Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali iġġammjat

Kostituzzjoni ta' Malta

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet smajna diversi kummenti dwar il-ħtieġa li  l-Konvenzjoni Kostituzzjonali tiċċaqlaq. Jidher ċar li preżentement hi ġġammjata!

Tkellmet l-Eċċellenza Tagħha l-President fl-okkazjoni ta’ l-ewwel anniversarju mill-ħatra tagħha fil-kariga u qalet li kienet tittama li sa tmiem is-sena (li qegħdin fiha) jkun hemm progress.

B’reazzjoni għal dak li qalet il-President tkellem ukoll l-Avukat Franco Debono li sentejn ilu, fil-bidu ta’ din il-leġislatura kien inħatar mill-Gvern bħala l-koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Dr Debono qal li inħela ħafna żmien u għadu ma sar xejn.

Id-diffikulta li forsi Dr Franco Debono ma japprezzax biżżejjed hi li filwaqt li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali għadha ma bdietx, anzi filwaqt li l-konvenzjoni innifisha għadha l-anqas biss ma ġiet iffurmata, diġa għandna l-koordinatur tagħha appuntat. Nazzarda ngħid li għandna koordinatur li hu impost fuq il-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Jiena dejjem fhimt illi kieku hemm rieda tajba biex l-affarijiet mhux biss isiru, imma jsiru sewwa, kienet tkun il-Konvenzjoni Kostituzzjonali innifisha illi taħtar lill-koordinatur tagħha. Dan il-koordinatur jista’ jkun Dr Franco Debono, imma jista’ jkun ukoll xi ħaddieħor.

Huwa inutli li noqgħodu nistaħbew wara subgħajna: kulħadd jaf li din hi ir-raġuni ewlenija għala s’issa kollox hu iġġammjat dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Il-proċess huwa delikat u seta jkun iffaċilitat ħafna iktar kieku id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens mhux b’imposizzjoni.

Dak li ġara s’issa xejn ma jawgura tajjeb għall-futur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Hemm ħafna x’jista’ jsir. Iżda il-parti l-kbira ta’ dak li jista’ jsir jirrikjedi kunsens għax fl-aħħar ser ikun meħtieġ l-approvazzjoni ta’ tnejn minn kull tlett membri tal-Parlament. Dan il-kunsens mhux ġej bħala riżultat ta’ strateġija ta’ imposizzjoni. Jista’ iżda jinbena ftit ftit jekk ikun hemm min jifhem li bil-kunsens biss nistgħu naslu.

Min għandu widnejn, ħa jisma’.

The Financing of Political Parties: (2) The White Paper

owen bonnici + franco debono

In January 2014 Government published a White Paper with its proposals on the financing of political parties.

The proposals in the White Paper resembled Franco Debono’s Private Member’s Bill which he had presented during the Eleventh Parliament.

Alternattiva Demokratika emphasised that there was agreement in principle on Government’s proposals, however the details needed to be sent back to the drawing board. Although government has yet to explain the already existing instances of state financing, (even of political parties) it was agreed the first step should be a sense of order, transparency and accountability in the financing of political parties and that subsequently the issue of state financing of political parties should also be considered.

The identification of the Electoral Commission as the regulatory authority was a major sticking point. This is due to the fact that the Electoral Commission is exclusively made up of persons enjoying the trust of the Parliamentary Parties.

AD proposed that in lieu of the Electoral Commission the regulatory authority should be the Commissioner for Standards in Public Life together with Parliament’s Standing Committee on Standards in Public Life.  These posts are being created as a result of a recommendation by a Select Committee of the House of Representatives.

It is proposed that the accounts of political parties are to be audited. However when this is considered by the legislator it should be borne in mind that not all political parties have the same financial means. The legislator should distinguish between political parties whose turnover is measured in millions of euros and those whose turnover does not exceed €15,000 per annum.

With this in mind AD proposed that in those cases where a political party’s turnover does not exceed €100,000 per annum the audit fees should be an expenditure shouldered by the regulator.

