Qiegħed attent biex ħadd ma jaqbeż il-linja. Biex iżomm id-dixxiplina u jassigura ruħu li min jiżbalja jieħu dak li ħaqqu. Immedjatament. L-anqas minuta ma jdum! “Barra! Barra!” Kien qalilna.
Hekk kif ir-raġel ta’ Giovanna Debono ittella’ l-Qorti akkużat b’diversi abbużi dwar użu ta’ fondi pubbliċi żamm kelmtu w issospenda lil Giovanna immedjatament.
Għamel l–istess meta is-Sindku ta’ Victoria f’Għawdex Samwel Azzopardi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku u irrifjuta li joqgħod għall-breathalyser. Kien sospiż (jew issospenda ruħu) dakinnhar. Imma issa li nstab ħati tneħħiet is-sospensjoni. Din serjetà?
Mela l-mannara għal Giovanna biss?
Hi iktar tal-biki l-qagħda ta’ Toni Bezzina li dwaru hemm l-allegazzjoni serja li uża riżorsi tal-Gvern biex waqt il-ħin tax-xogħol sar xogħol ta’ tibjid fil-Każin Nazzjonalista taż-Żurrieq fl-2012. Bezzina fetaħ żewġ kawżi tal-libell “biex inaddaf ismu” imma dawn il-kawżi tilifhom it-tnejn. Mela ovvjament ismu ma naddfux. U qiesu ma ġara xejn !
Imma bilħaqq issa Toni Bezzina ser jappella. B’hekk itawwal ftit taż-żmien.
Wieħed kellu raġel. Dr Joseph Cassar il-pjikjatra. Meta irrealizza li żbalja, dabbar rasu. Refa fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ egħmilu.
L-aqwa li Simon Busuttil jitgħaxxaq b’Toni Bezzina u l-politika onesta.