
L-allegazzjonijiet dwar Alfred Mifsud huma serji ħafna. Imma huma allegazzjonijiet. Huwa diffiċli ħafna biex minn dak magħruf s’issa tikkonkludi dwar dak li jista’ jikkonvinċi lil Qrati bħala li huma l-fatti.
Dak li qalet Anna Zelbst u li ġie rappurtat verbatim fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia irid jgħaddi mill-għarbiel tal-kontro-eżami fil-Qorti u diffiċli ħafna biex minn issa tifhem kif din ser tirreaġixxi għall-mistoqsijiet li ser isirulha. Id-dubji li ser jinżergħu għall-verżjoni tagħha tal-fatti bla dubju ser jagħtu spjegazzjoni alternattiva għal dik li twasslet s’issa.
Jibqa’ l-fatt li l-Gvern dam ħafna biex irreaġixxa għal dak li ntqal, l-istess bħalma għamel f’każi oħra biex issa qed ikun ċar iktar minn qatt qabel li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jagħti każ ħafna iktar tal-ħbiberiji u tal-lealtà politika milli tat-tbajja’ (reali jew mhux) fuq l-integrità tal-kandidati li huwa jmexxi l-quddiem għal ħatriet ta’ importanza nazzjonali.
Kienet korretta għaldaqstant il-Membru Parlamentari Kristy Debono meta l-bieraħ fil-Parlament qalet li dan kollu jfisser ukoll li Alfred Mifsud għandu jkun sospiz mill-post l-ieħor li qed jokkupa bħalissa, dak ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Għal uħud jista’ jidher inġust li rapport fuq blog jingħata din l-importanza kollha u li jwassal għal dawn il-konsiderazzjonijiet. Jekk wieħed jillimita ruħu għal analiżi superfiċjali jista’ jasal għal din it-tip ta’ konklużjoni. Imma jekk taħseb ftit iktar forsi tirrealizza li dan kollu jfisser li l-Gvern ta’ Muscat m’jagħmilx eżami sewwa tal-kandidati li jkun fi ħsiebu jmexxi l-quddiem b’mod partikolari għall-karigi sensittivi u ta’ importanza nazzjonali.
Filwaqt li l-kollass ta’ relazzjonijiet personali m’humiex u m’għandhomx ikun kriterju għal dawn id-deċiżjonijiet, sfortunatament il-mod kif iġibu ruħhom persuni f’dawn iċ-ċirkustanzi joħorġu (f’mument kritiku) riflessjoni tal-karattru veru tagħhom. Għax filwaqt li l-ħajja privata tal-persuni fil-ħajja pubblika għandha tibqa’ privata tajjeb li nifhmu li s-serjetà u l-integrità tal-persuna huma riflessi ankè fil-ħajja privata tiegħu jew tagħha.
Hija din il-problema tal-ħatra ta’ persuni bħal Alfred Mifsud.