Alternattiva Demokratika did not agree with the classification of donations into four groups as the White Paper suggested; in particular AD disagreed with the concept of anonymous donations (up to €500 in one year) as well as with the proposed permissible limits for other donations,

AD drew attention that the White Paper does not make a reference to loans which a political party may have entered into without having the intention to repay the monies loaned. This was being stated in view of the “Cash for Honours scandal” in the United Kingdom,

Nor was the White Paper clear on the role of the accumulated investments of the political parties as well as the need to ensure that these are kept separate and distinct from the political parties themselves. It is to be ensured that the political parties do not make illicit use of the accumulated resources in their companies. It is to be furthermore ensured that no excuse labelled as “sensitive commercial information” is used to hide sensitive information.

The White Paper does not address the issue of public property which has accumulated in the hands of political parties. The required administrative steps should be identified to ascertain that rent paid by the parties for the use of such properties is periodically revised such that it will always be a commercial one.

AD disagreed with the new limits proposed for expenditure by candidates in electoral campaigns. They are much too high.  Alternattiva Demokratika also emphasised that the permissible limits for spending by the political parties during an electoral campaign are established.

Meta s-Servizz tas-Sigurta mar Ħal-Għaxaq: 14 ta’ Diċembru 2009

Ghaxaq Centre

l-orizzont

 

Rapport ippubblikat fl-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kien jgħid hekk:

ESKLUSSIV: Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono

MISSJONI POSSIBBLI!

miktub minn John Pisani

 

Il-paniku li ħakem in-naħa tal-Gvern nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament meta ma setax jinstab id-Deputat Franco Debono wassal biex tintalab l-għajnuna urġenti tas-Servizz Sigriet Malti (MSS) ħalli seta’ jiġi lokalizzat. Il-każ kompla jin­kwieta lill-Partit Naz­zjonalista l-aktar wara r-rapporti tal-bieraħ fil-midja, fosthom l-orizzont, fejn ġie żvelat li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u martu Kate marru personalment fir-residenza tal-Avukat Debono f’Ħal Għaxaq. Sorsi li tkellmu magħna qalu li meta t-Tnejn kien se jittie­ħed il-vot fil-Parlament u d-Deputat Nazzjo­nalista deher ħiereġ mill-bini tal-Parlament, il-paniku kien ċar min­ħab­ba li l-Gvern ma kellux maġġoranza. Wara għadd ta’ ten­tattivi biex jinstab, par­ti­ko­lar­ment mill-Whip David Agius, li rriżultaw kollha fin-negattiv u bil-ħin għaddej, xi ħadd iddeċieda li tintalab l-assistenza tas-Serivzz Sigriet biex permezz ta’ apparat sofistikat jiġi lokalizzat l-Avukat Debono. Is-sorsi qalulna li dan l-apparat li għandhom l-MSS kapaċi jintraċċa l-post eżatt tal-mowbajl tal-individwu u jkunu jafu, jekk is-sett tal-mowbajl ikun fuqu, fejn ikun dak il-ħin. Kif Franco Debono kien interċettat marru għalih l-istess Pulizija tas-Servizz Sigriet.

X’aktarx li Debono jew ma kienx jaf li jeżisti dan l-apparat jew qatt ma stenna li l-Partit Nazzjonalista kien daqshekk iddisprat li kellu jirrikori għas-Servizz Sigriet biex jittieħed lura lejn il-Parlament. Dan jiġġustifika għaliex Franco Debono deher fiżakment jirtogħod u palidu waqt li kien dieħel fil-Parlament. Kif twassal fil-Palazz tal-President deher jitkellem mad-Deputati Nazzjonalisti Jesmond Mugliett, Robert Arrigo u Jeffrey Pullicino Orlando u wara resaq lejhom David Agius. Wieħed mill-membri tas-Servizz Sigriet baqa’ jistenna isfel filwaqt li ieħor deher għal xi ħin qrib it-taraġ li jagħti għall-Kamra tar-Rappreżentanti imma telaq minn hemm wara li kien hemm diversi persuni jħarsu lejh u ħassu skomdu. Is-sorsi qalulna li dawn iż-żewġ Pulizija baqgħu hemm sakemm intemmet is-seduta kollha tal-Parlament u sakemm ittieħed l-aħħar vot bi Franco Debono fil-Kamra li vvota favur il-Gvern u ma kienx hemm bżonn il-vot tal-Ispeaker Louis Galea biex salva wiċċ il-Gvern.

