L-iżvilupp sostenibbli u l-Kunsilli Lokali f’Malta

 

Stavros Dimas, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-Ambjent, fil-blog tiegħu ta’ nhar is-26 ta’ Mejju 2008 ppostja kitba intitolata Green Cities for Life.

 

Dimas jikkummenta fuq dikjarazzjoni iffirmata minnu u minn Paddy Bourke, Sindku ta’ Dublin u President tal-Union of the Capital Cities of the European Union u minn Gino van Begin Direttur Reġjonali tal-għaqda internazzjonali Local Government for Sustainability.

 

B’hekk qed tingħata bidu għall-kompetizzjoni għal environmentally friendly cities, inizzjattiva li ħadha Jüri Ratas ex-Sindku ta’ Tallinn u presentement Viċi President tal-Parlament tal-Estonja.

 

 

Kemm għandu rwol il-ħarsien tal-ambjent fil-Kunsilli Lokali Malti ?  Fl-opinjoni tiegħi tweġiba tvarja bejn Kunsill u ieħor. Anke il-livell tal-impenn ivarja ħafna.

 

Fittixt ukoll biex nara ftit il-Kunsilli Lokali Maltin kemm jagħtu importanza lill-iżvilupp sostenibbli. Meta ippruvajt nara liema huma l-ibliet madwar id-dinja li huma imsieħba fl-għaqda internazzjonali  Local Government for Sustainability    sibt li ma kien hemm l-ebda Kunsill Lokali minn Malta. Hemm 162 imsieħeb mill-Ewropa Ċentrali u tal-Punent  iżda l-ebda wieħed minn dawn m’hu minn Malta.

 

 

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern illi l-politika tiegħu matul il-ħajja ta’ dan il-Parlament ser tkun ibbażata fuq il-kuncett ta’ żvilupp sostenibbli għandna nistennew li jkun hemm kambjament għall-aħjar matul ix-xhur li gejjin.

L-injam tal-għamara tiegħek minn fejn ġie ?

 

 

Mhux biss l-għamara, iżda l-bibien ukoll !

 

F’Marzu li għadda l-Friends of the Earth (FoE) ippreżentaw rapport lil Stavros Dimas, Kummissarju tal-EU dwar l-Ambjent, intitolat Building On Forest Destruction. Timber use in EU-financed building projects.

 

F’dan ir-rapport il-FoE jgħidu li nofs l-injam użat fl-Unjoni Ewropea ġej minn żoni fejn il-foresti huma mhedda u fejn is-siġar jinqatgħu b’mod illegali.

 

Il-qtugħ tas-siġar bl-addoċċ (illegal logging) qiegħed jikkontribwixxi għall-bdil fil-klima. Dan billi qiegħed inaqqas dawk li nsejħulhom carbon sinks. Għax is-siġar iservu, fost affarijiet oħra biex isaffu l-arja mill-carbon dioxide u minflok jipproduċu l-ossignu. B’dan il-mod jonqos mill-arja gass li jikkontribwixxi għaż-żieda fit-temperatura.

 

Issa l-injam għandna bżonnu. Imma nistgħu nagħmlu użu minnu b’mod responsabbli, b’mod sostenibbli. Dan isir billi jiġi assigurat li għal kull siġra li tinqata’ titħawwel oħra. Issa l-injam li jinqata’ minn foresti fejn hemm użu sostenibbli tas-siġar huwa ċċertifikat minn organizzazzjoinijiet imwaqqfa apposta bħall-Forest Stewardship Council. Iċ-ċertifikazzjoni li jagħtu dawn ifisser illi min qata’ s-siġra li minnu sar dak l-injam aġixxa b’mod responsabbli, u assigura użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresta.

 

Issa Dimas meta kien ippreżentat b’dan ir-rapport tal-FoE qal li l-EU ser tibda proċess dwar Direttiva fuq l-użu sostenibbli tal-injam. Għax l-EU trid tagħti s-sehem tagħha fil-ġlieda kontra l-bdil tal-klima u kontra l-użu abbużiv tar-riżorsi tal-foresti madwar id-dinja. Meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, injam jew inkella prodotti tal-injam bla ċertifikazzjoni dwar is-sostenibilita tagħhom ma jkunux jistgħu jinbiegħu facilment.

 

L-ambjent inħarsuh bil-fatti.

Lejn tmiem Mejju 2008 suppost li l-EU tibda l-proċess li jwassal lejn din id-Direttiva ġdida.

L-Impjant Ta’ Sant’ Antnin f’Marsaskala – Ftit Riflessjonijiet

castille1.jpg

 

 

  

Wara l-Konferenza Stampa tal-bieraħ fejn ippubblikajt ir-rapport dwar l-impjant ta’ Sant’ Antnin f’Marsaskala li nżamm sigriet għal sena sħiha huwa xieraq li nagħmel ftit riflessjonijiet fuq il-kummenti li ntqalu matul dawn il-ġranet.

 

L-ewwel nett : Fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadin fil-konfront tal-istat l-istituzzjonijiet f’Malta huma dgħajfa. L-istituzzjonijiet mhux biss naqsu minn dmirhom li jfornu l-informazzjoni talli rromblaw minn fuq kulħadd. Dan huwa wieħed mis-sintomi ta’ Gvern ta’ Partit wieħed. Fejn jidħlu l-interessi tal-partit fil-Gvern l-istituzzjonijiet jiġġammjaw.

 

It-tieni :  L-istudji dwar il-kwalita tal-arja u l-irwejjaħ hemm bżonn li jsiru malajr kemm jista’ jkun. L-Alternativa Demokratika bħala parti minn Gvern ta’ Koalizzjoni fi ftit żmien ieħor ser tassigura li dan isir. Wara li jkunu konklużi dawn l-istudji jkunu jistgħu jibdew jittieħdu d-deċizjonijiet li jkun hemm bżonn dwar l-impjant.

 

It-tielet : Mhux veru li l-Unjoni Ewropea permezz tal-Kummissarju Dimas qalet li dwar l-impjant ta’ Sant’ Antnin kollox sew. Qalet biss li ma nkisrux direttivi ambjentali ewropej. Jekk inkisrux jew le liġijiet u regolamenti Maltin irridu naraw aħna hawn Malta. Dan kumment li tajtu lix-Xandir tal-Istat nhar is-Sibt li iżda ġie ċċensurat għax ma jdoqqx għall-widejn il-Gvern. Sintomu ieħor ta’ Gvern ta’ Partit wieħed.

 

Ir-raba’ : Il-Ministru tal-Ambjent f’dan il-każ indaħal fejn ma jesgħux. Il-liġi dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp ma tippermettilux li jagħmel dan. Kien hemm ic-Chairman tal-MEPA, id-Direttur Ġenerali u d-Diretturi l-oħra li setgħu faċilment jimmoniterjaw il-mod kif l-applikazzjoni kienet qed tiġi pproċessata. Huwa dmir tagħhom. Ir-rwol tal-Ministru hi definit b’mod ċar ħafna fil-liġi. Dak li għamel fuq din l-applikazzjoni m’għandu l-ebda bażi fil-liġi. Abbuża mill-posizzjoni tiegħu.

 

Il-ħames : Il-lezzjonijiet li joħorġu minn dan il-każ irridu nitgħallmuhom sewwa, għax iridu jsiru żewg impjanti oħra. Wieħed f’Għawdex u ieħor fit-tramuntana tal-pajjiż. Ma jistax ikun li d-disgwid li nqala’ jirrepeti ruħu. In-nies iridu jkunu rispettati f’kull ħin.