Niġġeneraw l-enerġija elettrika mill-mewġ

 

Nhar is-Sibt attendejt għal presentazzjoni dwar proġett ta’ riċerka li meta jkun konkluż għandu jwassal biex mill-mewġ nieħdu l-enerġija u nikkonvertuha f’elettriku.

Dan hu proġett ta’ riċerka li beda ftit iktar minn sena ilu bejn kumpanija Maltija u oħra Daniża. Flimkien ħolqu d-Dexawave Energy Malta li bdiet tesperimenta barra mill-kosta ta’ Marsaskala. Ir-riċerka ħtieġet li tistabilixxi jekk il-mewġ fl-ibħra Maltin jistax jintuża biex minnu jiġi ġġenerat l-elettriku. Biex dan isir inħadem apparat imsejjaħ wave convertor biex jibdel iċ-ċaqlieq tal-mewġ f’enerġija.

Ir-riċerka għada għaddejja u minn dak magħruf s’issa jidhru riżultati posittivi fuq ix-xefaq! Biex il-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika mill-mewġ tkun waħda ekonomika” huwa stmat li hu meħtieġ madwar 2,000 siegħa ta’ mewġ fis-sena b’għoli ta’ bejn tnejn u tlett metri.  Mill-informazzjoni li ġbart baqa’ madwar 4 xhur biex tagħlaq is-sena riċerka u diġa ntlaħqu l-1,400 siegħa ta’ mewġ tajjeb biex jiġi ġġenerat l-elettriku.

Din ir-riċerka kienet possibli bl-għajnuna tal-Programm Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Huwa maħsub li jitqegħdu 24 wave convertor bħal dak fl-istampa hawn fuq( b’qies kull wieħed ta’ madwar 70 metru). Flimkien dawn l-24 wave convertor jistgħu jiġġeneraw 6 Megawatt ta’ elettriku. Dawn jammontaw għal madwar 1.5% tal-enerġija elettrika li nikkunsmaw illum bħala pajjiż. Dan l-ammont biss jissodisfa ammont sostanzjali mill-enerġija li hi ikkunsmata fil-gżira Għawdxija matul madwar disa’ xhur mis-sena!

Prosit li kull min hu involut f’din ir-riċerka.

Advertisements

It is time to ride the waves

Continue reading