 

Meta jfittxu l-passi tagħna

Big Brother is listening

Kellu jkun rapport tal-Vodafone dwar l-operazzjonijiet tagħha globali li nissel interess tal-istampa lokali dwar il-fatt li s-servizzi tas-sigurta’ f’Malta għandhom jew jista’ jkollhom aċċess għat-telefonati tagħna u/jew għal informazzjoni relatata għal dawn it-telefonati.

Dan l-aċċess hu permess mil-liġi kemm fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ kif ukoll biex tiġi difiża s-sigurta’ tal-istat.

Ħadd m’hu jikkontesta li s-servizzi tas-sigurta’ għandu jkollhom dan id-dmir.

Id-diffikulta hi dwar x’kontrolli u x’verifika issir biex ikun assigurat illi jkun ġustifikat li jkun hemm dan l-aċċess. Il-liġi Maltija tagħti din l-awtorita’ lill-Ministru responsabbli mis-Servizz tas-Sigurta. Li qed jiġi propost fid-dibattitu pubbliku li qed jiżviluppa hu li m’għandux jibqa’ jkollu l-awtorita’ li jiddeċiedi jekk is-servizzi tas-sigurta’ għandux ikollhom dan l-aċċess, iżda li din l-awtorita’ għandha tgħaddi f’idejn il-Qrati. Għandhom ikunu l-Qrati ta’ Malta li jirċievu talba għal aċċess għal informazzjoni konnessa mat-telefonati u għandhom ikunu huma li jgħarblu jekk dan l-aċċess huwiex meħtieġ u neċessarju.

Dan id-dibattitu jinkwadra fid-dibattitu usa dwar id-dritt li għandu kull ċittadin għal privatezza tad-data diġitali privata dwaru, liema argument Alternattiva Demokratika żviluppat waqt il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Sfortunatament, dakinnhar, kemm il-partiti politiċi l-oħra kif ukoll il-gazzetti u mezzi tax-xandir baqgħu siekta. Ftit ġimgħat ilu dan is-suġġett ma kien jinteressa lil ħadd!

Tajjeb li niftakru li l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-bidu t’April 2014 ħassret Direttiva Ewropeja dwar għal kemm żmien il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni għandhom iżommu data diġitali kif ukoll dwar min u kif għandu jkollu aċċess għal din id-data [Data Retention Directive]. Il-Qorti Ewropeja fil-waqt li fehmet il-ħtieġa li fl-interess tal-ġlieda kontra l-kriminalita jkun hemm aċċess mill-forzi tal-ordni ma qablitx li kien hemm biżżejjed garanziji għall-privatezza taċ-ċittadin.

Tajjeb li niftakru li minn żmien għal żmien ikun hemm allegazzjonijiet li l-forzi tas-sigurta’ jkunu abbużaw minn dan id-dritt ta’ aċċess. Per eżempju dan l-aħħar ġejna mfakkra li kien hemm dan is-suspett waqt il-kampanja referendarja dwar id-divorzju in konnessjoni mat-telfon ċellulari ta’ Varist Bartolo kif ukoll dak ta’ Jeffrey Pullicino Orlando.

Kien hemm każ ieħor li s’issa għadu ma ngħatx spjegazzjoni sodisfaċenti dwaru. Ma nafx kemm tiftakru x’ġara nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2009, dakinnhar li Franco Debono ma kienx mar għal votazzjoni l-Parlament imbagħad f’daqqa waħda tfaċċa fil-Parlament skortat.

L-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2009 kienet ippubblikat  artiklu investigattiv ta’ John Pisani intitolat : “Intuża apparat tas-Servizz Sigriet biex instab Franco Debono nhar it-Tnejn. MISSJONI IMPOSSIBLI.”

Il-Gvern, dakinnhar kien ċaħad, imma din iċ-ċaħda ma kienet ikkonvinċiet lil ħadd.

Nistgħu nissugraw li jkun possibli li l-istat jispjuna fuqna b’dan il-mod?

 ippubblikat fuq iNews nhar it-Tlieta 24 ta’ Ġunju 2014

Simon ma jiftakarx

busuttil_with_gonzi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum tkellem dwar id-diversi ħatriet ta’ Membri Parlamentari mill-Gvern tal-Labour. Qalilna li dawn il-ħatriet huma ipokrezija politika.

