Wara l-aħħar straġi f’ Lampedusa: l-isfida tagħna lkoll

ITALY-IMMIGRATION-REFUGEE-ACCIDENT

L-iġsma bla ħajja tal-immigranti f’ Lampedusa huma l-aħħar avviż ta’ problema wara l-bieb. Li hemm min għandu bżonn l-għajnuna u m’hux isibha.

L-immigrazzjoni m’hiex problema tal-Unjoni Ewropeja. Hi problema tagħna lkoll, għax aħna ukoll parti minn din l-Ewropa ta’ bla qalb li tippreferi tibki lill-mejtin bid-dmugħ tal-kukkudrilli milli tipprova tgħinhom waqt li għadhom qed jippruvaw jgħixu.

L-Unjoni Ewropeja teħtieġ politika Euwopeja dwar il-migrazzjoni li tkun waħda komuni. Dan li jfisser meta ngħidu li din il-problema hi tagħna lkoll. Politika komuni li tkun ibbażata fuq is-solidarjeta li twarrab il-kultura tal-indifferenza u l-mibgħeda li uħud ilhom ixerrdu kontra dawk li huma maħruba minn pajjiżhom u jispiċċaw fuq xtutna.

Il-migrazzjoni hi piż li l-pajjiżi fil-periferija tal-Ewropa qed jerfgħuh waħedhom. Malta, l-Italja, l-Greċja, Spanja w Ċipru ilkoll qed jerfgħu iktar milli jifilħu. Dan ilna ngħiduh. Bħalma għidna dejjem ukoll li r-rażżiżmu u l-xenofobija  ta’ uħud qed iċajpru l-viżjoni ta’ bosta u jwasslu biex ikabbru t-tensjoni u jkattru l-mibgħeda.

Is-sentiment ta’ mibgħeda kontra l-immigranti jeżisti f’diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja. Għax fil-verita’ l-ebda pajjiż m’għandu l-monopolju tal-kultura tal-indifferenza. L-isforz biex din il-kultura tingħeleb irid ikun wieħed komuni. Għax din ukoll hi problema tagħna lkoll.

F’kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja hemm ukoll  sens ta’ solidarjeta’ li pero s’issa għadu m’huwiex qawwi biżżejjed.

Li aħna bħala Maltin nistennew li l-Unjoni Ewropeja tinvolvi ruħha iktar fil-migrazzjoni hu dritt. Pero’ biex dan id-dritt neżerċitawħ b’responsabbiltá hu meħtieġ li nifhmu ukoll li l-posizzjoni ġeografika tagħna titfa’ fuqna ukoll l-obbligu li nagħtu l-eżempju.

L-ospitalita’ li Malta u l-Maltin dejjem urew fil-passat hu prova li Malta dejjem refgħet ir-responsabbiltajiet tagħha. Li ninsistu għall-għajnuna ma jfissirx li ma irridux nerfgħu iktar imma hu karba li l-piż qed jikber wisq biex inkunu nistgħu nibqgħu nerfgħuh waħedna.

Li tipprattika is-solidarjeta’ fi żmien diffiċli hu xhieda ta’ valuri umani li Malta dejjem ħaddnet.  Ma irriedux inċedu taħt l-effett tal-piż.  Malta qatt ma ħaddnet il-kultura tal-indifferenza. Nistġhu iżda naħdmu iktar flimkien biex l-ilħna favur is-solidarjeta fl-Unjoni Ewropeja jissaħħu.

Is-solidarjetá tgħaqqadna. L-indifferenza tifridna. Din hi l-isfida tagħna lkoll.