

Bdiet il-votazzjoni kmieni u magħha bdew l-argumenti. Il-gazzetti online (Times, Independent, Malta Today) qed jikkummentaw dwar il-pazjenti rikoverati fid-djar għall-anzjani li jbatu mid-dimentia.

Dawn il-pazjenti għandhom jew m’għandhomx jivvutaw?

L-ewwel reazzjoni tiegħi hi għalfejn titqajjem issa din l-issue? Fil-każ ta’ min ilu jbati mid-dimentia setgħu faċilment ittieħdu passi ferm qabel illum. Jeżistu mekkaniżmi fil-liġi li jippermettu illi persuna ma tibqax ikollha vot jekk ikun aċċertat minn Bord Mediku illi ma tistax teżerċita l-ġudiżżju meħtieġ biex tiddeċiedi kif għandha tivvota.

Imma jekk dan s’issa ma sarx hi responsabbilta’ tal-Kummissjoni Elettorali li tieħu d-deċiżjoni dwar x’għandu jsir.

Il-Kummissjoni Elettorali timxi b’dan il-mod. Persuna li isimha jidher fir-reġistru elettorali tingħata l-faċilita li tivvota dejjem. Ma jistgħux jiddeċiedu l-qraba jew l-istaff tal-isptar/dar tal-anzjani għaliha. Tiddeċiedi hi x’għandha tagħmel. Jekk il-persuna tagħżel li tivvota waħedha għandha kull dritt li tagħmel dan. Jekk titlob assistenza minn naħa tal-Assistenti tal-Kummissjoni Elettorali li jkunu mal-kaxxa tal-vot dawn jagħtu l-assistenza mitluba. Imma dawn għandhom jingħataw struzzjonijiet ċari mill-persuna li titlob l-assistenza tagħhom. Jekk din il-persuna tkun tidher mifxula u ma jkollhiex idea x’inhu għaddej ma tistax tagħti struzzjonijiet ċari lill-Assistenti tal-Kummissjoni Elettorali. Dawn ma jkunux allura jistgħu jagħtu l-assistenza mitluba għax ma jistgħux jiddeċiedu huma, iżda jridu jwettqu dejjem ix-xewqat tal-votant.

Is-sistema elettorali tagħna allura tipprovdi salvagwardji biżżejjed biex tħares id-dinjita tal-votant. Kollox jiddependi fuq l-integrità personali tal-Assistenti tal-Kummissjoni Elettorali.

Id-diffikulta dwar l-Assistenti tal-Kummissjoni Elettorali hi li fil-każ ta’ referendum ikollhom rapprezentanti biss mill-Partiti Politiċi fil-Parlament. Il-promuturi tar-referendum, kif ukoll dawk li jopponu, huma injorati kompletament.

Allura biex tkun imħarsa d-dinjita’ tal-pazjenti niddependu fuq il-partiti rapprezentati fil-Parlament, apparti fuq l-integrità personali tal-Assistenti tal-Kummissjoni Elettorali.