It-Times online illum tirrapporta hekk :

“ This government, Dr Busuttil said, had  an element of immorality in how it behaved, buying people’s silence at taxpayers’ expense.”

Taf x’ma qalx Simon?  Li Joseph tgħallem sewwa minn dak li ipprova jagħmel Lawrence Gonzi. Forsi Simon ma jiftakarx, għax ma kienx Malta, meta inħolqot il-kariga ta’ Assistent Parlamentari u fiha Gonzi ħatar il-backbenchers kollha (inkluż lil Franco Debono) . Wara Dr Gonzi kien għadda biex ħatar lil dawk li kien baqa’ mill-backbench f’ħatriet oħra : JPO (Kunsill tax-Xjenza u Teknoloġija), Ċensu Galea (Chairman tal-BICC). Dawn il-ħatriet minn Dr Gonzi kienu saru specifikament biex jagħlaq ħalq il-backbenchers. Dejjem s’intendi bil-kaxxa ta’ Malta tħallas.

Kien hemm wieħed biss li irrifjuta l-ħatra t-Tabib Jean-Pierre Farrugia.

Imma fejn irid Simon ma jiftakarx.

Is-Servizz tas-Sigurta’ f’Malta u l-politika partiġjana

interception

Il-Kap tal-Opposizzjoni għamel sewwa li talab li jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Sigurta’ imwaqqaf taħt l-Att dwar is-Servizz tas-Sigurta’ .  Kif għamel tajjeb ukoll il-Prim Ministru li aċċetta t-talba u ser ilaqqa’ l-Kumitat tas-Sigurta għada.

Il-Kap tal-Opposizzjoni hu ġustament ippreokkupat bil-presenza tal-Ministru tal-Intern għal intervisti dwar l-ingaġġ ta’ rekluti ġodda fis-Servizz tas-Sigurta. Il-preokkupazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika tmur lil hinn minn hekk għax jidhrilha li l-Ministru l-anqas rwol fl-approvazzjoni ta’ ħatriet ġodda m’għandu jkollu. Huwa preokkupanti ukoll kif il-permess lis-Servizz tas-Sigurta’ li jissemmgħu t-telefonati jingħataw mill-Ministru u mhux mill-Qorti kif jiġri fil-parti l-kbira tal-pajjiżi demokratiċi.

Għandu jingħad li dan ma sarx issa, iżda meta ġiet imfassla l-liġi  li flok ma tat is-setgħa lill-Maġistrat tal-Għassa biex jawtorizza lis-Servizz tas-Sigurta’ li jissemma’ daret fuq il-Ministru u tat l-awtorita’ lilu. Dan tefa’ dell ta’ kontroll politiku li jista’ jiġi użat mill-Gvern tal-ġurnata kif kien fil-fatt allegat li sar f’ta’ l-inqas żewġ ċirkustanzi fil-passat.

Ma nafx jekk tiftakrux meta Franco Debono ma kienx mar jivvota l-Parlament. U wara ftit tfaċċa. Dakinnhar kien intqal li l-presenza ta’ Franco Debono biex jivvota fil-Parlament waqt is-seduta tat-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2009 kienet riżultat ta’ intervent tas-Servizzi tas-Sigurta’. Kien intqal li kien intuża apparat tas-Servizzi tas-Sigurta’ biex instab.  Allegazzjoni li kienet ġiet miċħuda. Ċaħda li bosta ma emmnux.

L-istess kien ġie allegat minn Evarist Bartolo u Jeffrey Pullicino Orlando dwar min kien qiegħed jissemma’ t-telefonati ta’ bejniethom.

Alternattiva Demokratika hi ppreokkupata ukoll dwar l-ispjunaġġ elettroniku li għaddej bħalissa mill-Istati Uniti tal-Amerika fuq l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istati membri, kif żvelat minn Der Spiegel fi tmiem il-gimgħa. Ma nafux jekk Malta u l-ambaxxati tagħha humiex effettwati. Ikun għaqli jekk fil-laqgħa ta’ għada tal-Kumitat tas-Sigurta’ ikun iċċarat jekk Is-Servizz tas-Sigurta’ huwiex ippreparat biex jiddefendi l-interessi Maltin f’dan ir-rigward.

