Għażla bl-addoċċ

Wara li l-mozzjoni ta’ fiduċja ġiet approvata mill-Parlament il-Prim Ministru qalilna li l-kapitlu hu issa magħluq.

Ma naħsibx.

Kif kelli l-opportunita’ li ngħid iktar kmieni fil-kitba tiegħi fuq dan il-blog taħt it-titlu Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni  li qed jiġri hu li l-Opposizzjoni identifikat punt debboli tal-Gvern u qed tiffoka fuqu.

Ma hemm xejn li jindika li Franco Debono m’għadux il-punt debboli tal-Gvern.

Li Franco Debono kapaċi jikkritika huwa posittiv. Imma dak li ġie identifikat bħala l-motivazzjoni tiegħu għal din il-kritika huwa inkwetanti. Matul tmiem il-ġimgħa diversi gazzetti u blogs irreferew għal kummenti li intqalu minn Debono fil-konfront ta’ Carm Mifsud Bonnici li jekk minnhom jixħtu dawl fuq kif jaħdem moħħ dan il-Membru tal-Parlament.

Is-Sunday Times nhar il-Ħadd irrappurtat hekk :

The former Home Affairs Minister said that last Wednesday, after the vote, Dr Debono walked up to him and said: “Take that! This is what you get for badmouthing me with the Chief Justice.”

 

Jekk dan hu l-mod kif jaħdem moħħ id-Deputat Nazzjonalista wisq nibża’ li l-kapitlu għadu miftuħ beraħ. Anzi għadna fl-istess faċċata. Għax dan ifisser li l-Onorevoli Membru ma jaħsibiex darbtejn li fil-konfront ta’ min jaħseb li naqsu jidħol bir-ras u jfajjar b’dak li jkollu f’idejh.

Huwa ovvju li l-Prim Ministru jrid jikkalma l-affarijiet, counting his loses kif jgħidu, bit-tama li jkun jista’ jutilizza kemm jista’ milli baqa’ minn din il-leġislatura.

Imma meta tara u tisma’ x’ġara l-mistoqsija inevitabbli hi : l-partiti politiċi xi kwalitajiet ifittxu fil-persuni li jagħżlu biex jikkontestaw għall-elezzjoni ġenerali f’isimhom? Jiena (u naħseb li bosta oħra jaħsbu bħali) tal-fehma li uħud mill-kandidati jidhru li ntagħżlu bl-addoċċ.

Leħen Ieħor Favur is-Serjeta’

 

 

 

Nifraħ lil The Today Public Policy Institute u lill-awtur it-Tabib George Debono għall-pubblikazzjoni tar-rapport “Towards A Low Carbon Society ; The Nation’s Health, Energy Security and Fossil Fuels.

 

M’għandi l-ebda dubju illi din il-pubblikazzjoni ser tkun ta’ għajnuna kbira biex iċċaqlaq lill-awtoritajiet ħalli jaġixxu biex jintroduċu miżuri li jwasslu għat-tnaqqis fl-użu tal-karozzi u użu ikbar tat-trasport pubbliku.

 

F’pajjiż żgħir bħal dan dan huwa possibli. Nistgħu nagħmluh bla diffikulta għax id-distanzi huma kważi kollha żgħar.

 

Huwa tajjeb li r-rapport jemfasizza fuq il-ħtieġa li t-tassazzjoni ambjentali għandha tintuża bħala strument biex tgħin fil-bidla tal-imġieba tan-nies. Opportunita tad-deheb qegħda wara l-bieb : ir-reviżjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi. Nittamaw li l-Gvern iwettaq dak li ilu jwiegħed, jiġifieri li s-sistema l-ġdida tkun waħda li tiskuragixxi lil min iħammeg.

 

Huwa neċessarju illi s-sidien tal-karozzi tal-linja jirrealizzaw illi l-kriżi tal-prezz taż-żjut m’hiex biss problema. Hija ukoll opportunita għall-komunita biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-karozzi privati u bħala riżultat ta’ dan tagħmel użu iktar frekwenti mit-trasport pubbliku. L-opportunita qegħda hemm biex nisfruttawha kemm-il darba t-trasport pubbliku jkun reformat, jaqdi iktar lokalitajiet permezz ta’ rotot ġodda, jkun puntwali u jagħti servizz iktar fit-tul matul il-ġurnata.