Wara San Pawl il-Baħar u l-Munxar……………. qed iberraq f’Ħaż-Żabbar

Zabbar.l-itwal mejda

L-istorja tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għadha friska.

Kunsillier tefa’ l-offerta għal Works Manager, meta dan ma jistax isir mhux biss għax mhiex imġieba korretta, imma ukoll għax il-liġi dan tobbliga li ma jsirx.

Il-Kunsillier involut refa’ ir-responsabbilta ta’ dak li ġara u irreżenja. Ma nafx kemm kellu jerfa’ ir-responsabbilta’ hu biss. Għax fil-waqt li veru li huwa mexa ħażin, naqas ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li b’għoxrin sena esperjenza fil-Kunsilli ma nistax nifhem kif ma ndunax. Huwa responsabbli ukoll is-Segretarju Eżekuttiv li messu induna mill-ewwel, iżda ma ndunax. Meta rreżenja l-Kunsillier għaldaqstant ftit issolvew affarijiet. Għax min messu induna u żamm l-iżball milli jsir għadu ma refax ir-responsabbilta’ tiegħu.

Issa tfaċċa l-każ tal-Munxar. Fejn skoprew li l-kuntrattur li ħa l-offerta għadda din l-offerta (b’sub-contract) lil wieħed mill-kunsilliera tal-istess Kunsill! Flok mill-bieb dan għadda mit-tieqa.

Jidher li hemm iktar affarijiet għaddejja.

Qiegħed iberraq f’Ħaż-Żabbar. Għaddej xi ħaġa bejn is-Sindku w is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Jidher li is-Segretarju Eżekuttiv bi snin ta’ esperjenza qiegħed attent li l-ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar timxi sewwa, mar-regoli. Imma f’waħda minn l-aħħar laqgħat tal-Kunsill Lokali kien hemm ilment mis-Sindku li d-deċiżjonijiet qed idumu wisq ma jitwettqu. Is-Segretarju Eżekuttiv qiegħed fil-mira tal-attakki fid-deher u fl-imwarrab. Qaluli li qed jinġabru xi firem ukoll kontra dan is-Segretarju Eżekuttiv .

Hawn min rasu qed tikbirlu malajr. Il-ħidma tal-Kunsilli Lokali ma tistax issir jekk ma timxi bl-ordni u f’rispett sħiħ tar-regoli. B’mod partikolari ir-regoli ta’ kif isir l-infieq.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u l-Kultura, José Herrera, jidher li ser ikollu x’jagħmel mhux ħażin.

Min għandu jifhem ħa jifhem.

Advertisements

José Herrera jiġbidlu l-ispaga

Jose Herrera

Naqbel mad-deċiżjoni li ħa s-Segretarju Parlamentari José Herrera meta ordna lid-Direttur tal-Kunsilli Lokali biex dan jagħti struzzjonijiet lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li hu meħtieġ li dan jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar Kunsillier minn fostu bħala Works Manager tal-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar.

Is-Segretarju Parlamentari aġixxa korrettement biex jassigura tmexxija ghaqlija, trasparenti u kontabbli. Tmexxija li tosserva dak li tistabilixxi l-liġi tal-Kunsilli Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari José Herrera kien l-aħħar linja ta’ difiża li kellha il-komunita’ ta’ San Pawl il-Baħar għax is-saffi l-oħra ta’ difiza jirriżultaw li fallew u ma ħadmux.

Fallew milli jaqdu dmirhom il-kunsilliera infushom li issa qed jirriżulta li ħadd minnhom ma kellu konoxxenza tal-obbligi tagħhom. Ħadd minnhom ma oġġezzjona. L-Kunsilliera Laburisti kollha ivvutaw favur. Dawk tal-PN astjenew. Ħadd minnhom ma semma leħnu u ġibed l-attenzjoni  li kienet qed isseħħ irregolaritá bil-ħatra ta’ kunsillier bħala works manager.

L-anqas ma mexa sewwa il-proċess tal-aġġudikazzjoni tal-offerti . F’dan l-istadju l-offerta tal-Kunsillier kellha tkun meqjusa bhala inammissibli. Dan ifisser li min ħa sehem f’dan il-proċess ma jifhimx.

L-anqas ma qeda dmiru s-Segretarju Ezekuttiv tal-Kunsill Lokali li wera b’dan il-każ li ma kellux għarfien adegwat tar-regoli tal-Kunsilli Lokali. Jekk ma jafx dawn l-affarijiet x’qiegħed jagħmel bħala Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar?

Falla ukoll id-Direttur tal-Kunsilli Lokali li kellu l-obbligu li jintervjeni fil-każ mill-ewwel minghajr ma jkun hemm il-ħtieġa li s-Segretarju Parlamentari  jagħmilha ta’ suġġeritur.

Fortunatament il-Kunsilli  Lokali li jaġixxu b’dan il-mod huma ftit fil-għadd.

Minn dan il-każ ta’ San Pawl il-Baħar nistgħu naslu għal numru ta’ konklużjonijiet.  Hemm bżonn urġenti li kemm il-Kunsilliera kif ukoll is-Segretarji Eżekuttivi jkunu mħarrġa aħjar biex jagħrfu jaqdu sewwa r-responsabbiltajiet tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll li  l-proċess tal-aġġudikazzjoni tal-offerti jkun afdat f’idejn persuni kompetenti  kif ukoll li jkun hemm iktar nies imħarrġa fil-lokalitajiet biex jaqdu din il-funzjoni. B’hekk il-Kunsilli Lokali jkunu assigurati li jkollhom pariri mingħand persuni  li jifhmu.

Fl-aħħarnett huwa  meħtieġ  li d-Direttur tal-Kunsilli Lokali jkun iktar proattiv u jkun lest li jiċċaqlaq mingħajr il-ħtieġa li jiġbidlu l-ispaga José Herrera .