Filwaqt li Alternattiva Demokratika m’għandha l-ebda rwol fil-Kumitat dwar is-Sigurta’ nittama li mil-laqgħa ta’ għada joħroġ ċar kif dan is-servizz jista’ jitmexxa lil hinn mill-politika partiġjana.

ILLUM : nuqqas ta’ spazju ?

illum

Fil-gazzetta Illum, ippubblikata illum il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2013 ippubblikat kummenti għal mistoqsijiet li staqsiet lil diversi persuni dwar Joseph Muscat u Simon Busuttil.

Il-mistoqsijiet kienu dawn:

  1. Kif tħares lejn l-ewwel 50 jum ta’ Joseph Muscat?
  2. X’taħseb fuq l-għażla ta’ Simon Busuttil?

Jiena ġejt mitlub il-kummenti tiegħi li tajthom imma ma ġewx ippubblikati kif ippreżentajthom jiena.

Ma nafx jekk hux minħabba nuqqas ta’ spazju.

For the record il-kummenti tiegħi huma dawk riprodotti hawn taħt. Il-parti bl-aħmar tħalliet barra mill-pubblikazzjoni:

Dwar l-għażla ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-PN:

“Huwa biss iż-żmien li jagħtina parir dwar jekk l-elezzjoni ta’ Dr Simon Busuttil bħala Kap tal-PN iġibx bidla, kif ukoll x’tip ta’ bidla, fil-PN. Il-bidliet fil-PN għadhom għaddejjin u mhux magħruf x’ser tkun il-forma finali tagħhom.

Alternattiva Demokratika m’hiex ser toqgħod tispekula dwar x’jista’ jiġri.”

Dwar l-ewwel ħamsin jum tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat :

Fl-ewwel ħamsin jum il-Gvern ta’ Muscat għadu qiegħed jipprova jaġixxi ta’ Gvern, diversi drabi aġixxa ta’ partit politiku. F’ ta’ l-inqas erba’ sitwazzjonijiet aġixxa b’mod diviżiv meta kellu soluzzjonijiet alternattivi li long term kienu jagħtuh riżultati aħjar.

L-ewwel: il-grad ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeri jeżisti biex jassigura kontinwita’ b’mod partikolari meta jkun hemm bidla tal-Gvern. It-tneħħija tal-parti l-kbira tas-Segretarji Permanenti kien żball fl-ewwel ġranet tal-Gvern li seta ġie evitat. Il-parti l-kbira minnhom kienu ser jispiċċaw xorta matul it-18-il xahar li ġejjin, bl-eta. Li stenna ftit kienu jinbidlu xorta bil-kwiet probabilment fi żmien sena.

It-tieni : id-diskors li l-Gvern ħejja għall-President tar-Repubblika kien wieħed partiġġjan u ma għamel l-ebda ġid lill-kariga.

It-tielet: inevitabilment f’dawn il-ħamsin ġurnata saru ħafna ħatriet. Kien hemm diversi minnhom li kienu ta’ natura partiġjana, fl-istess stil tal-gvernijiet immexxija mill-PN.

Ir-raba’: il-ħatra ta’ Franco Debono bħala koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali kienet waħda diviżiva. Tali ħatra kella issir b’konsultazzjoni mas-socjeta ċivili.

Fost il-miżuri posittivi tal-Gvern hemm il-bidu tal-implementazzjoni tal-proposti elettorali dwar id-drittijiet tal-persuni LGBT  kif ukoll il-ftehim dwar il-kawża fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn Joanne Cassar liema ftehim ser iwassal għat-dritt ta’ persuna transgender li tiżżewweġ.  AD giet mistiedna u aċċettat li tipparteċipa fil-Kumitat Konsultattiv li qed iħejji l-proposti konkreti għad-drittijiet tal-persuni LGBT. Ġew nominati u diġa qed jieħdu sehem Angele Deguara u Collette Farrugia Bennett biex jirrapprezentaw lill-AD.

Fost il-miżuri negattivi hemm l-inkoraġġiment tal-kaċċa fir-rebbiegħa  u issa jidher li l-Gvern qed jikkunsidra li jesperimenta ukoll bl-insib minkejja li din hu pprojibit mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll skada il-perjodu transitorju stabilit mit-trattat ta’ adezjoni.

