Qiegħed naqra u nisma’ dwar id-deċiżjoni tal-Information and Data Protection Commissioner dwar kif informazzjoni kunfidenzjali mill-files tal-Pulizija spiċċat f’idejn il-gazzetti. Dario Fo kien ikollu xalata b’din l-informazzjoni, dwar kif il-Pulizija titfa’ l-ġebla u taħbi idha.
Għax l-iktar punt interessanti li qed joħroġ, għalija, hu: kif il-protezzjoni tas-sorsi jispiċċa protezzjoni tal-abbuż tal-poter.
L-istorja dwar il-pubblikazzjoni tar-records kunfidenzjali tal-Pulizja dwar l-Ispettur Elton Taliana hi tat-tkexkix.
L-Independent illum tgħidilna li kien il-Kummissarju tal-Pulizija (Peter Paul Zammit) innifsu li għadda l-informazzjoni lill-Malta Today. It-Times min-naħa l-oħra hi iktar kawta u tgħidilna li meta ħarġet l-informazzjoni l-file in kwistjoni kien fl-uffiċċju tal-Kummissarju Peter Paul Zammit.
Il-gazzetti huma protetti milli jikxfu s-sors tal-informazzjoni li jirċievu. Dan hu tajjeb għax hu neċessarju li l-ġurnaliżmu serju u investigattiv ikun protett.
Dak li jippubblikaw il-gazzetti jirrifletti l-valuri li jħaddnu dawk li jmexxuhom. F’dan il-każ il-Malta Today iktar tat piz lill-aħbar dwar x’għamel jew m’għamilx l-Ispettur Elton Talana mill-aħbar ikbar li xi ħadd imlaħħaq fil-Korp tal-Pulizija bla skrupli ta’ xejn dehrlu li kellu jikxef informazzjoni kunfidenzjali li l-Korp kellu f’idejh.
Jekk anke l-Pulizija huma fl-ixkora, min ser jiddefendi liċ-ċittadin mill-abbuż meta l-gazzetta, biex tipproteġi s-sors tal-informazzjoni tagħha tostor lil min jabbuża?