Joseph Muscat : tad-daħq jew tal-biki ?

smilie_gr_201

 

F’Malta(s’issa)  hawn kunsens bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar il-qasam tas-settur finanzjarju. Dan il-kunsens jinkludi l-possibilità tat-twaqqif ta’ nominee companies li jippermettu l-ħabi tal-ismijiet tal-persuni involuti f’dawn il-kumpaniji.

Alternattiva Demokratika dejjem kienet kritika ta’ dan. In partikolari ipproponejna li s-servizzi fiduċjarji li permezz tagħhom l-identità tas-sidien reali ta’ uħud mill-kumpaniji hi moħbija wara l-isem ta’ xi avukat jew accountant jeħtieġ li jispiċċaw.

Jekk dan ma jsirx, inutli nitkellmu fuq it-trasparenza u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-korruzzjoni hi mibnija fuq in-nuqqas ta’ trasparenza, fuq il-ħabi, w s-servizzi fiduċjarji ma jagħtu l-ebda garanzija biex dan ikun evitat.

F’dan il-kuntest uħud mid-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat fil-konferenza tal-Commonwealth f’Londra ma nafx jekk humiex tad-daħq jew tal-biki.

Il- ġenn fit-toroq tagħna

valletta-2015

Kulħadd jifhem li fiż-żona madwar Dar il-Mediterran matul is-summit bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Istati Afrikani dwar il-migrazzjoni jkun hemm sigurtà stretta, inkluż li ma jkunx possibli l-parking. L-istess jgħodd għaċ-CHOGAM.

Anke li jkun hemm tnaqqis ta’ parking u kontroll strett tal-movimenti fit-toroq huwa raġjonevoli.

Imma l-kwantità kbira ta’ toroq f’kull parti ta’ Malta li ma jistgħux jintużaw la għall-parking u l-anqas biex tgħaddi minnhom hu ġenn.

B’dawn it-tip ta’ miżuri konklużjoni waħda nista’ nasal għaliha: li dawn l-avvenimenti m’għandniex norganizzawhom f’pajjiżna. Għax jekk il-pajjiż ser jieqaf għall-ġimgħa x’siwi fihom?

 

CHOGM 2015 : b’rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem

Joseph Muscat with Mahinda Rajapakse .Sri Lanka Nov 2013 CHOGM 2013 Sri Lanka

Waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Commonwealth li saret il-ġimgħa l-oħra ġo Colombo fis-Sri Lanka sar magħruf li l-Mauritius irtira l-istedina tiegħu biex il-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth issir fil-Mauritius.

Malta fiċ-ċirkustanzi offriet li l-laqgħa issir ġo pajjiżna. L-istedina ġiet milqugħa.

Il-mistoqsija hi: għalfejn ġiet iritirat l-istedina tal-Mauritius biex dan il-pajjiż jorganizza ic-CHOGM (Commonwealth Heads of Government Meeting) fl-2015?

Ir-risposta issiba fil-media internazzjonali.

Il-Kapijiet tal-Gvern tal-Mauritius, il-Kanada u l-Indja ma marrux għas-Summit tac-CHOGM fis-Sri Lanka l-ġimgħa l-oħra minħabba l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Għalhekk ukoll il-Mauritius irtira l-istedina tiegħu  biex il-laqggħa taċ-CHOGM fl-2015 issir fil-Mauritius.

Il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay ilha minn Settembru tinsisti mal-Gvern ta’ Sri Lanka biex issir investigazzjoni serja dwar l-abbużi li seħħew fi Sri Lanka.

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron li l-ġimgħa l-oħra attenda għas-summit fi Sri Lanka ħa posizzjoni iebsa fuq ir-record tad-drittijiet tal-bniedem tal-Gvern tas-Sri Lanka.

Il-lista hi twila u tinkludi tortura, nies li nqatlu jew li sparixxew,  intimidazzjoni ta’ ġurnalisti,  stupru …..

F’diskors li għamel f’Colombo l-ġimgħa l-oħra David Cameron wissa’ li jekk is-Sri Lanka mhux ser tiċċaqlaq, ir-Renju Unit ikun kostrett li jitlob lill-Ġnus Magħquda biex tibda investigazzjoni.

F’dan il-kuntest minnflok ma appoġġat il-posizzjoni tal-Mauritius Malta offriet li tieħu postha u dan mingħajr l-ebda konsiderazzjoni għat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka.

Ma nafx meta ser jasal iż-żmien li Malta jkollha politika barranija mibnija fuq il-valuri, fosthom tar-rispett lejn id-dinjita’ tal-bniedem.

Qed nippretendi wisq?

Ippubblika fuq iNews : it-Tlieta 19 ta’ Novembru 2013