Il-Kostituzzjoni: x’ser nagħmlu?

parlament

Attendejt għall-Forum tal-President dwar il-Kostituzzjoni illum il-Ħamis 25 t’April fil-għaxija.

Hemm diversi emendi meħtieġa għall-Kostituzzjoni. Alternattiva Demokratika fil-fatt, fil-programm elettorali ta’ Marzu li għadda tispjega fid-dettall bosta mill-emendi li naraw meħtieġa.

Forsi l-iktar punt bażiku li ninsistu dwaru f’Alternattiva Demokratika hu li l-Kostituzzjoni hi tan-nies u mhux biss tal-politiċi. Punt li jagħmlu ukoll il-Partit Laburista permezz tal-proposta tiegħu ta’ Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Waqt il-Forum tal-President illum, f’messaġġ permezz ta’ email Lawrence Gonzi Kap tal-Opposizzjoni qal li l-PN jidhirlu li għandu jkun Kumitat Magħżul tal-Kamra (Select Committee) li għandu jkollu l-inkarigu biex iħejji għall-emendi Kostituzzjonali.

Għalkemm jikkuntrastaw jiena ma narax li hemm kontradizzjoni bejn il-posizzjoni tal-partiti. Qegħdin fil-fatt jemfasizzaw l-importanza ta’ stadji differenti tad-dibattitu pubbliku.

Alternattiva Demokratika u l-Partit Laburista qed jemfasizzaw li l-proposti għandhom jinbnew mill-egħruq tas-soċjeta fil-waqt li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Parlament għandu jżomm kontroll. L-emfasi li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista mhux daqstant dwar l-involviment tas-soċjeta ċivili imma dwar ir-rwol ta’ Franco Debono, għalkemm fl-email ta’ Lawrence Gonzi ma jissemmiex. (ara rapport fit-Times online hawn).

Fl-aħħar, it-tibdil Kostituzzjonali li jkun hemm qbil dwaru irid jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament. Fil-parti l-kbira l-emendi jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari. F’xi każi maġġoranza sempliċi tkun biżżejjed. Għal din ir-raġuni tattika biss hu ċar li ma kienx għaqli da parti ta’ Joseph Muscat li jappunta lil Franco Debono biex jikkordina l-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Tajjeb kemm hu tajjeb, bħala riżultat ta’ kif żviluppaw l-affarijiet tul l-aħħar ħames snin ma tantx ser jibni pontijiet. Il-preġudizzju li nżera’ għadu jinħass u jrid jgħaddi żmien sew biex jittaffa.

Dan ser jitfa’ dell fuq kif il-proċess ser jiżviluppa. Imma m’huwiex awgurju tajjeb.

Tibdil fil-Kostituzzjoni u l-ħatra ta’ Franco Debono

Franco Debono 1

 

L-inkarigu ta’ Franco Debono biex jieħu ħsieb il-konvenzjoni Kostituzzjonali li tista’ twassal għall-hekk imsejħa Tieni Repubblika fl-opinjoni tiegħi hi deċiżjoni żbaljata.

Fil-programm elettorali tiegħu il-Partit Laburista ġustament jgħid li t-tibdil kostituzzjonali meħtieġ għandna naslu għalih wara diskussjoni li fiha tkun involuta is-soċjeta’ ċivili. Is-soċjeta’ ċivili kellha tkun involuta anke’ fl-għażla tal-persuna bl-inkargu li tipprepara din il-konvenzjoni. Taqbel jew ma taqbilx miegħu Franco Debono hu persuna diviżiva u m’huwiex fil-fehma tiegħi l-persuna addattata għal din il-biċċa xogħol delikata.

Partijiet kbar mill-Kostituzzjoni jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jinbidlu. Jiġifieri għall-parti l-kbira tal-Kostituzzjoni ma jistax ikun hemm tibdil jekk ma jkunx hemm kunsens. Il-kunsens tista’ tasal għalih bħala riżultat ta’ diskussjoni serena li fiha kull min ikun involut iħossu liberu li jesprimi l-veduti tiegħu.

Hemm diversi partijiet delikati tal-Kostituzzjoni li jeħtieġu li jkunu mibdula, imħassra jew aġġornati għaż-żminijiet tal-lum. Għalhekk hu neċessarju li l-proċess kollu tal-konvenzjoni jkun wieħed li kull persuna involuta jkollha fiduċja fih.

Naħseb li bl-inkarigu ta’ Franco Debono l-proċess tal-konvenzjoni kostituzzjonali beda ħażin.

 

Il-Parlament: meta ser joħroġ mill-but tal-kuntratturi?

corruption.100

Lawrence Gonzi f’attivita’ politika l-lejla kien rappurtat li insista biex Joseph Muscat jippubblika l-lista tal-kuntratturi li qed jgħinu u jiffinanzjaw lill-Partit Laburista. Ġie rappurtat ukoll li qal li jrid ikun jaf min huma l-kuntratturi wara l-proposti li l-Partit Laburista għamel in konnessjoni mat-tibdil propost mill-PL fil-MEPA kif ukoll dwar il-proposta tal-Power Station.

Lawrence Gonzi qed jagħmel sewwa jinsisti għal din l-informazzjoni kollha. Informazzjoni li Alternattiva Demokratika ilha titlob snin twal sa mit-twaqqif tagħha. Tajjeb li anke Lawrence Gonzi issa jħoss il-ħtieġa tagħha. Donnu qed jiftaħ għajnejħ għall-ħażen li hawn madwaru!

Imma Lawrence Gonzi kien ikun iktar kredibbli li kieku jagħti l-eżempju u jkun hu l-ewwel li jagħti l-lista tal-benefatturi tal-Partit Nazzjonalista. Għax il-Partit Nazzjonalista ilu mill-1995 ikaxkar saqajh dwar il-ħtieġa ta’ liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti poltiiċi. Qatt ma ħass l-urġenza li jieħu passi, probabilment għax dejjem ħassu li kien minn fuq!

Forsi Lawrence Gonzi ma jarax il-ħtieġa li jippubblika l-lista tal-benefatturi tiegħu minħabba li jidher li din ser tibda tippubblika l-Malta Today. Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta ippubblikat l-istorja tas-Sammaritan Żaren Vassallo. Storja li ġiet miċħuda kemm minn Pawlu Borg Olivier (li jidher li ippreżenta kawża ta’ libell) kif ukoll mis-Sammaritan innifsu.

Fit-tweġiba li Pawlu Borg Olivier ta’ dwar l-artiklu tal-Malta Today qalilna li l-PN dejjem uża servizzi tal-kumpanija tas-Sammaritan Vassallo (MFCC). Qalilna li “The party said it leases services from MFCC and other suppliers through commercial arrangements, including barter agreements, as is the norm for the two parties.” Jiġifieri, PBO qed jgħidilna li l-PN ġieli flok ħlas partat il-kiri ta’ tined ma affarijiet oħra. Interessanti din. Il-mistoqsija tiġi waħdha: x’kien in-natura ta’ tpartit? Għax ngħiduha kif inhi, Żaren Vassallo iktar hu assoċjat mal-Yellow Pages milli mat-tpartit.

Issa drajnihom lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Laburista: meta jkunu fil-Gvern ma jieħdux passi dwar il-finanzjament tal-partiti politici għax ikunu minn fuq u meta jkunu fl-Opposizzjoni jokorbu għax qegħdin minn taħt.

Matul l-2012 it-tnejn li huma kellhom ċans tad-deheb meta permezz ta’ mozzjoni privata Franco Debono ressaq abbozz ta’ liġi propju dwar dan is-suġgett. Abbozz li kien fih xi affarijiet żgħar x’tirranġa imma li kieku l-PN u l-PL verament riedu jilleġislaw kellhom ix-xogħol kollu lest. Imma ma riedux u għalhekk qegħdin fl-istat attwali.

Din hi s-sitwazzjoni li Parlament magħmul u ikkontrollat minn żewġ partiti politiċi ġiebna fiha. Sitwazzjoni li nistgħu noħorġu minna biss bil-wasla ta’ Alternattiva Demokratika fil-Parlament. Għax Alternattiva Demokratika ma hi fil-but ta’ ħadd, kif inhuma l-PN u l-PL.

Jekk trid li l-Parlament ma jkunx fil-but tal-kuntratturi għażla waħda biss għandek: li tivvota Alternattiva Demokratika.